Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fit-2 ta’ Mejju 2019 (1)
Kawża C‑39/18 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
NEX International Limited (li qabel kienet Icap plc,
Icap Management Services Ltd u
Icap New Zealand Ltd)
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma — Settur tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen — Multi — Obbligu ta’ motivazzjoni”
1. Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Icap plc et vs Il-Kummissjoni (2) inkwantu hija annullat il-multi imposti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni fil-kawża tal-akkordji fis-settur tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen (iktar ’il quddiem “YIRD”) (fejn il-Kummissjoni imponiet fuq Icap plc, Icap Management Services Ltd u Icap New Zealand Ltd multi mingħajr preċedent ta’ EUR 15-il miljun għall-faċilitazzjoni tal-akkordju) (3). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha dwar il-metodoloġija applikata biex stabbilixxiet l-ammonti tal-multi, u allura hija annullat il-parti tad-deċiżjoni li imponiet dawn il-multi. Ninnota li l-metodoloġija tal-Kummissjoni ma kinitx is-sempliċi impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, imma test kumpless maqsum f’ħames passi intiż għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi.
2. F’dan l-appell, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod skorrett il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-motivazzjoni meħtieġa meta jiġu imposti l-multi (4).
3. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li dan l-appell ġie xi ftit jew wisq solvut bis-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23) (iktar ’il quddiem is-“sentenza UPS”), inkwantu, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
4. Mill-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata jirriżulta li NEX International Limited (li qabel kienet Icap plc, Icap Management Services Ltd u Icap New Zealand Ltd) (iktar ’il quddiem “NEX”) hija parti minn impriża ta’ servizzi ta’ brokerage permezz ta’ netwerks vokali u elettroniċi li hija wkoll fornitur ta’ servizzi ta’ wara n-negozju.
5. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li NEX kienet ipparteċipat fit-twettiq ta’ sitt okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar il-manipulazzjoni tal-London Interbank Offered Rate (LIBOR) u tat-Tokyo Interbank Offered Rate (TIBOR), rati ta’ riferiment interbankarji fis-suq YIRD Ġappuniż. Dawn l-okkorrenzi ta’ ksur kienu kkonstatati qabel bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8602 finali tal-4 ta’ Diċembru 2013 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39861 – Prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen), li imponiet multi ta’ EUR 670 miljun (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2013”).
6. Fid-29 ta’ Ottubru 2013 il-Kummissjoni bdiet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra NEX.
7. Fit-12 ta’ Novembru 2013 NEX informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li ma tagħżilx proċedura ta’ tranżazzjoni.
8. Fl-4 ta’ Frar 2015 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn imponiet fuq NEX sitt multi li jammontaw għal EUR 14 960 000 talli “ffaċilitat” sitt okkorrenzi ta’ ksur, jiġifieri:
– il-“ksur UBS/RBS tal-2007”, bejn l-14 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Novembru 2007;
– il-“ksur UBS/RBS tal-2008”, bejn it-28 ta’ Awwissu u t-3 ta’ Novembru 2008;
– il-“ksur UBS/DB”, bejn it-22 ta’ Mejju u l-10 ta’ Awwissu 2009;
– il-“ksur Citi/RBS”, bejn it-3 ta’ Marzu u t-22 ta’ Ġunju 2010;
– il-“ksur Citi/DB”, bejn is-7 ta’ April u s-7 ta’ Ġunju 2010;
– il-“ksur Citi/UBS”, bejn it-28 ta’ April u t-2 ta’ Ġunju 2010.
9. Il-punti 18 sa 21 tas-sentenza appellata huma redatti kif ġej:
“18. Il-Kummissjoni fakkret b’mod preliminari li, skont il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi Imposti Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-‘Linji Gwida tal-2006’), l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-kuntest li fih twettaq il-ksur kif ukoll, b’mod partikolari, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur u li r-rwol ta’ kull wieħed mill-parteċipanti għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali li tirrifletti ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jista’ jkun hemm (premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata).
19. Il-Kummissjoni osservat li l-Linji Gwida tal-2006 pprovdew biss ftit gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multa għall-faċilitaturi. Ladarba [NEX] kienet operatur attiv fis-swieq tas-servizzi ta’ brokerage, u mhux f’dak tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi, hija qieset li ma setgħetx tissostitwixxi l-ispejjeż tal-prezzijiet tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi fil-yen Ġappuniż b’dawk tal-brokerage, sabiex tistabbilixxi d-dħul mill-bejgħ u tiffissa l-ammont tal-multa, peress li tali sostituzzjoni ma tirriflettix il-gravità u n-natura tal-ksur. Minn dan hija ddeduċiet, essenzjalment, li kien jeħtieġ li jiġi applikat il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida tal-2006, li jippermetti li dawn il-linji gwida jiġu injorati fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa (premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata).
20. Fid-dawl tal-gravità tal-aġir inkwistjoni u tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ [NEX] f’kull waħda mis-sitt okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ffissat, għal kull ksur, ammont bażiku tal-multa, jiġifieri EUR 1 040 000 għall-ksur UBS/RBS tal-2007, EUR 1 950 000 għall-ksur UBS/RBS tal-2008, EUR 8 170 000 għall-ksur UBS/DB, EUR 1 930 000 għall-ksur Citi/RBS, EUR 1 150 000 għall-ksur Citi/DB u EUR 720 000 għall-ksur Citi/UBS (premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata).
21. Fir-rigward tal-iffissar tal-ammont definittiv tal-multa, il-Kummissjoni ma sabet li kien hemm ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti u ħadet nota tal-fatt li l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali ma kienx inqabeż (premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata). L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata timponi, għalhekk, fuq ir-rikorrenti multi li l-ammont definittiv tagħhom huwa ekwivalenti għal dak tal-ammont bażiku tagħhom”.
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
10. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ April 2015, NEX ressqet azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata, fejn talbet l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni u, alternattivament, tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti.
11. Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, NEX ressqet sitt motivi. L-ewwel erba’ motivi kienu jikkonċernaw il-legalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza tal-okkorrenzi tal-ksur. Il-ħames u s-sitt motiv kienu jikkonċernaw il-legalità tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni, fir-rigward tal-multi imposti mill-Kummissjoni għal kull waħda minn dawk l-okkorrenzi ta’ ksur.
12. Is-sentenza appellata annullat parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u annullat totalment l-Artikolu 2 tagħha.
13. Fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjonijiet ta’ żbalji fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni “bħala għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.
14. Fil-punti 133 sa 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evidenza tal-parteċipazzjoni ta’ NEX fil-ksur UBS/RBS tal-2008 kienet insuffiċjenti. Fil-punt 145 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ żbalji fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “faċilitazzjoni” u annullat l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata.
15. Għal dak li jirrigwarda t-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni li t-tul tal-ksur inkwistjoni kien żbaljat, fil-punt 252 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evidenza li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni biex tistabbilixxi t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ NEX f’erbgħa mill-ħames okkorrenzi ta’ ksur li kien fadal kienet insuffiċjenti, u ddikjarat dak il-motiv bħala parzjalment fondat. Għaldaqstant hija annullat l-Artikolu 1(a), (d), (e) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata.
16. Għal dak li jikkonċerna r-raba’ motiv, fil-punt 269 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-Kummissjoni ma osservatx il-preżunzjoni ta’ innoċenza ta’ [NEX] meta adottat id-deċiżjoni tal-2013. Ċertament, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza minn naħa tagħha meta adottat id-deċiżjoni tal-2013 ma jistax ikollu effett dirett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tan-natura distinta u awtonoma tal-proċeduri li taw lok għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet”. Madankollu, fil-punt 280 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-raba’ motiv kellu jiġi miċħud.
17. Fil-punti 286 sa 299 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-ħames motiv (li jirrigwarda l-iffissar tal-ammonti tal-multi) kien fondat. Il-punti 292 sa 299 ta’ dik is-sentenza jaqraw kif ġej:
“292. F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet tinjora l-metodoloġija li tinsab fil-Linji Gwida tal-2006, billi applikat il-paragrafu 37 tagħhom, jistgħu jiġu dedotti mill-qari tal-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn jirriżultaw mill-fatt li [NEX] ma kinitx attiva fis-suq tal-prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen Ġappuniż u li, għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ, jiġifieri l-ispejjeż ta’ brokerage sostnuti, ma jippermettix li l-gravità u n-natura tal-ksur inkwistjoni jiġu riflessi.
293. Fit-tieni lok, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix dettalji dwar il-metodu alternattiv ippreferut mill-Kummissjoni, iżda tirreferi biss għall-assigurazzjoni ġenerali li l-ammonti bażiċi jirriflettu l-gravità, it-tul u n-natura tal-parteċipazzjoni ta’ [NEX] fil-ksur inkwistjoni u għan-neċessità li jiġi ggarantit li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv.
294. Redatta b’dan il-mod, il-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix la li r-rikorrenti jifhmu l-fondatezza tal-metodoloġija ppreferuta mill-Kummissjoni u lanqas li l-Qorti Ġenerali tivverifika l-istess. Din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tinsab ukoll fil-premessi 290 sa 296 tal-imsemmija deċiżjoni, li ma jipprovdux informazzjoni minima li setgħet tippermetti li wieħed jifhem u jivverifika r-rilevanza u l-valutazzjoni tal-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi, u dan b’mod li jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 291 iktar ’il fuq.
295. Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li l-kwistjoni tal-metodoloġija li l-Kummissjoni pprevediet li tuża sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi ġiet ittrattata f’diskussjoni mar-rappreżentanti tar-rikorrenti, matul l-proċedura amministrattiva. Minkejja li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni ta’ att ikkontestat għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tiegħu, ma jistax jitqies li l-kontenut ta’ tali diskussjonijiet esplorattivi u informali jista’ jiddispensa lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodoloġija li hija applikat sabiex tiddetermina l-ammonti tal-multi imposti.
296. Fil-punt 176 tar-risposta, il-Kummissjoni tenfasizza l-eżistenza ta’ test f’ħames passi ddestinati għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi. Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 290 iktar ’il fuq, tali spjegazzjoni pprovduta fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
297. Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi imposti fuq Icap [NEX] għall-ksur inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.
298. Il-ħames motiv għandu, għaldaqstant, jintlaqa’ u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra ta’ dan il-motiv jew dawk tas-sitt motiv, li jirrigwarda biss il-legalità tal-imsemmi artikolu.
299. Barra minn hekk, billi l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa annullat fl-intier tiegħu, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati t-talbiet għal riforma, ippreżentati sussidjarjament mir-rikorrenti”.
III. L-appell
A. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
18. Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ħames motiv huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi serji li, jekk jiġu aċċettati, ikunu ta’ detriment għall-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi multi adegwati li jkunu ta’ natura dissważiva suffiċjenti.
19. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli ssemmi l-prinċipji applikabbli tal-ġurisprudenza rilevanti. Hija naqset milli ssemmi s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 66 sa 68), minkejja li din hija s-sentenza prinċipali fuq il-motivazzjoni li għandu jkun hemm meta tiġi imposta multa fuq min jiffaċilita ksur.
20. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tagħmel riferiment għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Quimité u de Mello vs Il-Kummissjoni (C‑415/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:58, punt 53). Minn dik is-sentenza jirriżulta li l-motivazzjoni għal att tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest tal-istess att, inkluż l-iskambji li seħħew qabel u wara l-adozzjoni tal-att inkwistjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni żvelat ċerta informazzjoni lil NEX dwar il-kalkolu tal-multi matul u wara l-proċedura amministrattiva.
21. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, filwaqt li s-sentenza appellata (punti 287 sa 291) tfakkar parti mill-ġurisprudenza dwar il-motivazzjoni fir-rigward ta’ multi, hija la tinterpreta din il-ġurisprudenza b’mod korrett u lanqas ma tapplikaha fil-prattika.
22. Fil-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara b’mod espliċitu li l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq NEX jirriflettu l-gravità, it-tul u n-natura tal-involviment ta’ NEX fl-okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, kif ukoll il-bżonn li l-multi jkollhom effett dissważiv suffiċjenti. Dawn l-elementi huma biżżejjed għall-iskopijiet tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (5), u għaldaqstant il-komunikazzjoni tal-formoli aritmetiċi ma kinitx meħtieġa.
23. Filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza fis-sens li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tipprovdi spjegazzjoni iktar iddettaljata jew indikazzjoni taċ-ċifri li jirrigwardaw il-metodu tal-kalkolu ta’ multa, fil-punt 291 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet dettalji dwar il-metodu użat. Il-Kummissjoni ssostsni li din il-motivazzjoni hija kuntradittorja.
24. Il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-kawża Chalkor imfakkra fil-punt 291 tas-sentenza appellata li tgħid li l-Kummissjoni għandha tispjega r-rilevanza u l-valutazzjoni li tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni biex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku, ma tistax tinftiehem bħala li teżiġi li l-Kummissjoni għandha tindika ċ-ċifri li jirrigwardaw il-metodu tal-kalkolu tal-multi u biex tagħti fid-dettall il-kalkoli interni tagħha. Madankollu, dan hu preċiżament dak li rrikjediet il-Qorti Ġenerali u, billi għamlet dan, wettqet żball ta’ liġi.
25. Skont il-Kummissjoni, ix-xebh tad-deċiżjoni kkontestata mad-deċiżjoni Stabilizzanti tat-Temperatura (premessi 747 sa 750) huwa partikolarment sorprendenti (6). Dik id-deċiżjoni wasslet għas-sentenza fil-kawża AC-Treuhand (C‑194/14 P, EU:C:2015:717) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-motivazzjoni kienet suffiċjenti.
26. Għal dak li jirrigwarda l-punti 295 u 296 tas-sentenza appellata, l-elementi invokati mill-Qorti Ġenerali huma inadegwati biex jikkorroboraw il-konstatazzjoni ta’ motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward ta’ multi. Il-Qorti Ġenerali tfakkar, fl-imsemmija punti, li l-kwistjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi ġiet diskussa ma’ NEX matul il-proċedura amministrattiva u matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali nnifisha (b’mod partikolari, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat l-eżistenza ta’ test f’ħames passi intiż li jikkalkola l-ammont bażiku tal-multi). Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet li dawk l-elementi ma kinux kapaċi jirrimedjaw il-motivazzjoni insuffiċjenti inkwistjoni. Tali evalwazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza (7).
27. Ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni marret lil hinn mill-obbligu tagħha li tipprovdi motivazzjoni u żvelat lil NEX ċerti elementi mill-kalkolu tagħha tal-multi (fil-punt 176 tar-risposta tagħha) hija li NEX sostniet li ġiet ittrattata b’mod mhux ugwali meta pparagunata mal-impriża R.P. Martin, li kienet destinatarja tad-Deċiżjoni tal-2013 fl-istess każ YIRD, u li tqieset mill-Kummissjoni bħala li kienet ukoll iffaċilitat ċerti akkordji koperti minn dak il-każ.
28. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tispjega l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-multi. Bħala punt tat-tluq, biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur ittieħdu inkunsiderazzjoni l-istess fatturi għall-impriżi rilevanti kollha. Madankollu, kien hemm differenzi oġġettivi bejn R.P. Martin u NEX li kellhom jiġu riflessi fil-multi imposti fuq dawk li ffaċilitaw. R.P. Martin ngħatat tnaqqis ta’ 25 % minħabba l-klemenza, filwaqt li NEX ma applikatx għal tali klemenza; R.P. Martin ngħatat skont ta’ 10% minħabba t-tranżazzjoni; id-dħul mill-bejgħ dinji tal-2012 ta’ R.P. Martin kien EUR 82 miljun meta mqabbel ma’ EUR 1 656 miljun (id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ NEX fl-2013); il-parteċipazzjoni ta’ R.P. Martin fil-ksur dam madwar xahar filwaqt li dik ta’ NEX kienet ta’ iktar minn xahrejn.
29. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar il-multi, il-Kummissjoni ssostni li metodu sempliċi biex jiġu riflessi l-annullamenti parzjali fis-sentenza appellata jkun li l-multi oriġinali imposti fuq NEX jitnaqqsu proporzjonalment. Pereżempju, dan jista’ jsir billi l-perijodu l-ġdid ta’ kull ksur jiġi espress fi ġranet u jiġi diviż bil-perijodu oriġinali fi ġranet.
30. NEX, min-naħa tagħha, tiddefendi s-sentenza appellata u ssostni, essenzjalment, li l-appell iqajjem kwistjoni fundamentali: il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq metodoloġiji u fatturi speċifiċi u kumplessi, filwaqt li fl-istess ħin tagħmilha bħallikieku tali metodoloġiji jew fatturi ma jeżistux u li ntużat sempliċement somma f’daqqa? Ir-raison d’être stess tal-obbligu huwa sabiex il-Kummissjoni tiġi mħeġġa tispjega d-deċiżjonijiet tagħha u sabiex ikun possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tal-approċċ tagħha.
