11.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/29
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona - Spanja) – DW vs Nobel Plastiques Ibérica SA
(Kawża C-397/18) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Artikolu 2(2)(b)(ii) u l-Artikolu 5 - Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà - Ħaddiem partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali - Eżistenza ta’ “diżabbiltà” - Tkeċċija għal raġunijiet oġġettivi bbażati fuq il-kriterji tal-produttività, tal-ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża kif ukoll tal-assenteiżmu - Żvantaġġ partikolari għall-persuni b’diżabbiltà - Diskriminazzjoni indiretta - Arranġamenti raġonevoli - Persuna li ma hijiex kompetenti, kapaċi u disponibbli sabiex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni kkonċernata)
(2019/C 383/31)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: DW
Konvenuta: Nobel Plastiques Ibérica SA
fil-preżenza ta’: Fondo de Garantía Salarial (Fogasa), Ministerio Fiscal
Dispożittiv
1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ saħħa ta’ ħaddiem irrikonoxxut bħala li huwa partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, li ma jippermettix lil dan il-ħaddiem li jokkupa ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol għar-raġuni li dan iwassal għal riskju għas-saħħa tiegħu jew għal dik ta’ persuni oħra, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ħlief meta dan l-istat iwassal għal limitazzjoni tal-kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn indebolimenti fiżiċi, mentali jew psikiċi dewwiema, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.
2)
L-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tkeċċija għal “raġunijiet oġġettivi” ta’ ħaddiem b’diżabbiltà għar-raġuni li dan jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-persuna li timpjega sabiex tiddetermina l-persuni li għandhom jitkeċċew, jiġifieri li jkollhom produttività inferjuri għal rata partikolari, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk il-persuna li timpjega tkun adottat arranġamenti raġonevoli minn qabel, fir-rigward ta’ dan l-impjegat, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.
(1) ĠU C 294, 20.8.2018.