11.11.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/30
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vilniaus apygardos administracinis teismas - il-Litwanja) – AW, BV, CU, DT vs Lietuvos valstybė irrappreżentat mil-Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba, mill-Bendrasis pagalbos centras u mil-Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerija
(Kawża C-417/18) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2002/22/KE - Servizz universali u drittijiet tal-utenti fir-rigward tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Artikolu 26(5) - Numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza - Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min iċempel)
(2019/C 383/32)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Vilniaus apygardos administracinis teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: AW, BV, CU, DT
Konvenut: Lietuvos valstybė, irrappreżentat mil-Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba, mill-Bendrasis pagalbos centras u mil-Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerija
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri, bil-kundizzjoni tal-possibbiltà teknika, l-obbligu li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità li tittratta t-telefonati ta’ emerġenza lin-numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza “112” mingħajr ħlas, l-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min iċempel, hekk kif it-telefonata tasal għand l-imsemmija awtorità, anki jekk it-telefonata tkun saret minn telefon ċellulari li ma fihx kard SIM.
2)
L-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-kriterji relatati mal-preċiżjoni u mal-affidabbiltà tal-informazzjoni tal-post fejn jinsab min iċempel in-numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza “112”, filwaqt li għandu madankollu jiġi speċifikat li l-kriterji li huma jiddefinixxu għandhom jiżguraw, fil-limiti tal-possibbiltà teknika, l-istabbiliment tal-pożizzjoni ta’ min iċempel b’mod affidabbli u preċiż daqs kemm huwa neċessarju sabiex is-servizzi ta’ emerġenza jkunu jistgħu jagħtuh l-għajnuna b’mod utli, li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.
3)
Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, konformement mad-dritt intern ta’ Stat Membru, l-eżistenza ta’ rabta kawżali indiretta bejn l-illegalità mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u d-dannu mġarrab minn individwu tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, tali rabta kawżali indiretta bejn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil dan l-Istat Membru u d-dannu mġarrab minn individwu, għandha wkoll titqies bħala suffiċjenti, għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru għal dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni.
(1) ĠU C 352, 01.10.2018.