31. L-ewwel nett, NEX targumenta li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni, huwa ċar li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-kawża AC-Treuhand kienu iktar komprensivi u speċifiċi għall-każ mill-ispjegazzjonijiet ġeneriċi u wiesgħa pprovduti fid-deċiżjoni kkontestata. Fi kliem sempliċi, l-ispjegazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata jistgħu jintużaw “kif inhuma” kważi f’kull deċiżjoni li timponi multa li tinvolvi persuna li tiffaċilita ksur, filwaqt li dawk fil-kawża Stabilizzanti tat-temperatura jkollhom jiġu aġġustati biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tad-diversi każijiet. It-tieni nett u iktar imporanti, il-fatti li huma fil-bażi tas-sitwazzjoni ta’ NEX huma differenti minn dawk fil-kawża AC-Treuhand. Fil-fatt, fil-kawża AC-Treuhand, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-Kummissjoni użat metodoloġija speċifika u dettaljata biex tasal għas-somma f’daqqa ta’ EUR 348 000 u, b’estensjoni, li hija għamlet xi ħaġa differenti minn dak li kien indikat fil-motivazzjoni tagħha. Konsegwentement, ma hemm ebda diskrepanza murija bejn dak li għamlet il-Kummissjoni u dak li hija sostniet li kienet għamlet.
32. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ NEX il-Kummissjoni, matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, irrikonoxxiet b’mod espliċitu li hija kienet iddeterminat il-livell tal-multa billi użat metodoloġija ddettaljata u billi ħadet inkunsiderazzjoni fatturi speċifiċi, iżda naqset milli tipprovdi iktar dettalji lil NEX meta din tal-aħħar kienet f’pożizzjoni teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Il-Kummissjoni allegatament ibbażat ruħha fuq numru ta’ fatturi li hija mbagħad naqset milli tindika. Kieku hija segwiet l-approċċ ta’ somma f’daqqa li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi bażiċi li ġew iddikjarati, hija ma kinitx tkun tista’ tasal f’livell, għal multa ta’ NEX, li huwa 22 darba ogħla mill-multa imposta fuq R.P. Martin, li fir-rigward tagħha hija ddikjarat li kienet ittrattatha bl-istess mod bħal NEX.
33. Il-fatturi li jiddistingwu s-sitwazzjoni ta’ R.P. Martin minn dik ta’ NEX, kif invokati mill-Kummissjoni, ma jistgħux jeskludu l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament. Fir-rigward tat-tul tal-ksur, R.P. Martin ġiet ikkonstatata li kienet iffaċilitat il-ksur mid-29 ta’ Ġunju 2009 sal-10 ta’ Awwissu 2009; jiġifieri għal 43 ġurnata. NEX ġiet misjuba li ffaċilitat il-ksur mit-22 ta’ Mejju 2009 sal-10 ta’ Awwissu 2009, jiġifieri 81 ġurnata. Konsegwentement, jekk wieħed jikkunsidra d-differenza fit-tul tal-ksur, wieħed jista’ jassumi li l-multa ta’ R.P. Martin kienet tkun EUR 716 000 kieku t-tul tal-ksur kien simili għal dak ta’ NEX. Dan jieħu inkunsiderazzjoni r-raba’ differenza ssuġġerita mill-Kummissjoni.
B. Evalwazzjoni
1. Kummenti preliminari
34. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-sempliċi referenza għall-gravità, it-tul u n-natura tal-parteċipazzjoni fi ksur hija insuffiċjenti f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni ma ssegwix il-Linji gwida tagħha stess li jirrigwardaw il-multi.
35. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni żvelat li hija kienet użat, fil-fatt, metodu kumpless biex ikkalkolat il-multi li kellhom jiġu imposti fuq NEX. Peress li l-Kummissjoni ma kinitx żvelat dan il-metodu matul il-proċeduri amministrattivi, NEX ma setgħetx tikkontestah u l-Qorti Ġenerali ma setgħetx twettaq stħarriġ ġudizzjarju xieraq.
36. L-appell tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq aggravju wieħed, li bih tikkontesta l-approċċ tal-Qorti Ġenerali u ssostni li dan ikun ta’ detriment għall-abbiltà tagħha li tistabbilixxi multi adegwati (b’mod partikolari fil-każ ta’ persuni li jiffaċilitaw il-ksur) b’tali mod li jkunu suffiċjentement dissważivi. Il-Kummissjoni tinsisti, b’mod partikolari, fuq l-allegata diverġenza fl-approċċ bejn is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża AC-Treuhand (C‑194/14 P, EU:C:2015:717).
37. NEX tiddefendi l-approċċ tas-sentenza appellata u tipprova tiġġustifikah billi tindika l-konsegwenzi prattiċi tiegħu. Peress li hija ma kellhiex tagħrif dwar il-metodoloġija/kriterji użati mill-Kummissjoni, NEX targumenta li kienet suġġetta għal inugwaljanza fit-trattament meta mqabbla ma faċilitatur ieħor fl-istess akkordju (R.P. Martin). NEX tispjega wkoll kif, billi żammet sigrieti l-metodoloġija u l-kriterji li użat, il-Kummissjoni ċaħħdet lil NEX mill-possibbiltà li tikkontesta dawk il-kriterji.
38. L-ewwel nett, hemm differenzi importanti bejn dan il-każ u dak li rriżulta mis-sentenza fil-kawża AC-Treuhand (C‑194/14 P, EU:C:2015:717), invokata mill-Kummissjoni.
39. F’dan l-aħħar każ, kien hemm biss persuna waħda li ffaċilitat il-ksur. Il-Kummissjoni, li ma kellhiex għalfejn tikkunsidra r-riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament (bejn min jiffaċilita), imponiet multa ta’ somma f’daqqa.
40. F’dan il-każ, madankollu, kien hemm żewġ persuni li ffaċilitaw il-ksur. Il-Kummissjoni tallega (“tiżgura lill-Qorti tal-Ġustizzja”) li hija applikat metodu wieħed biex ikkalkolat l-ammont tal-multi rispettivi ta’ min iffaċilita l-ksur, iżda tirrifjuta milli tiżvela iktar dettalji billi sempliċement tinvoka s-sentenza fil-kawża AC-Treuhand (C‑194/14 P, EU:C:2015:717).
41. Barra minn hekk, l-invokazzjoni tas-sentenza fil-kawża AC-Treuhand min-naħa tal-Kummissjoni ma hijiex konvinċenti. Filwaqt li dik is-sentenza tgħid li ma hemm ebda rekwiżit għal spjegazzjoni iktar iddettaljata jew indikazzjoni taċ-ċifri li jirrigwardaw il-metodu tal-kalkolu tal-multa, jibqa’ l-fatt li, b’mod iktar importanti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li l-Kummissjoni trid madankollu tispjega r-rilevanza u l-valutazzjoni li tkun għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni meta stabbilixxiet l-ammont tal-multi (u huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika ex officio jekk tali motivazzjonijiet ingħatawx) – b’mod partikolari fis-sentenza prinċipali tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 61.
42. Altrimenti, kif jistgħu l-qrati jwettqu stħarriġ ġudizzjarju adegwat u jivverifikaw, abbażi tal-motivazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (iktar milli abbażi tas-sempliċi “assigurazzjonijiet” tal-Kummissjoni), jekk għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa u l-kriterji użati mill-Kummissjoni, impriża partikolari kinitx f’sitwazzjoni komparabbli jew differenti meta mqabbla mal-impriżi l-oħra kkonċernati, u biex jivverifikaw jekk il-Kummissjoni kinitx osservat il-prinċipju tat-trattament ugwali – kif il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi f’dan il-każ?
43. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-kawża Chalkor mhux biss fis-sentenza appellata (it-Tieni Awla Estiża), imma wkoll, pereżempju, fis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722 (ir-Raba’ Awla Estiża), u tat-28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il-Kummissjoni, T‑433/16, EU:T:2019:201 (it-Tielet Awla Estiża). Fir-rigward taż-żewġ sentenzi msemmija l-aħħar, il-Kummissjoni ma appellatx mid-deċiżjoni fl-ewwel kawża u għadha ma appellatx mid-deċiżjoni fit-tieni waħda.
44. Infakkar li, kmieni sa mill-1995, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li “huwa mixtieq li l-impriżi – bil-għan li jkunu jistgħu jadottaw il-pożizzjoni tagħhom b’mod informat – ikunu jistgħu jifhmu fid-dettall, bis-saħħa ta’ kull sistema li l-Kummissjoni tqis xierqa, il-metodu tal-kalkolu tal-multa li tiġi imposta fuqhom, mingħajr ma jkunu obbligati, sabiex jaslu għal dan, li jippreżentaw rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni – li jkun imur kontra l-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba” (8).
45. Imbagħad, fil-kawża famuża tal-“akkordju tas-siment” (9), il-Qorti Ġenerali żiedet b’mod intuwittiv li dan japplika “a fortiori meta, bħalma hu dan il-każ, il-Kummissjoni użat formoli aritmetiċi dettaljati biex tikkalkola l-multi. F’tali każ, ikun mixtieq li l-impriżi kkonċernati u, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja jkunu f’pożizzjoni jivverifikaw li l-metodu użat u l-passi segwiti mill-Kummissjoni huma nieqsa mill-iżbalji u kompatibbli mad-dispożizzjonijiet u mal-prinċipji applikabbli fir-rigward tal-multi, u b’mod partikolari mal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni”.
46. Filwaqt li, f’dak iż-żmien, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni a posteriori matul il-proċeduri ġudizzjarji kienet sodisfaċenti, għadu possibbli llum li wieħed jaqbel mal-Kummissjoni hawnhekk u li tiġi aċċettata tali soluzzjoni fil-kuntest proċedurali tal-lum li tkun iktar konxja mid-drittijiet tad-difiża?
47. Ma naħsibx (10).
48. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, nikkunsidra li dan l-appell ġie fil-parti l-kbira solvut minħabba s-sentenza reċenti UPS, li ngħatat fis-16 ta’ Jannar 2019.
2. Is-sentenza fil-kawża UPS
49. Huwa importanti li ssir analoġija, qabel kollox, mas-sentenza fil-kawża UPS. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppruvat targumenta li dik is-sentenza ma hijiex rilevanti, minħabba li hija każ ta’ inkorporazzjoni u ma tittrattax dwar l-iffissar tal-multi u d-drittijiet tad-difiża. Madankollu, dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti.
50. Fil-fatt, fil-kawża UPS, il-Kummissjoni – l-istess bħas-sitwazzjoni hawnhekk – naqset milli tiżvela, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ċerta metodoloġija li kellha rwol importanti fid-deċiżjoni tagħha (fil-kawża UPS kienet metodoloġija użata biex tiġi evalwata inkorporazzjoni).
51. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq mudelli ekonometriċi, il-partijiet notifikanti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.
52. Is-sisien metodoloġiċi li fuqhom huma bbażati dawn il-mudelli għandhom ikunu kemm jista’ jkun oġġettivi sabiex ma jiġix affettwat l-eżitu ta’ din l-analiżi b’mod jew ieħor. B’hekk, dawn il-fatturi jikkontribwixxu għall-imparzjalità u għall-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fuqhom tiddependi, finalment, il-fiduċja li l-pubbliku u l-impriżi għandhom fil-leġittimità tal-proċedura ta’ kontroll ta’ inkorporazzjonijiet tal-Unjoni.
53. L-iżvelar ta’ tali mudelli u l-għażliet metodoloġiċi li fuqhom dawn huma bbażati huwa dejjem iktar meħtieġ peress li jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-proċedura hija ġusta, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
54. Skont is-sentenza fil-kawża UPS, il-Kummissjoni hija meħtieġa tibbilanċja l-bżonn ta’ ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-regolament dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Tali rispett ma jippermettix li l-Kummissjoni, wara li tinħareġ id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, temenda s-sustanza ta’ mudell ekonometriku li fuq il-bażi tiegħu hija għandha l-intenzjoni tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha mingħajr ma din il-bidla titressaq għall-attenzjoni tal-impriżi kkonċernati u tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.
55. Konsegwentement, fis-sentenza UPS il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx issostni li hija ma kinitx obbligata tiżvela l-mudell ta’ analiżi ekonometrika finali lir-rikorrent meta adottat id-deċiżjoni inkwistjoni.
