22.1.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 22/48
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Novembru 2017 – ViaSat vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-734/17)
(2018/C 022/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ViaSat, Inc. (Carlsbad, California, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: J. Ruiz Calzado, L. Marco Perpiñà, u S. Semey, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni negattiva impliċita tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Awwissu 2017, li tirriżulta min-nuqqas tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, milli twieġeb fit-terminu previst għall-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti għal aċċess għal dokumenti tal-10 ta’ Lulju 2017 fir-rigward tal-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti rreġistrata fit-2 ta’ Mejju 2017 bin-numru 2017/2592, sa fejn tikkonċerna informazzjoni prodotta jew skambjata fil-kuntest ta’ sejħa għal applikazzjonijiet għal sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi ċellulari bis-satellita;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-intervenjenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv: il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296(2) TFUE.
2.
It-tieni motiv: il-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.