11.12.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 424/56
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2017 – Topor-Gilka vs Il-Kunsill
(Kawża T-721/17)
(2017/C 424/81)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Sergey Topor-Gilka (Moska, ir-Russja) (rappreżentant: N. Meyer, Rechtsanwalt)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill (PESK) 2017/1418 (1) tal-4 ta’ Awwissu 2017;
—
sussidjarjament, u f’kull każ, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill (PESK) 2017/1418 sa fejn, b’din id-deċiżjoni, ir-rikorrent ġie inkluż taħt in-Nru 160 fil-lista ta’ persuni u organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni; u
—
tgħaqqad din il-proċedura mal-proċedura parallela rigward OOO WO Technopromexport skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni
—
Invokazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1351/2014 (2).
Dan ir-regolament jikkonċerna kategorija ta’ persuni li ma jagħmilx parti minnha r-rikorrent, u għaldaqstant ma huwiex xieraq sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista inkwistjoni.
—
Allegazzjoni ta’ ksur ta’ kuntratt
Il-Kunsill jibbaża d-deċiżjoni li jżid lir-rikorrent fil-lista inkwistjoni, fost l-oħrajn, fuq il-fatt li S. Topor-Gilka kien mexxa n-negozjati tal-kuntratt ma’ Siemens Gas Turbine Technology OOO rigward il-kuntratt ta’ provvista oriġinali, u iktar tard id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt ta’ provvista oriġinali nkisru. L-evalwazzjoni dwar jekk hemmx effettivament ksur ta’ kuntratt għandha ssir taħt id-dritt Russu. Il-partijiet fil-kuntratt ta’ provvista ressqu l-kwistjoni quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ ta’ Moska. Qabel ma dan it-tribunal ta’ arbitraġġ jiddeċiedi dwar il-kawża, l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix bażi fattwali suffiċjentement solida u għaldaqstant ma hijiex xierqa bħala motivazzjoni għad-Deċiżjoni 2017/1418 (PESK).
—
Trasport ta’ turbini ta’ gass lejn il-Krimea
L-allegazzjoni kontra r-rikorrent hija li huwa responsabbli għat-trasport ulterjuri ta’ turbini ta’ gass lejn il-Krimea. L-istqarrijiet għall-istampa ppubblikati ma humiex ċari u huma bbażati fuq sorsi anonimi. Huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni li għandhom jistabbilixxu li l-motivi huma fondati, u mhux l-impriża kkonċernata li għandha tipproduċi l-prova negattiva, jiġifieri li dawn il-motivi ma humiex fondati.
—
Ksur tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali umanitarju
Ir-Russja hija obbligata, taħt id-dritt internazzjonali, li terġa’ tistabbilixxi u żżomm l-ordni pubbliku fil-Krimea, u f’dawn iż-żminijiet dan jinkludi l-garanzija u l-konsistenza tal-provvista ta’ enerġija. Il-bżonnijiet umanitarji għal tali provvista ta’ enerġija ma humiex ikkunsidrati fil-motivazzjoni għad-Deċiżjoni 2017/1418 (PESK), bħalma lanqas ma huma r-regoli tad-dritt internazzjonali umanitarju.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE
Id-Deċiżjoni 2017/1418 tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-motivazzjoni msemmija fin-Nru 160 tal-Anness tad-Deċiżjoni hija, b’mod ġenerali, vaga u mhux suffiċjentement iddettaljata. Hija ma ssemmiex il-motivi konkreti għalfejn il-Kunsill iddeċieda, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li japplika l-miżuri restrittivi għar-rikorrent u konsegwentement, meħuda b’mod sħiħ, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet għad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
Peress li l-Kunsill ma ssodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, huwa kiser id-drittijiet tar-rikorrent għad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għaliex ir-rikorrent, peress li ma kellux għarfien tal-motivi prinċipali li għalihom huwa ġie miżjud fil-lista inkwistjoni, ma setax jifformula l-aħjar difiża possibbli.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1418, tal-4 ta’ Awwissu 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2017, L 203I, p. 5).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1351/2014, tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 692/2014 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol (ĠU 2014, L 365, p. 46).
Full & Egal Universal Law Academy