8.1.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 5/50
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2017 – Euracoal et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-739/17)
(2018/C 005/68)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Association européenne du charbon et du lignite (Euracoal) (Woluwe-Saint-Pierre, il-Belġju), Deutscher Braunkohlen-Industrie – Verein e.V. (Köln, il-Ġermanja), Lausitz Energie Kraftwerke AG (Cottbus, il-Ġermanja), Mitteldeutsche Braunkohlengesellschaft mbH (Zeitz, il-Ġermanja), eins energie in sachsen GmbH & Co. KG (Chemnitz, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Spieth u N. Hellermann, Rechtsanwälte)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal-31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2017, L 212, p. 1), sa fejn, b’din id-deċiżjoni, livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT (BAT-AELs) ġew aċċettati u stabbiliti għal emissjonijiet NOx (Artikolu 1, Anness 2.1.3, Tabella 3) u emissjonijiet ta’ merkurju (Artikolu 1, Anness 2.1.6, Tabella 7) li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ faħam u/jew linjite,
—
sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2017/1442 fl-intier tagħha, kif ukoll
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ta’ dispożizzjoni legali superjuri, u tal-limiti tas-setgħat mogħtija b’rabta mal-vot fil-kumitat tal-Artikolu 75
Il-Kummissjoni injorat il-limiti mandatorji taħt l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (2) billi introduċiet emenda, mingħajr avviż minn qabel, relatata mal-abbozz ta’ deċiżjoni u billi kkawżat vot immedjat, u b’dan il-mod ma wettqitx l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 li taħdem b’mod oġġettiv lejn l-ikbar appoġġ possibbli fi ħdan il-Kumitat. Minbarra dan, il-Kummissjoni ostakolat lir-rappreżentattivi tal-Istati Membri milli jkollhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni xierqa fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni emendat u b’hekk kisret l-Artikolu 291(3) TFUE, li jipprovdi li għandu jiġi żgurat kontroll effettiv tal-Kummissjoni mill-Istati Membri. Minbarra dan, il-Kummissjoni, permezz ta’ approċċ li huwa manifestament immotivat mit-tattika, eżerċitat b’mod abbużiv u żbaljat il-pożizzoni tagħha bħala president tal-Kumitat.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ta’ dispożizzjoni legali superjuri, u tal-limiti tas-setgħat mogħtija abbażi tal-abbozzar ivvizjat mil-lat proċedurali fil-kuntest tal-hekk imsejjaħ Proċess ta’ Sevilla
Skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/119/UE (3) (Gwida dwar il-BAT), id-deduzzjoni minn konklużjonijiet BAT tista’ sseħħ biss skont standards tekniċi. Id-deduzzjoni għandha ssegwi rekwiżit ta’ kontenut tekniku, u għalhekk, bħala korrispettiv, fid-determinazzjoni huma esklużi kunsiderazzjonijiet ta’ oriġini politika. F’dan il-każ, dawn ir-rekwiżiti ġew injorati.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjoni legali superjuri u tal-limiti tas-setgħat mogħtija permezz tal-kontenut tal-konklużjonijiet BAT ikkontestati
Id-determinazzjoni tal-kontenut, b’mod partikolari tal-BAT-AELs għal NOx u għall-merkurju, fundamentalment tinjora r-rekwiżit ta’ disponibbiltà teknika-ekonomika, li jirriżulta direttament mid-Direttiva 2010/75/UE, u b’hekk timponi piż sproporzjonat lill-operaturi tal-installazzjonijiet affettwati mir-regoli.
Din is-sitwazzjoni inevitabbilment toħloq l-impressjoni li d-determinazzjoni tar-regoli kkontestati kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet politiċi, li huma inammissibbli fl-abbozzar ta’ konklużjonijiet BAT. B’dan il-mod, il-Kummissjoni hawnhekk ukoll abbużat mill-pożizzjoni tagħha u marret lil hinn mis-setgħat tagħha.
(1) Direttiva 2010/75/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17).
(2) Regolament (UE) Nru 182/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).
(3) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Frar 2012, li tistipula r-regoli rigward gwida dwar il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom imsemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (notifikata bid-dokument numru C(2012)613) (ĠU 2012, L 63, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy