25.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof - l-Awstrija) – Tiroler Gebietskrankenkasse vs Michael Moser
(Kawża C-32/18) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali - Ħaddiema migranti - Regolament (KE) Nru 987/2009 - Artikolu 60 - Benefiċċji tal-familja - Dritt għall-ħlas tad-differenza bejn l-ammont tal-allowance parentali mħallsa fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza u l-allowance għaż-żamma ta’ wild prevista mill-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja)
(2019/C 399/07)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Tiroler Gebietskrankenkasse
Konvenut: Michael Moser
Dispożittiv
1)
It-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu, previst f’din id-dispożizzjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja ta’ persuna, il-“familja kollha jekk [daqslikieku] il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat” japplika kemm fil-każ fejn il-benefiċċji jingħataw konformement mal-leġiżlazzjoni indikata bħala li għandha preċedenza skont l-Artikolu 68(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll fil-każ fejn il-benefiċċji huma dovuti konformement ma’ leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjonijiet oħra.
2)
L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tas-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza li għandu jingħata lil ħaddiem skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja, konformement ma’ dan l-artikolu, għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għad-dħul effettivament riċevut mill-imsemmi ħaddiem fl-Istat ta’ impjieg.
(1) ĠU C 152, 30.4.2018.
Full & Egal Universal Law Academy