27.11.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/42
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Settembru 2017 – Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-617/17)
(2017/C 402/56)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Vialto Consulting Kft. (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 190 951,93 għad-damnum emergens ikkawżat lir-rikorrenti u s-somma ta’ EUR 129 992,63 għal-lucrum cessans, bl-interessi moratorji mill-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-ħlas sħiħ;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 150 000, bħala kumpens għad-danni għar-reputazzjoni professjonali kkawżati lir-rikorrenti, bl-interessi moratorji mill-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-ħlas sħiħ, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata “Vialto Consulting Korlátolt Felelősségű Társaság” (iktar ’il quddiem “Vialto”) titlob lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 268 TFUE, kumpens għad-danni sostnuti bħala riżultat tal-imġiba illegali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-“OLAF”) u ta’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni”), fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea Nru TR2010/0311.01-02/001 konkluż bejn l-Unità Ċentrali tal-Finanzi u Kuntrattwali (iktar il-quddiem is-“CFCU”) tar-Repubblika tat-Turkija u l-konsorzju ta’ impriżi li għalih ipparteċipat Vialto.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni – kemm permezz tal-OLAF kif ukoll permezz ta’ dipartimenti oħra tagħha – ikkawżat lil Vialto d-danni li ġejjin: (a) dannu materjali ta’ EUR 190 951,93 bħala damnum emergens; (b) dannu materjali ta’ EUR129 992,63 bħala lucrum cessans; u (ċ) danni morali ta’ EUR 150 000, bħala kumpens għad-danni għar-reputazzjoni professjonali tagħha.
Vialto tallega li sostniet id-danni msemmija hawn fuq bħala riżultat ta’ atti u ommissjonijiet tal-Kummissjoni kemm waqt il-verifika fuq il-post imwettqa mill-OLAF fil-bini ta’ Vialto kif ukoll warajha. Vialto tallega, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kisret ir-regoli li ġejjin li jagħtu drittijiet lill-individwi:
—
l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/1996 fir-rigward tat-twettiq tal-verifiki min-naħa tal-OLAF, u b’mod partikolari fir-rigward tad-diskrezzjoni mogħtija, limitata għall-kontroll tal-uffiċċju inkwistjoni;
—
il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fir-rigward tal-kontroll imwettaq mill-OLAF;
—
id-dritt għal smigħ, fir-rigward tal-attività tad-Direttorat Ġenerali Politika Ewropea tal-viċinat u n-negozjati għat-tkabbir tal-Kummissjoni wara l-verifika tal-OLAF.
Full & Egal Universal Law Academy