56. Hawnhekk huwa partikolarment rilevanti li jsir riferiment għall-punt 31 tas-sentenza fil-kawża UPS, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “r-rispett tad-drittijiet tad-difiża qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ [inkorporazzjonijiet] jeżiġi [...] li l-partijiet notifikanti jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar il-preċiżjoni u r-rilevanza tal-fatturi kollha li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom” (enfasi miżjuda).
57. Kif ser naraw iktar ’il quddiem, dan hu preċiżament dak li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel kemm fil-kawża UPS kif ukoll fil-kawża preżenti.
3. Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala varjazzjoni għall-kawża UPS
58. Il-kawża UPS kienet tikkonċerna inkorporazzjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-mudell ekonometriku li ma kienx żvelat mill-Kummissjoni fil-forma finali tiegħu kien element importanti fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (11). Bl-istess mod, it-test f’ħames passi użat mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-multi f’dan il-każ kien importanti, u kellu jkun żvelat (jiġifieri, mill-inqas sa fejn il-Kummissjoni tista’ tispjega kif suppost ir-rilevanza u l-valutazzjoni tal-fatturi meħudin inkunsiderazzjoni (12)).
59. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 28 tas-sentenza fil-kawża UPS, “[i]r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika meta l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta att li ser jippreġudika persuna”.
60. L-istess prinċipju ġenerali wassal lill-Qorti Ġenerali biex tannulla d-deċiżjoni kkontestata (f’dan il-każ) f’dan ir-rigward.
61. Huwa interessanti li jiġi nnutat li fil-kawża UPS, il-Kummissjoni ppruvat targumenta li l-emendi għall-mudelli ekonometriċi kienu ekwivalenti għal dokumenti interni, li ma setax ikun hemm aċċess għalihom skont id-dritt li jkun hemm aċċess għall-fajl (punt 35 tas-sentenza fil-kawża UPS).
62. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dak l-argument.
63. F’din il-kawża, il-Kummissjoni qiegħda terġa’ tipprova targumenta li l-metodoloġija użata biex tikkalkola l-multa ma hija xejn iktar minn kalkolu intern li ma għandux ikun żvelat lid-destinatarji tad-deċiżjonijiet tagħha.
64. Nikkunsidra li dan l-argument għandu jiġi miċħud, bħalma ġie miċħud fis-sentenza fil-kawża UPS. Barra minn hekk, kif targumenta NEX, l-informazzjoni żvelata fil-punt 176 tar-risposta fl-ewwel istanza ma fihiex ċifri jew kalkoli. Il-Kummissjoni tiżvela sempliċement l-eżistenza ta’ test kumpless f’ħames passi intiż li jikkalkola l-ammont bażiku tal-multi flok l-użu ta’ somma f’daqqa.
65. L-appell isostni essenzjalment li l-Kummissjoni tat biżżejjed motivazzjoni billi stabbilixxiet il-fatturi (pjuttost vagi) li ttieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġu ddeterminati l-gravità, it-tul u n-natura tal-involviment ta’ NEX. Il-Kummissjoni ssostni li dan huwa konformi mas-sentenza fil-kawża AC-Treuhand (C‑194/14, EU:C:2015:717). Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ispjegazzjonijiet tagħha dwar il-metodoloġija msemmija fil-punt 295 tas-sentenza appellata ma kinux meħtieġa iżda kienu jipprovdu iktar kjarifiki li xorta waħda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-fażi tal-proċeduri ġudizzjarji.
66. L-ewwel nett, diġà spjegajt li hemm differenzi importanti bejn il-kawża AC-Treuhand u din il-kawża u r-raġuni għaliex dik il-ġurisprudenza, minnha nnifisha, ma għandhiex tbiddel l-analiżi hawnhekk (ara l-punti 38 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).
67. It-tieni nett, l-argumenti tal-Kummissjoni għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda.
68. Fil-fatt, f’dan il-każ, b’kuntrast mas-sitwazzjoni fil-kawża AC-Treuhand, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma wettqitx sempliċement eżami tal-“gravità”, tan-“natura” u tat-“tul” tal-aġir ta’ NEX biex tasal għal ammont ta’ somma f’daqqa iżda pjuttost użat metodoloġija kumplessa biex tistabbilixxi l-multi, li fil-fatt kienet moħbija wara r-referenzi vagi u ġenerali fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata.
69. Kif tinnota l-Qorti Ġenerali fil-punt 296 tas-sentenza appellata, “il-Kummissjoni tenfasizza l-eżistenza ta’ test f’ħames passi ddestinati għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi” fir-risposta tagħha fl-ewwel istanza, li hija ssostni li applikat għall-każ preżenti. Barra minn hekk, kif ġie ammess mill-Kummissjoni, dan it-test f’ħames passi kien issemma lil NEX waqt laqgħa għal tranżazzjoni f’Ottubru 2013. Madankollu, meta NEX irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’Ġunju 2014 u ngħatat l-opportunità li teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha, il-metodoloġija li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet preċedentement f’Ottubru 2013 ma ġietx spjegata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrifjutat f’diversi okkażjonijiet li tikkonferma jew tiċħad jekk kinitx tabilħaqq qed tuża din il-metodoloġija u, minflok, baqgħet tinsisti li kienet ser tistabbilixxi “somma f’daqqa” mhux speċifikata bbażata fuq il-“gravità, it-tul u n-natura tal-ksur”.
70. Kif rajna, kien biss fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji (jiġifieri, fil-paragrafu 176 tar-risposta tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza) li l-Kummissjoni, fl-aħħar, ammettiet li kienet effettivament użat metodoloġija kumplessa meta ffissat il-multi ta’ NEX. Filwaqt li l-Kummissjoni kienet attenta li tikkwalifika din l-ammissjoni bħala “mhux meħtieġ”, il-ġurisprudenza tgħid mod ieħor (13).
71. Filwaqt li NEX korrettement taqbel li l-Kummissjoni “ma [hijiex] obbligata li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-multi” (14) jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni hija xorta obbligata tispjega l-fatturi li użat biex tistabbilixxi l-multa.
