26.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/37
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2017 – Intercontact Budapest vs CdT
(Kawża T-809/17)
(2018/C 072/48)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: Intercontact Budapest (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentant: É. Subasicz, avukat)
Konvenut: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
b’mod prinċipali, tikkonstata jekk il-punti ta’ klassifikazjoni mogħtija lil kull offerent jirriflettux ir-realtà minn perspettiva ta’ paragun tal-offerti mressqa, u jekk josservawx il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, nondiskriminazzjoni, proporzjonalità u trasparenza.
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-10 ta’ Lulju 2017, dwar ir-riżultat tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi FL/GEN 16-01 u FL/GEN 16-02.
—
b’mod ulterjorment sussidjarju, tannulla l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, nondiskriminazzjoni, proporzjonalità u trasparenza, inkwantu l-konvenut applika evalwazzjonijiet differenti fil-konfront tal-offerenti fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fis-sens li f’kull proċedura evalwat attivitajiet identiċi b’mod differenti (1).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, inkwantu l-konvenut ma kkomunikalhiex l-informazzjoni mitluba fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku (2).
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tat-trasparenza tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, inkwantu l-konvenut ippubblika r-riżultat tal-proċeduri fil-Ġurnal Uffiċjali biss tardivament u mingħajr ma inkluda l-kontenut sħiħ skont id-Direttiva tal-Unjoni (3).
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi inkwantu l-konvenut ma kkomunikax it-termini għall-preżentata ta’ rikors, fejn b’dan il-mod illimitat il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors (4).
(1) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), premessi 1 u 90.
(2) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), Artikolu 113.
(3) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), Artikolu 50.
(4) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas 26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), punt 16 tal-parti D tal-Anness V.