13.11.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 382/53
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017 – Pint vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-634/17)
(2017/C 382/66)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Anikó Pint (Göd, l-Ungerija) (rappreżentant: D. Lazar, Rechtsanwalt)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares (2017) 2755260, tal-1 ta’ Ġunju 2017,
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 5145 finali, tas-17 ta’ Lulju 2017,
—
tordna lill-Kummissjoni tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti kollha marbuta mal-proċedura EU Pilot Nru 8572/15 [CHAP (2015) 00353], indipendentement minn jekk dawn humiex diġà fil-pussess tagħha jew jekk dawn jiġux ikkomunikati lilha biss fil-ġejjieni, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv: l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni ma jippreġudikax l-għan ta’ protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni
Skont ir-rikorrenti, il-proċedura EU Pilot Nru 8572/15 għandha bħala suġġett l-ksur fuq skala kbira mwettaq mill-qrati Ungeriżi tad-dritt għal proċess imparzjali u għal smigħ xieraq minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rigward il-konverżjoni fil-munita Ungeriża tal-krediti ddenominati f’munita barranija. Dawn il-liġijiet jiksru s-separazzjoni tas-setgħat billi jinterferixxu fir-relazzjonijiet legali privati taċ-ċittadini. B’mod partikolari, dawn il-liġijiet iġiegħlu lil min jissellef ibati t-telf marbut mar-riskju ta’ kambju u jipprojbixxu l-kontestazzjoni quddiem qorti tal-validità ta’ kuntratti ta’ self.
In-negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ungeriż intiżi sabiex l-ordinament ġuridiku Ungeriż jinġab f’konformità mad-dritt tal-Unjoni ma humiex adatti sabiex jintlaħaq dan l-għan fid-dawl tal-indipendenza tal-ġustizzja fi Stat tad-dritt.
L-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni ma jippreġudikax l-għan ta’ protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni iżda jippromwovih, għaliex huwa biss dibattitu pubbliku li jista’ jibdel il-ġurisprudenza tal-qrati Ungeriżi.
2.
It-tieni motiv: jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġu żvelati d-dokumenti inkwistjoni
Huwa ta’ interess pubbliku li jiġu żvelati d-dokumenti sa fejn dan l-iżvelar jippermetti:
—
li tinbidel il-kultura ġuridika tal-qrati Ungeriżi,
—
dibattitu pubbliku fl-Ewropa rigward il-fehim li l-Gvern Ungeriż għandu dwar l-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali,
—
li jinfetaħ dibattitu pubbliku rigward il-fehim li l-Kummissjoni għandha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
—
li jiġi protett is-suq intern,
—
li jintwerew b’mod ċar liċ-ċittadini l-vantaġġi li l-Ungerija għandha minħabba l-appartenenza tagħha fl-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy