Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil- 21 ta’ Mejju 2019 (1)
Kawża C-94/18
Nalini Chenchooliah
vs
Minister for Justice and Equality
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru – Benefiċjarji – Ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u li mbagħad irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità fejn jiskonta piena ta’ priġunerija – Applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għat-tkeċċija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 u tal-Kapitolu VI”
I. Introduzzjoni
1. Ċittadina ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li waqaf jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu fi Stat Membru minħabba r-ritorn tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38/KE (2) għall-finijiet tat-tkeċċija tagħha mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti? Jekk dan huwa l-każ, liema dispożizzjonijiet minn din id-direttiva huma applikabbli għat-tkeċċija tagħha? Din iċ-ċittadina hija koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI jew l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva li jikkonċernaw il-garanziji proċedurali applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija meħudin għal raġunijiet li ma humiex ta’ ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika?
2. Dawn huma l-kwistjonijiet fiċ-ċentru ta’ din il-kawża, li ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta, għall-ewwel darba, l-Artikolu 15(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 li jikkonċernaw il-garanziji proċedurali.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”.
4. Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprovdi:
“1. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.
2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.
5. L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jiddikjara fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:
“1. Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.
2. Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.
[…]
4. Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:
a) iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew
b) iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh”.
6. L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.
[…]
3. L-Istat Membru ospitanti m’għandux jimponi projbizzoni fuq id-dħul fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li għaliha japplika l-paragrafu 1”.
7. Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Prinċipji ġenerali”:
“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.
2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.
Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.
[…]”.
8. Skont l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, intitolat “Notifika ta’ deċiżjonijiet”:
“1. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.
2. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.
3. In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika”.
9. L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.
[…]
3. Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28”.
B. Id-dritt Irlandiż
10. Fil-preżent, il-leġiżlazzjoni Irlandiża intiża li tittrasponi d-Direttiva 2004/38 tinsab fil-European Communities (Free Movement of Persons) Regulations 2015 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) 2015) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2015”).
11. Ir-Regolamenti tal-2015 issostitwixxew lil European Communities (Free Movement of Persons) (n° 2) Regulations 2006 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru 2) tal-2006)(iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2006”), u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2016.
12. L-Artikolu 3 tal-Immigration Act 1999 (il-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni) jirregola s-setgħa tal-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) biex jieħu deċiżjonijiet magħrufa ta’ “tkeċċija” (deportation orders).
13. Skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni, il-Ministru jista’ jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija “sabiex jordna lil kull barrani milqut mid-deċiżjoni li jitlaq mit-territorju fit-terminu msemmi minnha u li jibqa’ barra mit-territorju fil-futur”.
14. Skont l-Artikolu 3(2)(h) u (i) ta’ din il-liġi, deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tittieħed kontra persuni li, rispettivament, “skont il-Ministru, kisru restrizzjoni jew kundizzjoni imposta fuqhom għal dak li jikkonċerna l-inżul fit-territorju jew il-wasla fit-territorju jew l-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fit-territorju” jew “li t-tkeċċija tagħhom tkun, skont il-Ministru, xierqa biex tkun żgurata l-benesseri komuni”.
15. Skont l-Artikolu 3(3)(a) tal-imsemmija liġi, meta l-Ministru jadotta abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, huwa jinnotifikaha bil-miktub lill-persuna kkonċernata, flimkien mal-motivi għaliha.
16. L-Artikolu 3(4) tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni jipprovdi li n-notifika tal-imsemmi abbozz għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-dettalji li ġejjin:
(a) l-indikazzjoni li l-persuna tista’ tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 15-il ġurnata tax-xogħol;
(b) l-indikazzjoni li l-persuna għandha dritt titlaq mit-territorju volontarjament, qabel ma l-Ministru jiddeċiedi fuq il-fajl, u l-indikazzjoni li l-persuna hija obbligata tinforma lill-Ministru bil-passi meħuda biex titlaq mit-territorju;
(ċ) l-indikazzjoni li l-persuna tista’ taqbel mat-teħid tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija f’terminu ta’ 15-il ġurnata tax-xogħol, li warajhom il-Ministru huwa obbligat jorganizza t-tkeċċija tal-persuna mit-territorju kemm jista’ jkun malajr.
