9.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hessisches Finanzgericht — il-Ġermanja) — Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung vs Hauptzollamt Frankfurt am Main
(Kawża C-26/18) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Unjoni doganali - Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Artikoli 202 u 203 - Dazji doganali fuq l-importazzjoni - Tnissil ta’ dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali - Tassazzjoni - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 2(1)(d) u Artikolu 30 - VAT fuq l-importazzjoni - Fatt taxxabbli - Kunċett ta’ “importazzjoni” ta’ merkanzija - Rekwiżit ta’ dħul ta’ merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni Ewropea - Trasferiment ta’ din il-merkanzija lejn Stat Membru li mhux dak li fih tnissel id-dejn doganali)
(2019/C 305/14)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Hessisches Finanzgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung
Konvenut: Hauptzollamt Frankfurt am Main
Dispożittiv
L-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tiddaħħal merkanzija fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, ma jkunx biżżejjed li l-merkanzija kienet is-suġġett ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fi Stat Membru partikolari, li jkunu nisslu dejn doganali fuq l-importazzjoni f’dan l-Istat Membru, sabiex jitqies li l-merkanzija tkun daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni f’dak l-Istat Membru, meta jiġi stabbilit li l-istess merkanzija tkun ġiet ittrasferita lejn Stat Membru ieħor, id-destinazzjoni finali tagħha, fejn tkun ġiet ikkunsmata, u t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni marbuta ma’ din il-merkanzija b’hekk tkun tnisslet fl-Istat Membru l-ieħor.
(1) ĠU C 152, 30.4.2018.