13.11.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 382/54
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017 – PlasticsEurope vs ECHA
(Kawża T-636/17)
(2017/C 382/67)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: PlasticsEurope (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: R. Cana, E. Mullier u F. Mattioli, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat,
—
tannulla d-deċiżjoni, ippubblikata fis-7 ta’ Lulju 2017, li taġġorna l-entrata eżistenti tal-Bisphenol A fil-lista ta’ kandidati bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna abbażi tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (ĠU 2006, L 396, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”),
—
tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż, u
—
tordna kull miżura oħra li tqis meħtieġa.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi applikat kriterji inkonsistenti u mhux prevedibbli biex tevalwa l-allegati proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina (iktar ’il quddiem “JSE”) li l-BPA għandu fuq is-saħħa tal-bniedem.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret id-dmir ta’ diliġenza.
—
Il-konvenuta naqset milli tistabbilixxi li l-BPA huwa sustanza li tixkel s-sistema endokrina li fir-rigward tagħha hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa ta-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament REACH, peress li (i) il-konvenuta ppruvat tistabbilixxi biss li l-PBA għandu “proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina” allegati, (ii) l-identifikazzjoni tal-BPA ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u (iii) il-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni d-derivazzjoni ta’ livell mhux perikoluż bħala fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-BPA fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH; u
—
il-konvenuta naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha, u b’mod partikolari l-istudju CLARITY-BPA.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni studji mistennija li ġew irrikonoxuti bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tal-allegati proprjetajiet JSE tal-BPA, u b’mod partikolari l-istudju CLARITY-BPA, u billi ma qisitx li d-derivazzjoni ta’ livell mhux perikoluż hija fattur rilevanti għall-istabbiliment tal-livell ta’ tħassib ekwivalenti.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 59 u 57(f) tar-Regolament REACH billi tidentifika l-BPA bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna abbżi ta’ kriterji msemmija fl-Artikolu 57(f), peress li l-Artikolu 57(f) ikopri biss sustanzi li għadhom ma ġewx identifikati taħt l-Artikolu 57(a) sa (e).
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament REACH peress li l-intermedji huma eżentati mit-Titolu VII kollu kemm hu, u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 57 u 59 u taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-inklużjoni tal-BPA fil-lista ta’ kandidati meta dan ma huwiex intermedju tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija u ma hijiex l-inqas miżura restrittiva li setgħet tingħażel mill-Aġenzija.
Full & Egal Universal Law Academy