26.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/42
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2017 – Eurofer vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-835/17)
(2018/C 072/53)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Eurofer, Association Européenne de l’Acier, ASBL (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: J. Killick, Barrister u G. Forwood, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 tal-5 ta Ottubru 2017 (ĠU L 258, p. 24);
—
tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma takkumulax l-importazzjonijiet Serbi ma’ dawk tal-erba’ pajjiżi l-oħra li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku (1).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni qieset li ma kienx “meħtieġ” li jiġu previsti miżuri ta’ difiża kontra s-Serbja, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku, u dan anki fuq bażi mhux akkumulata.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, il-ksur tad-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti u tad-drittijiet tagħha tad-difiża, kif ukoll in-nuqqas ta’ osservanza tal-amministrazzjoni tajba stabbilit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunika l-marġni ta’ dannu (bejgħ għal prezz inqas minn dak indikat) u l-marġni ta’ bejgħ għal prezz inqas minn dak indikat rigward l-importazzjonijiet Serbi, u r-rifjut konsegwenti li teżamina b’attenzjoni u b’mod imparzjali l-apetti kollha rilevanti tal-każ.
(1) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, p. 21).