18.12.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 437/33
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2017 – Alkarim for Trade and Industry vs Il-Kunsill
(Kawża T-667/17)
(2017/C 437/41)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Alkarim for Trade and Industry LLC (Tal Kurdi, is-Sirja) (rappreżentanti: J. P. Buyle u L. Cloquet, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1245, tal-10 ta’ Lulju 2017, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti;
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1241, tal-10 ta’ Lulju 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti safejn il-Kunsill ma pproduċa ebda prova tal-fatt li r-rikorrenti hija konglomerat Sirjan magħruf fuq livell internazzjonali.
Skont din tal-aħħar, din l-allegazzjoni, li hija kompletament żbaljata fl-intier tagħha, tiżvela numru kbir ta’ ineżattezzi materjali fl-approċċ tal-Kunsill.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li hija wriet li ma hijiex kumpannija kbira iżda li tikkwalifika bħala impriża żgħira jew medja skont il-leġiżlazzjoni Ewropea u li ma għandha l-ebda reputazzjoni fuq livell internazzjonali.
Hija tqis ukoll li l-Kunsill la ma ħa inkunsiderazzjoni s-sentenza tas-6 ta’ April 2017, Alkarim for Trade and Industry vs Il-Kunsill (T-35/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:262), u lanqas is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Abdulkarim vs Il-Kunsill (T-304/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:327), li fihom il-Qorti Ġenerali annullat is-sanzjonijiet kontra r-rikorrenti u kontra Wael Abdulkarim rispettivament, minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, safejn:
—
il-miżuri kkontestati jwasslu għall-waqfien tal-kummerċ internazzjonali fil-konfront tar-rikorrenti, peress li din twettaq parti sostanzjali tal-attivitajiet tagħha ma’ fornituri u klijenti Ewropej;
—
il-miżuri kkontestati huma barra minn hekk ta’ natura li jrendu ineffettivi varji kuntratti preċedenti u attwali, u jwasslu għar-responsabbiltà kuntrattwali u kważi delittwali tar-rikorrenti fir-rigward tal-klijenti tagħha u tal-partijiet kontraenti, b’mod mhux iġġustifikat. Din tal-aħħar tqis li tali sanzjoni hija totalment sproporzjonata.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà u għat-twettiq ta’ attività professjonali peress li, permezz tas-sanzjonijiet adottati, il-Kunsill ippreġudika inevitabbilment id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti kif ukoll id-dritt tagħha li teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tagħha, u dan bi ksur tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Ir-rikorrenti tqis li hija ma tistax tiġi prekluża milli tgawdi mill-proprjetà tagħha u mil-libertà ekonomika tagħha, liema fatt jiġġustifika l-annullament tal-miżuri kkontestati safejn dawn jirrigwardaw lilha.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter safejn il-miżuri adottati mill-Kunsill ma għandhom l-ebda effett fuq is-sistema Sirjana u safejn ir-rikorrenti baqgħet f’kull mument indipendenti mill-awtoritajiet fil-poter. Għaldaqstant, din tal-aħħar tqis li s-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill huma infondati u ma humiex ibbażati fuq provi, u ma humiex intiżi li jolqtu s-sistema Sirjana iżda unikament lir-rikorrenti, għal raġunijiet li ma humiex magħrufa minnha.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 tar-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-Kunsill insostenn tal-miżuri kkontestati hija ambigwa u ma tirreferi għal ebda element konkret u rilevanti għalfejn hija ġiet meqjusa bħala “konglomerat Sirjan magħruf fuq livell internazzjonali li huwa assoċjat ma’ Wael Abdulkarim, li huwa negozjant prominenti li jopera fis-Sirja”.
Full & Egal Universal Law Academy