15.1.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 13/25
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ottubru 2017 – Dreute vs Il-Parlament
(Kawża T-732/17)
(2018/C 013/39)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Olivier Dreute (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u A. Blot, avocats)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement,
—
tannulla d-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2017 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, li r-rikorrent jiġi ttrasferit mill-Kabinett tal-President tal-Parlament Ewropew lejn id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari – Direttorat Librerija, tal-Parlament Ewropew, b’effett mis-17 ta’ Jannar 2017;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-20 ta’ Lulju 2017 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tat-28 ta’ April 2017;
—
sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2017 li fl-interess tas-servizz tikkolloka lir-rikorrent mal-Kummissjoni, mill-24 ta’ Mejju 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2017, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonstitwixxi l-konsegwenza tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Jannar u tal-20 ta’ Lulju 2017;
—
tġġudika s-somma ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-danni morali subiti;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenża tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, skont ir-rikorrent, l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-kollokament il-ġdid tiegħu kien il-President fil-ħatra tal-Parlament Ewropew u mhux is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament.
2.
It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smiegħ kif ukoll fuq ksur tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015, PERS-DGD(2015)44042, dwar iċ-ċaqliq tal-pożizzjonijiet fi ħdan direttorat ġenerali jew bejn direttorati ġenerali.
3.
It-tielet motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
4.
Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.
5.
Il-ħames motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.