72. Fil-fatt, kif tajjeb iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 293 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tipprovdi biss “għall-assigurazzjoni ġenerali li l-ammonti bażiċi jirriflettu l-gravità, it-tul u n-natura tal-parteċipazzjoni ta’ [NEX] fil-ksur”. Kieku jiġi aċċettat tali approċċ, l-impriżi ma jkunux f’pożizzjoni li jikkontestaw il-metodoloġija tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tistħarriġha.
73. F’dan ir-rigward, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza applikabbli kif ġej: “[m]eta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tinjora l-metodoloġija ġenerali esposta fil-Linji Gwida tal-2006, li permezz tagħhom hija llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi, billi tibbaża ruħha, bħal f’dan il-każ, fuq il-paragrafu 37 ta’ dawn il-linji gwida, dawn ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni jsiru iktar rigorużi […] F’dan ir-rigward, […] [i]l-Linji Gwida jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament […] Din il-motivazzjoni għandha tkun saħansitra iktar speċifika peress li l-paragrafu 37 tal-Linji Gwida jagħmel biss riferiment vag għall-‘partikolaritajiet ta’ każ partikolari’ u għalhekk iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Kummissjoni biex tagħmel aġġustament eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi tal-multi tal-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, f’tali każ, l-osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fosthom l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha importanza saħansitra iktar fundamentali”.
74. Imbagħad, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret b’mod korrett il-ġurisprudenza fis-sens li “[f]ir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija marbuta tipprovdi motivazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta u fir-rigward tal-metodu magħżul f’dan ir-rigward […] Hija għandha tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewlha tevalwa l-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma hija obbligata tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa […] Madankollu, hija għandha tispjega l-valutazzjoni u l-evalwazzjoni li hija tkun għamlet tal-provi kkunsidrati” (enfasi miżjuda).
75. Il-punt 292 jispjega għaliex, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinjora l-metodoloġija stabbilita fil-Linji Gwida tal-2006, billi applikat il-punt 37 tagħhom.
76. Fil-punt 293 tas-sentenza appellata jiġi ġustament innotat li “għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix dettalji dwar il-metodu alternattiv ippreferut mill-Kummissjoni, iżda tirreferi biss għall-assigurazzjoni ġenerali li l-ammonti bażiċi jirriflettu l-gravità, it-tul u n-natura tal-parteċipazzjoni ta’ [NEX] fil-ksur inkwistjoni u għan-neċessità li jiġi ggarantit li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv”. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppruvat tiġġustifika l-approċċ żbaljat tagħha billi tirrepeti l-istess assigurazzjoni ġenerali fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (15).
77. Għaldaqstant, naqbel mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 294 tas-sentenza appellata li “[r]edatta b’dan il-mod, il-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix la li [NEX tifhem] l-fondatezza tal-metodoloġija ppreferuta mill-Kummissjoni u lanqas li l-Qorti Ġenerali tivverifika l-istess. Din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tinsab ukoll fil-premessi 290 sa 296 tal-imsemmija deċiżjoni, li ma jipprovdux l-informazzjoni minima li setgħet tippermetti li wieħed jifhem u jivverifika r-rilevanza u l-valutazzjoni tal-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi, u dan b’mod li jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 291 [tas-sentenza appellata]” (16).
78. Iktar minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li minkejja li “l-motivazzjoni ta’ att ikkontestat għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tiegħu, ma jistax jitqies li l-kontenut ta’ tali diskussjonijiet esplorattivi u informali [ma’ NEX] jista’ jiddispensa lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodoloġija li hija applikat sabiex tiddetermina l-ammonti tal-multi imposti” (punt 295 tas-sentenza appellata).
79. Il-Qorti Ġenerali kienet korretta wkoll meta ddeċidiet, fil-punt 296 tas-sentenza appellata, li “[f]il-punt 176 tar-risposta [fl-ewwel istanza], il-Kummissjoni tenfasizza l-eżistenza ta’ test f’ħames passi ddestinati għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi. Madankollu, skont il-ġurisprudenza […] tali spjegazzjoni pprovduta fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha”.
80. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnutat li l-argument tal-Kummissjoni li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jkun ta’ detriment għall-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi multi adegwati biex ikun hemm dissważjoni suffiċjenti ma huwiex konvinċenti.
81. Kif ġie nnutat iktar ’il fuq, dak li l-Kummissjoni għandha tispjega huwa, b’mod partikolari, ir-rilevanza u l-valutazzjoni tal-fatturi meħudin inkunsiderazzjoni, u jien ma nistax nara kif dan ikun iċaħħad lill-Kummissjoni mill-abbiltà li tistabbilixxi multi adegwati u/jew biex ikun hemm dissważjoni suffiċjenti.
82. Dan huwa indispensabbli b’mod partikolari f’każ bħalma huwa dan fejn – bil-kontra tas-sitwazzjoni fil-kawża AC-Treuhand – kien hemm żewġ persuni li ffaċilitaw il-ksur u hemm ir-riskju li jista’ jkun li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament meta imponiet multi fuq R.P. Martin u fuq NEX.
83. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni insistiet li ma kienx hemm diskriminazzjoni f’dan il-każ fir-rigward tal-livell tal-multi “peress li hija kienet applikat l-istess metodoloġija għall-impożizzjoni tal-multi għaż-żewġ persuni li ffaċilitaw il-ksur”.
84. Barra mill-fatt li l-qrati ma jkunux jistgħu jistħarrġu dik il-metodoloġija jekk din tinżamm sigrieta, għandu jiġi nnutat li l-fatt li l-istess metodoloġija tiġi applikata għal żewġ sitwazzjonijiet differenti ma jeskludix li jkun hemm eżitu diskriminatorju, b’mod partikolari fejn il-metodoloġija tkun ibbażata fuq kriterju diskriminatorju. Għandu jitfakkar li ta’ spiss id-diskriminazzjoni hija r-riżultat tal-applikazzjoni tal-istess kriterju għal sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli. Fil-fatt, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” jew il-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni” huma sempliċement żewġ tikketti għal prinċipju ġenerali wieħed tad-dritt tal-Unjoni, li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi għal dak it-trattament (17).
