5.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 42/39
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2017 – Fabio de Masi u Yanis Varoufakis vs Il-Bank Ċentrali Ewropew
(Kawża T-798/17)
(2018/C 042/55)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Fabio De Masi (Hamburg, il-Ġermanja) u Yanis Varoufakis (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: Professur A. Fischer-Lescano)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni – innotifikata bl-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2017 – li permezz tagħha l-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew ċaħad it-talba tar-rikorrenti ta’ aċċess għad-dokument tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ April 2015 intitolat “Responses to questions concerning the interpretation of Art. 14.4 of the Statute of the ESCB and of the ECB”;
—
tikkundanna lill-konvenut, konformement mal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għall-ispejjeż, inklużi dawk ta’ eventwali intervenjenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) (1)
—
Ir-rikorrenti jallegaw li pubblikazzjoni tal-opinjoni legali inkwistjoni ma tippreġudikax l-assistenza legali tal-konvenut u li hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-pubblikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll nuqqas ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/33)
—
L-użu intern tal-opinjoni legali inkwistjoni fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE, jew intiża għal skambji ta’ veduti bejn il-BĊE u l-banek nazzjonali, ma huwiex affettwat minn pubblikazzjoni.
(1) Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51).