12.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/37
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2017 – BASF u REACH & colours vs ECHA
(Kawża T-806/17)
(2018/C 052/49)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: BASF SE (Ludwigshafen am Rhein, il-Ġermanja) u REACH & colours Kereskedelmi és Szolgáltató Kft. (REACH & colours Kft.) (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: R. Cana, E. Mullier u H. Widemann, lawyers, u D. Abrahams, barrister)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) bin-numru DSH-30-3-D-0122-2017, tat-2 ta’ Ottubru 2017, li tagħti aċċess għas-sottomissjoni konġunta tas-sustanza hexasodium 2,2’- [vinylenebis [(3-sulphonato- 4,1-phenylene)imino [6-(diethylamino) - 1,3,5-triazine- 4,2- diyl]imino]] bis(benzene- 1,4-disulphonate) (KE Nru 255-217-5);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża;
—
tordna kwalunkwe miżura oħra addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv: l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) wettqet żball ta’ liġi li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata minħabba li eskludiet fatti rilevanti mill-bażi ta’ din id-deċiżjoni.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA, peress li injorat kompletament l-isforzi mwettqa mill-partijiet qabel l-2017 u peress li wettqet konstatazzjonijiet fattwali żbaljati fir-rigward tal-identità tal-ewwel rikorrenti u fir-rigward tad-data tas-sottomissjoni tat-tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal-ECHA, tibbaża ruħha fuq determinazzjoni żbaljata ta’ fatti, li jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’tali mod li għandha tiġi annullata.
2.
It-tieni motiv: l-ECHA wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni minħabba li naqset milli tevalwa l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, minħabba li kkonkludiet li l-applikant kien għamel iktar sforzi mir-rikorrenti u minħabba li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 25 tar-Regolament REACH (1).
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tirregola, peress li kkonkludiet li l-applikant kien għamel iktar sforzi mir-rikorrenti, peress li naqset milli tqis il-fatti speċifiċi tat-tilwima quddiemha u peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib tar-rikorrenti dwar id-dupplikazzjoni ta’ testijiet fuq annimali vertebrati, bi ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament REACH.
3.
It-tielet motiv: l-ECHA kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba li qiegħdet lir-rikorrenti f’pożizzjoni mhux aċċettabbli ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-possibbiltà tal-applikant li juża d-data tar-rikorrenti u fir-rigward tal-kwalità u tal-konformità tad-data tal-applikant.
—
Ir-rikorrenti jqisu li l-ECHA, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li ma tillimitax l-aċċess mogħti għas-sottomissjoni konġunta tar-rikorrenti minkejja li l-applikant qiegħed jirreġistra permezz ta’ esklużjoni fakultattiva (opt-out) kompleta u peress li l-ECHA ma indirizzatx il-kwistjonijiet fil-fajl dwar l-esklużjoni fakultattiva kompleta (kwalità u l-possibbiltà ta’ dupplikazzjoni tal-istudji fuq annumali vertebrati). Għaldaqstant, ir-rikorrenti jinstabu f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali fir-rigward ta’ kif jipproteġu d-drittijiet tagħhom, u dan minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tad-drittijiet mogħtija lill-applikant ma humiex stabbiliti b’mod ċar.
4.
Ir-raba’ motiv: l-ECHA naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, minħabba li naqset milli tispjega għaliex ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-korrispondenza rilevanti ta’ qabel l-2017.
—
L-ECHA adottat id-deċiżjoni kkontestata billi bbażat ruħha fuq parti żgħira biss min-negozjati li kien hemm bejn il-partijiet u llimitat ir-reviżjoni tagħha, b’mod arbitrarju, għall-ftit skambji li kien hemm bejn il-partijiet minn Jannar 2017 ’il quddiem. Ir-rikorrenti kienu ppreżentaw il-korrispondenza kollha dwar is-sustanza bejnhom u l-applikant, filwaqt li enfasizzaw għaliex din il-korrispondenza kienet rilevanti. Minkejja l-ispjegazzjoni tar-rikorrenti dwar ir-rilevanza tal-korrispondenza, l-ECHA ma pprovdiet ebda motivazzjoni għaliex ma ħaditx inkunsiderazzjoni, u fil-fatt injorat kompletament, il-komunikazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u SSS qabel Jannar 2017.
(1) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006 L 396, p. 1).