85. Huwa ċar li abbażi tal-informazzjoni u tal-assigurazzjonijiet vagi u ġenerali pprovduti f’dan il-każ, la NEX u lanqas il-Qorti Ġenerali (u, min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja) ma jistgħu janalizzaw il-metodoloġija jew il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
86. Dan huwa b’kuntrast ċar ma’ dak li tipprevedi l-ġurisprudenza, jiġifieri li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw sostanzjalment l-interessi tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jesprimu l-fehma tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi kollha li fuqhom l-awtoritajiet beħsiebhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom (18).
87. Bħall-mudell ekonometriku inkwistjoni fis-sentenza fil-kawża UPS, il-metodoloġija tal-kalkolu ta’ multa għal persuna li ffaċilitat ksur bħalma hija dik ineżami hawnhekk tikkostitwixxi, bla ebda dubju, tali element importanti li fuqu l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha.
88. Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża UPS, “[l]-iżvelar ta’ dawn il-mudelli u ta’ għażliet metodoloġiċi sottostanti t-tfassil tagħhom huwa a fortiori neċessarju sa fejn dan jikkontribwixxi [...] sabiex jiġi żgurat li l-proċedura hija ġusta, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-[Karta]”.
89. Huwa ċar li l-istess kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw f’dan il-każ fir-rigward tal-kalkoli tal-multa, a fortiori f’każ fejn il-Kummissjoni tinjora l-Linji Gwida tagħha dwar il-multi.
90. Dan huwa partikolarment importanti f’dawn is-sitwazzjonijiet peress li, kieku ma jkunx hekk, persuna li tiffaċilita ksur tispiċċa tmur agħar minn membru attwali tal-akkordju f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-possibbiltà li dik id-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, dan ikun imur kontra l-ġurisprudenza stabbilita (19), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Linji Gwida “jistabbilixxu regoli dwar l-aġir indikattivi tal-prassi li għandha tiġi segwita li minnhom l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tipprovdi raġunijiet kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.
91. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jsegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 297 tas-sentenza appellata, li f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multi imposti fuq NEX għall-ksur inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti.
92. Għaldaqstant, l-aggravju uniku għandu jiġi miċħud għaliex infondat u l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.
IV. Konklużjoni
93. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
(1) tiċħad l-appell;
(2) tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il-Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795.
3 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 432 finali tal-4 ta’ Frar 2015 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39861 – Prodotti dderivati minn rati ta’ interessi ddenominati fil-yen) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
4 B’mod partikolari s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 66 sa 68.
5 Il-Kummissjoni qiegħda tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punt 78); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, EU:C:2003:529, punt 56); u tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 68).
6 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682 finali tal-11 ta’ Novembru 2009 dwar proċediment skont l-artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.589 – Stabilizzanti tat-temperatura).
7 Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Quimité u de Mello vs Il-Kummissjoni (C‑415/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:58, punt 53).
8 Sentenza tas-6 ta’ April 1995, Trefilunion vs Il-Kummissjoni (T‑148/89, EU:T:1995:68, punt 142).
9 Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni(T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 4735).
10 Ara l-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
11 Ċerta analoġija tista’ wkoll issir mas-sentenza tal-Awla Manja tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632. F’dak il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-linja ta’ raġunament tal-Kummissjoni li t-tnaqqis għal fedeltà mogħtija minn impriża f’pożizzjoni dominanti kien, min-natura stess tiegħu, kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod li analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, it-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti (it-“test AEC”) ma kienx meħtieġ. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, filwaqt li l-Kummissjoni kienet enfasizzat li t-tnaqqis inkwistjoni kien min-natura tiegħu stess kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija wettqet madankollu eżami ddettaljat taċ-ċirkustanzi tal-każ fid-deċiżjoni tagħha, li wassalha biex tikkonkludi li kompetitur daqstant effiċjenti kien ikollu joffri prezzijiet li ma kinux ikunu vijabbli u li, għaldaqstant, l-iskema tat-tnaqqis inkwistjoni kienet kapaċi li tostakola lil dak il-kompetitur. Għaldaqstant, it-test AEC kellu rwol importanti fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk l-iskema tat-tnaqqis inkwistjoni kinitx kapaċi li jkollha effetti ta’ ostakolu fuq kompetituri daqstant effiċjenti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet meħtieġa teżamina l-argumenti kollha ta’ Intel li jikkonċernaw dak it-test, ħaġa li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali bħala riżultat ta’ dak in-nuqqas fl-analiżi tagħha dwar jekk it-tnaqqis inkwistjoni kienx kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.
12 Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
13 Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.
14 Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015 fil-kawża AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni,C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 68.
15 L-eżitu mixtieq tal-Kummissjoni huwa li l-kalkolu għall-iffissar tal-multa jkun bħal formula tal-Coca-Cola, li l-partijiet u l-qrati tal-Unjoni jistgħu jużaw u “jduqu”, iżda li huma mistennija li jaċċettaw li huma sigrieti, filwaqt li sempliċement jemmnu l-“assigurazzjonijiet” tal-Kummissjoni li din ġiet applikata b’mod korrett u mingħajr diskriminazzjoni f’każ bħalma huwa dan fejn hemm riskju ta’ trattament inugwali bejn żewġ persuni li ffaċilitaw ksur f’akkordju.
16 Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T43/02, EU:T:2006:270, punt 91; tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑138/07, EU:T:2011:362, punt 243; u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 61.
17 Ara, inter alia, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C‑442/00, EU:C:2002:752, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.
18 Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21); tat-22 ta’ Otturbru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 38); u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża UPS, C‑265/17 P, EU:C:2018:628, punt 38.
19 Bħas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 60.