29.1.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/40
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2017 – Estampaciones Rubí vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-775/17)
(2018/C 032/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Estampaciones Rubí, SAU (Vitoria-Gasteiz, Spanja) (rappreżentanti: D. Armesto Macías u K. Caminos García, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli, kif ukoll id-dokumenti annessi;
—
permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri, tordna lill-Kummissjoni tinkludi fl-atti l-verżjoni integrali tad-dokumenti li ġejjin, filwaqt li tħassar id-data kunfidenzjali ta’ terzi li tista’ tinsab fihom:
a)
messaġġ informali bi tweġiba għan-noti trażmessi fit-22 ta’ Frar u l-4 u t-12 ta’ Marzu 2013 (Álava), tas-26 ta’ Marzu 2013;
b)
“Informal message in reply to the submission of 7 November (Álava)”, tal-4 ta’ Diċembru 2012;
—
tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni espressi fl-imsemmija dokumenti;
—
sussidjarjament, tiddikjara l-ksur tat-Trattati, dovut għas-silenzju tal-Kummissjoni u tordna lil din tal-aħħar twieġeb għat-talba tar-rikorrenti fformulata bil-miktub u magħmula fil-31 ta’ Lulju 2017, bil-għan li r-rikorrenti tkun tista’, bħala benefiċjarja tal-imsemmija għajnuna, teżerċita d-drittijiet proċedurali mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-kompatibbiltà tal-għajnuna rċevuta;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors għandu bħala għan prinċipali l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu l-kompatibbiltà ta’ għajnuna fiskali speċifika rċevuta mir-rikorrenti f’forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fuq ċerti proġetti ta’ investiment, li ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet fiskali Spanjoli rrappreżentati mid-Diputación Foral de Álava, permezz ta’ noti mill-Kummissjoni intitolati “informal message” u “messaġġ informali”, tal-4 ta’ Diċembru 2012 u s-26 ta’ Marzu 2013 rispettivament, li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali.
Ir-rikors preżenti huwa intiż, sussidjarjament, sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, dovut għas-silenzju tagħha fid-dawl tat-talba tar-rikorrenti tal-31 ta’ Lulju 2017, li kienet tistedinha tiddeċiedi dwar in-natura ġuridika vinkolanti, jew mhux vinkolanti, tal-imsemmija “messaġġi informali” u, jekk ikun il-każ, li tingħata dritt korrispondenti li tinstema’ fil-proċedura sabiex tesponi dak kollu li tqis li huwa rilevanti.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati b’mod li jeskludi l-garanziji proċedurali minimi meħtieġa
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni eskludiet il-garanziji proċedurali minimi meħtieġa, meta ddeċidiet fil-messaġġ informali dwar l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mingħajr ma segwiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE. Dan in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura jimplika ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, hekk kif inhuma rrikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma żbaljati billi jqisu l-għajnuna bħala inkompatibbli, inkwantu ma jeżistix l-effett ta’ inċentiv.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 265 TFUE
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ tweġiba tal-Kummissjoni għat-talba tar-rikorrenti sabiex tiddeċiedi dwar in-natura ġuridika (vinkolanti jew mhux vinkolanti) tal-“messaġġi informali” u sabiex, jekk ikun il-każ, tingħata dritt korrispondenti li tinstema’ fl-imsemmija proċedura, jikkostitwixxi ksur tat-Trattati li kkawżalha preġudizzju.