Kawża T-696/17: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2017 – Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il-Kummissjoni
C4122017MT3710120171009MT0053371382
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2017 – Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-696/17)2017/C 412/53Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Havenbedrijf Antwerpen NV (Antwerpen, il-Belġju) u Maatschappij van de Brugse Zeehaven NV (Zeebrugge, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Wytinck, W. Panis u I. Letten, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5174 final, tas-27 ta’ Lulju 2017, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.38393 (2016/C, ex 2015/E) – Tassazzjoni ta’ portijiet fil-Belġju, implementata mill-Belġju;
—
sussidjarjament, tagħti perijodu tranżitorju sal-konklużjoni mill-Kummissjoni tal-investigazzjoni tagħha tas-sistema fiskali tad-diversi portijiet fl-Unjoni Ewropea li jkopri, fi kwalunkwe każ, sena sħiħa;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE.
—
Il-Kummissjoni qiegħda tikser l-Artikolu 107 TFUE sa fejn tqis, b’mod żbaljat, li hemm “suq” li fih l-awtoritajiet portwali jipprovdu s-servizzi tagħhom.
—
L-attivitajiet prinċipali tal-awtoritajiet portwali, jiġifieri li jipprovdu aċċess għall-portijiet u li jqiegħdu artijiet għad-dispożizzjoni permezz ta’ konċessjonijiet ta’ dominji, jinvolvu attivitajiet li ma humiex ta’ natura ekonomika. Minn tal-inqas, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-konklużjoni opposta b’mod adegwat, u għalhekk kisret l-Artikolu 296 TFUE.
2.
It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni tikklassifika b’mod żbaljat il-miżura bħala waħda selettiva.
Il-fatt li l-awtoritajiet portwali jiġu suġġetti għas-sistema ta’ taxxa fuq persuni ġuridiċi ma huwiex deroga mis-“sistema ta’ referenza” peress li t-taxxa fuq persuni ġuridiċi hija sistema ta’ referenza fiha nnifisha. Il-fatt li l-awtoritajiet portwali huma suġġetti għat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi huwa dovut għall-fatt li l-ġestjoni tal-portijiet bħala dominju pubbliku hija missjoni pubblika li ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji. L-awtoritajiet portwali fl-aħħar mill-aħħar iwettqu, essenzjalment, servizz pubbliku, mingħajr skop ta’ lukru, konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur u taħt sorveljanza amministrattiva.
3.
It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn id-deroga mis-sistema ta’ referenza hija, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata.
Anki jekk it-taxxa fuq il-kumpanniji titqies li hija s-sistema ta’ referenza għall-Belġju – li ma hijiex – il-fatt li l-awtoritajiet portwali ma jkunux suġġetti għaliha jista’ jiġi ġġustifikat. Dan isegwi mill-koerenza ġenerali tas-sistema tat-taxxa u mill-fatt li r-rikorrenti ma jinstabux f’sitwazzjoni fattwali u legali li tista’ titqabbel ma’ dik ta’ impriżi li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Barra minn hekk, jekk ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, dan jista’ jkollu effett ta’ sanzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv: b’mod iktar sussidjarju, fir-rigward ta’ talba għal perijodu tranżitorju sakemm il-Kummissjoni tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha tas-sistema fiskali tad-diversi portijiet fl-Unjoni, li jkopri, fi kwalunkwe każ, sena sħiħa.
—
Fil-każ kontra l-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni tat lil-leġiżlatur tal-Pajjiżi l-Baxxi sena sħiħa sabiex jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu; b’hekk il-portijiet ukoll kellhom sena sabiex jippreparaw għas-sitwazzjoni l-ġdida. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni għaliex ir-rikorrenti għandhom jingħataw perijodu iqsar sabiex jadattaw ruħhom għas-sitwazzjoni l-ġdida.
—
Il-fatt li l-miżura tiġi pprojbita fi Stat Membru wieħed, meta portijiet fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-effetti tagħha, bl-ebda mod ma jiffavorixxi sitwazzjoni fejn il-portijiet (mhux l-awtoritajiet portwali) jkunu fuq livell ugwali. Għall-kuntrarju, minflok ma jelimina l-inugwaljanza, dan joħloq sitwazzjoni inugwali bejn il-portijiet fid-diversi Stati Membri.
Full & Egal Universal Law Academy