11.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/16
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato – l-Italja) – Caseificio Sociale San Rocco Soc. coop. arl et vs Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA), Regione Veneto
(Kawża C-46/18) (1)
(“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib - Kwoti - Taxxa addizzjonali - Regolament (KEE) Nru 3950/92 - Artikolu 2 - Ġbir tat-taxxa mix-xerrej - Kunsinni li jaqbżu l-kwantità ta’ referenza disponibbli għall-produttur - Ammont tal-prezz tal-ħalib - Applikazzjoni obligatorja ta’ tnaqqis - Ħlas lura tal-ammont tat-taxxa miġbura żejda - Regolament (KE) Nru 1392/2001 - Artikolu 9 - Xerrej - Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tinġabar it-taxxa addizzjonali - Produtturi - Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas fix-xahar - Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”)
(2019/C 383/15)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Consiglio di Stato
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Caseificio Sociale San Rocco Soc. coop. arl, Franco u Maurizio Artuso, Claudio Matteazzi, Roberto Tellatin, Sebastiano Bolzon
Konvenuti: Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA), Regione Veneto
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi taxxa miżjuda fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa addizzjonali mix-xerrej mingħand il-produtturi ma hijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni ma timplikax li l-produtturi suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni ma humiex iktar debituri ta’ din it-taxxa.
2)
L-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3950/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1256/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001 tad-9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ħlas lura tal-ħlas żejjed tat-taxxa addizzjonali għandu jibbenefika, bħala prijorità, lill-produtturi li, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 3950/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1256/1999, issodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ħlas fix-xahar.
3)
Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont tat-taxxa addizzjonali dovut minn produtturi li ma ssodisfawx l-obbligu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ta’ ħlas fuq bażi ta’ kull xahar ta’ din it-taxxa, jiġi kkalkolat mill-ġdid.
(1) ĠU C 142, 23.04.2018.