23.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/16
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-29 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Bacău — ir-Rumanija) — Radu Lucian Rusu, Oana Maria Rusu vs SC Blue Air — Airline Management Solutions Srl
(Kawża C-354/18) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Trasport bl-ajru - Rifjut ta’ imbark - Kunċetti ta’ “kumpens” u ta’ “kumpens ulterjuri” - Tip ta’ dannu kumpensabbli - Dannu materjali jew morali - Tnaqqis - Kumpens ulterjuri - Assistenza - Informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri)
(2019/C 319/16)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Bacău
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Radu Lucian Rusu, Oana Maria Rusu
Konvenuta: SC Blue Air — Airline Management Solutions Srl
Dispożittiv
1)
Fl-ewwel lok, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont previst f’din id-dispożizzjoni ma huwiex intiż li jikkumpensa dannu bħal telf ta’ salarju, fit-tieni lok, li dan id-dannu jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, u fit-tielet lok, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u tevalwa d-diversi elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi dannu, kif ukoll il-portata tal-kumpens tiegħu, fuq il-bażi legali rilevanti.
2)
Ir-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali kompetenti twettaq it-tnaqqis tal-kumpens mogħti skont dan ir-regolament mill-kumpens ulterjuri, iżda ma jobbligahiex tagħmel dan, peress li l-imsemmi regolament ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali kompetenti kundizzjonijiet li abbażi tagħhom hija tkun tista’ twettaq dan it-tnaqqis.
3)
L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li t-trasportatur tal-ajru effettiv jipprovdi informazzjoni sħiħa lill-passiġġieri kkonċernati dwar il-possibbiltajiet kollha previsti fit-tieni dispożizzjoni, u l-passiġġieri inkwistjoni ma għandhom ebda obbligu li jikkontribwixxu attivament għat-tfittxija tal-informazzjoni f’dan ir-rigward.
4)
L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, l-oneru li jiġi pprovat li t-trasport alternattiv twettaq mill-iktar fis possibbli, jinkombi fuq it-trasportatur tal-ajru effettiv.
(1) ĠU C 294, 20.8.2018
Full & Egal Universal Law Academy