17. Skont l-Artikolu 3(3)(b)(i) ta’ din il-liġi, meta persuna tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha, il-Ministru għandu, qabel ma jiddeċiedi, jieħu dawn inkunsiderazzjoni.
18. Skont l-Artikolu 3(6) tal-imsemmija liġi, il-Ministru huwa obbligat, għall-finijiet li jevalwa jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija, jieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħalma huma l-perijodu li fih il-persuna irrisjediet fit-territorju nazzjonali u r-rabtiet tagħha mal-imsemmi territorju, il-perkors professjonali tagħha u l-prospettivi ta’ impjieg tagħha (inkluż għal dak li jirrigwarda xogħol għal rasha), il-moralità tagħha u l-aġir tagħha kemm fit-territorju nazzjonali kif ukoll, inkwantu huwa rilevanti u jista’ jiġi ppruvat, dak barra mill-istess territorju nazzjonali, kunsiderazzjonijiet umanitarji, il-benesseri komuni kif ukoll kunsiderazzjonijiet marbutin mas-sigurtà nazzjonali u mal-ordni pubbliku.
19. Meta jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Ministru huwa obbligat ukoll jieħu inkunsiderazzjoni kull riskju ta’ refoulement kif ukoll id-drittijiet, bħalma huma d-drittijiet tal-persuna, li jistgħu joħorġu mill-kostituzzjoni Irlandiża u/jew mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.
20. Ladarba tiġi adottata, deċiżjoni ta’ tkeċċija tibqa’ fis-seħħ għal żmien indefinit. Madankollu, il-persuna kkonċernata tista’ titlob it-tibdil jew ir-revoka ta’ tali deċiżjoni skont l-Artikolu 311, tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni. Meta eżamina talba għal revoka ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Ministru għandu jistabbilixxi jekk l-applikant identifikax tibdil fiċ-ċirkustanzi li seħħew mill-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni li jiġġustifikaw ir-revoka tagħha. Tali ċirkustanzi jistgħu jkunu, b’mod partikolari, meta l-persuna hija membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita fl-Irlanda drittijiet għall-moviment liberu li ingħatawlu mid-dritt tal-Unjoni.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21. N. Chenchooliah, ċittadina Mawrizjana, waslet fl-Irlanda lejn ix-xahar ta’ Frar 2005, u kellha viża ta’ studenta u qagħdet hemmhekk sa Frar 2012 abbażi ta’ permessi ta’ residenza suċċessivi. Fit-13 ta’ Settembru 2011, hija żżewġet ċittadin Portugiż. Fit-2 ta’ Frar 2012, hija talbet permess ta’ residenza billi invokat il-kwalità tagħha bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni. Wara din it-talba, il-Ministru, f’diversi okkażjonijiet, talab informazzjoni supplimentari lil N. Chenchooliah, li din ipprovdiet parzjalment permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2012. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 2012, N. Chenchooliah talbet terminu supplimentari biex tipproduċi kuntratt ta’ xogħol, fejn affermat li żewġha kien għadu kif beda jaħdem.
22. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012, il-Ministru ċaħad it-talba għall-għoti ta’ permess ta’ residenza ta’ N. Chenchooliah għall-motivi li ġejjin: “Inti ma wrejtx li ċ-ċittadin tal-Unjoni jeżerċita attività ekonomika fl-Irlanda, b’mod li l-Ministru ma huwiex konvint li huwa jeżerċita d-drittijiet [tiegħu] permezz tal-impjieg jew xogħol għal rasu, jew peress li jistudja, jew minħabba l-qgħad involontarju jew minħabba li għandu riżorsi suffiċjenti skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti [tal-2006]. Konsegwentement, inti ma għandekx dritt tirrisjedi [fl-Irlanda] skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti [tal-2006]”.
23. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2012, N. Chenchooliah ipprovdiet il-prova li żewġha kellu impjieg f’ristorant għal ġimgħatejn u talbet estensjoni tat-terminu impost biex tressaq talba biex terġa’ tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012. Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2012, il-Ministru aċċetta li jestendi l-imsemmi terminu. Fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid, il-Ministru talab informazzjoni supplimentari u indika li jekk dik l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta f’terminu ta’ 10 ijiem tax-xogħol, il-fajl jiġi ttrasferit lill-unità responsabbli mill-miżuri ta’ tkeċċija. Peress li N. Chenchooliah ma bagħtet ebda informazzjoni ġdida matul il-perijodu ta’ kważi sentejn, id-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012 saret definittiva.
24. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2014, indirizzata direttament lill-Ministru, N. Chenchooliah indikat li, wara kundanna kriminali, żewġha ddaħħal il-ħabs fil-Portugall fis-16 ta’ Ġunju 2014 u talbet il-permess li tibqa’ fit-territorju Irlandiż billi invokat is-sitwazzjoni personali tagħha. Is-segretarju personali tal-Ministru rċieva din l-ittra u fit-18 ta’ Lulju 2014 bagħat konferma li rċeviha. Madankollu, l-imsemmija ittra tidher la ma ġietx irċevuta qabel il-15 ta’ Settembru 2014 mit-taqsima kompetenti tal-unità tad-dipartiment tal-Ministru.
25. Fil-frattemp, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2014, il-Ministru informa lil N. Chenchooliah li kienet qegħda tiġi kkontemplata deċiżjoni ta’ tkeċċija kontriha minħabba li żewġha, ċittadin tal-Unjoni, kien irrisjeda fl-Irlanda għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur mingħajr ma kkonforma ruħu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) tar-Regolamenti tal-2006, dispożizzjoni li hija intiża li tittrasponi fid-dritt Irlandiż l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, b’mod li hija ma kienx għad għandha d-dritt li tibqa’ fl-Irlanda.
26. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2015, l-avukati li jirrappreżentaw lil N. Chenchooliah talbu li l-Ministru, abbażi tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtih id-dritt Irlandiż, jagħti lil N. Chenchooliah permess ta’ residenza billi invokaw, b’mod partikolari, il-perijodu twil li matulu N. Chenchooliah kienet irrisjediet fl-Irlanda, il-perkors professjonali tagħha kif ukoll il-prospettivi tal-impjieg tagħha.
27. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2016, il-Ministru informa lil N. Chenchooliah li huwa kien iddeċieda li ma jeżegwixxix id-deċiżjoni ta’ tkeċċija iżda li jibda proċedura ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni. Ma’ din l-ittra kien hemm mehmuża abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li fuqha N. Chenchooliah kienet mistiedna tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha. Dan l-abbozz kien ibbażat fuq in-natura illegali tar-residenza ta’ N. Chenchooliah fl-Irlanda mis-7 ta’ Frar 2012 (3) u fuq l-opinjoni tal-Ministru li skontu t-tkeċċija tagħha tippermetti li jiġi żgurat il-benesseri komuni. Ma’ din l-ittra kien hemm annessa deċiżjoni preċedenti, datata 21 ta’ Ottubru 2016, li biha kien ġie kkonfermat li ġie deċiż li ma tiġix meħuda deċiżjoni ta’ tkeċċija u ta’ projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju kontra N. Chenchooliah skont ir-Regolament tal-2006 u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti tal-2015.
28. Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-qorti tar-rinviju awtorizzat lil N. Chenchooliah sabiex tressaq talba għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2016 kif ukoll talba għal inibizzjoni kontra l-Ministru biex ma jadottax deċiżjoni li tirrigwarda t-tkeċċija tagħha. Dik il-qorti adottat ukoll miżuri provviżorji intiżi li jipprekludu li sseħħ il-proċedura ta’ tkeċċija ta’ N. Chenchooliah qabel ma tiġi deċiża l-azzjoni ġudizzjarja tagħha.
29. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-raġunijiet li għalihom hija kienet awtorizzata tadixxi lill-qorti tar-rinviju b’talba għal stħarriġ ġudizzjarju huma marbutin mal-fatt li N. Chenchooliah, bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li t-talba għal permess ta’ residenza tagħha bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni kienet ġiet ittrattata mill-Ministru, hija persuna li għaliha japplikaw u jkomplu japplikaw id-Direttiva 2004/38 u r-Regolamenti tal-2006, kif emendati bir-Regolamenti tal-2015.
30. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li sallum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha dwar il-punt dwar jekk ċittadina ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, tibqax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fil-kwalità tagħha bħala “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u li, konsegwentement, fis-sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, fejn l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni rritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità biex jiskonta piena ta’ priġunerija u ma għadux jeżerċita, fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt għall-moviment liberu tiegħu mogħti mid-dritt tal-Unjoni, it-tkeċċija ta’ tali ċittadin tal-Istat Membru ospitanti li fih dan jirrisjedi hija rregolata, b’mod partikolari, mill-Artikoli 27, 28 u 31 tad-Direttiva 2004/38.
31. Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tagħha Igunma vs Governor of Wheatfield Prison et, tad-29 ta’ April 2014, ([2014] IEHC 218), li fiha hija kkunsidrat li din il-kwistjoni teħtieġ risposta fl-affermattiv minħabba r-raġuni fundamentali li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ Stat terz jiżżewweġ legalment ma’ ċittadin tal-Unjoni f’mument fejn dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, li jiċċaqlaq u/jew li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, tali ċittadin ikompli jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fil-kwalità tiegħu ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva anki jekk, sussegwentement, id-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jkun ġie rrifjutat lilu minħabba li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jeżerċitax jew ma għadux jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu. Peress li, f’tali sitwazzjoni, id-Direttiva 2004/38 tibqa’ tapplika, l-imsemmi ċittadin jista’ jitkeċċa biss skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-insenjamenti eventwali li jistgħu jittieħdu minn din is-sentenza u li jistgħu jiġu applikati għal din il-kawża ġew dibattuti quddiemha.
32. Għal dak li jikkonċerna lil dik is-sentenza, il-Ministru kkritika l-fondatezza tagħha billi sostna, b’mod partikolari, li hija tikser element essenzjali tal-kawża, jiġifieri li membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 jekk dak iċ-ċittadin ma jeżerċitax effettivament id-dritt għall-moviment liberu tiegħu. F’tali każ, id-deċiżjoni għat-tkeċċija ta’ dak il-membru tal-familja tkun irregolata mhux bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva, imma mid-dritt nazzjonali tal-barranin. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni opposta tkun teħtieġ li jintwera perikolu għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika, ħaġa li tirrendi diffiċli, ossija prattikament impossibbli, it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ Stati terzi konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu bbenefikaw biss, f’ċertu żmien, minn dritt ta’ residenza temporanja minħabba x-xogħol tal-konjuġi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, indipendentement mix-xogħol attwali jew mill-post li fih illum jirrisjedu dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni, li jista’ jkun ukoll barra mill-Unjoni.
33. Min-naħa l-oħra, N. Chenchooliah sostniet li s-sentenza inkwistjoni tikkorrobora l-pożizzjoni tagħha li skontha, bħala persuna li bbenefikat f’ċertu mument, minħabba ż-żwieġ tagħha, minn dritt ta’ residenza tal-inqas temporanju ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, hija tibqa’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u ma tistax, għaldaqstant, titkeċċa mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ħlief billi jiġu osservati r-regoli u l-garanziji li tipprovdi l-imsemmija direttiva.
34. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda) ddeċidiet, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2018, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fil-każ li konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38/KE tkun ġiet irrifjutata d-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 minħabba li ċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni ma kienx, jew ma kienx iktar, jeżerċita d-drittijiet ibbażati fuq it-Trattati tal-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru ospitanti kkonċernat, u fil-każ li jiġi propost li l-konjuġi għandha titkeċċa minn dak l-Istat Membru, din it-tkeċċija għandha sseħħ skont u konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, jew din it-tkeċċija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li t-tkeċċija għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, din it-tkeċċija għandha sseħħ skont u konformement mar-rekwiżiti tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE, u partikolarment l-Artikoli 27 u 28 tagħha, jew l-Istat Membru, f’ċirkustanzi bħal dawn, jista’ jibbaża fuq dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħha?
35. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
36. Matul is-seduta li nżammet fil-15 ta’ Jannar 2019, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali f’isem dovut tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Daniż u mill-Gvern Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni.
IV. Analiżi
A. Id-delimitazzjoni tal-problema ppreżentata mid-domanda preliminari
37. Qabel ma jsir l-eżami tad-domandi preliminari mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li tiġi ddelimitata l-problema ppreżentata minn din il-kawża.
38. Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, N. Chenchooliah, ċittadina Mawrizjana, ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompeteni sabiex tirrisjedi fl-Irlanda fil-kwalità tagħha ta’ studenta matul il-perijodu bejn is-sena 2005 u s-sena 2012. Wara li rrisjediet legalment fit-territorju Irlandiż matul dan il-perijodu ta’ kważi seba’ snin, N. Chenchooliah iżżewġet ċittadin Portugiż u talbet permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni.
39. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-elementi pprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah, ċittadin tal-Unjoni, uża d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità meta telaq mill-Portugall biex imur l-Irlanda, fejn huwa ħadem għal talinqas ħmistax-il jum. Madankollu, dan irritorna fil-Portugall fejn, mis-16 ta’ Ġunju 2014, beda jiskonta piena ta’ priġunerija, filwaqt li N. Chenchooliah baqgħet fl-Irlanda.
40. Għandu jiġi nnutat imbagħad li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, N. Chenchooliah, minħabba l-fatt taż-żwieġ tagħha ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni matul il-perijodu li fih dan eżerċita l-moviment liberu tiegħu fl-Irlanda, kellha, talinqas matul dan il-perijodu, il-kwalità ta’ “benefiċarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. It-talba tagħha biex tibbenefika mid-dritt ta’ residenza li joħroġ mid-dritt ta’ residenza tal-konjuġi tagħha ċittadin tal-Unjoni, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 ġiet madankollu miċħuda mid-deċiżjoni tal-Ministru tal-11 ta’ Settembru 2012, li saret finali, minħabba li N. Chenchooliah ma kellhiex id-dritt li tirrisjedi fl-Irlanda skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti tal-2006, dispożizzjoni din li hija intiża li tittrasponi fid-dritt Irlandiż l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 (4).
41. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, N. Chenchooliah ma kkontestatx l-imsemmija deċiżjoni tal-Ministru u, għaldaqstant, ma talbitx id-dritt ta’ residenza li joħroġ mid-dritt ta’ residenza tal-konjuġi tagħha, li huwa ċittadin tal-Unjoni, skont id-Direttiva 2004/38. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, peress li hija tirrisjedi fl-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, hija tista’ tkun biss is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata b’osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli intiżi li jittrasponu din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikoli 27 u 28 ta’ din, u mhux ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni, li hija mogħnija awtomatikament bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż għal żmien indeterminat.
B. Eżami tad-domandi preliminari
42. Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fis-sustanza, jekk id-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI jew tal-Artikolu 15 ta’ din għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għal deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ ċittadin ta’ Stat terz meħuda minħabba li dan ma għadx għandu d-dritt ta’ residenza skont din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan iċ-ċittadin iżżewweġ ma’ ċittadin tal-Unjoni f’mument li fih dak iċ-ċittadin kien jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, ċittadin li, sussegwentement, irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.
43. Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-pożizzjonijiet tar-rikorrenti, tal-Kummissjoni, tal-Ministru u tal-gvernijiet li pparteċipaw f’din il-kawża jvarjaw fuq dan il-punt. Filwaqt li N. Chenchooliah u l-Kummissjoni jsostnu li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-tkeċċija ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni minn Stat Membru, minħabba li l-imsemmi ċittadin waqaf jeżerċita d-drittijiet għall-moviment liberu tiegħu, taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38 (5), il-Ministru, sostnut mill-Irlanda, kif ukoll il-Gvern Daniż, Olandiż u Awstrijak huma tal-fehma kuntrarja. Għal dak li jikkonċerna lill-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-qorti tirreferi għas-sentenza tal-High Court (il-Qorti l-Għolja, L-Irlanda) tad-29 ta’ April 2014, Igunma vs Governor of Wheatfield Prison et [(2014) IEHC 218], li fiha hija kkunsidrat li d-Direttiva 2004/38 kienet tapplika f’sitwazzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (6).
44. Konsegwentement, jidhirli li huwa neċessarju, biex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, li jiġi stabbilit minn qabel jekk u sa fejn id-Direttiva 2004/38 tapplika f’dan il-każ. Fl-isfond ta’ dan l-għan, ser neżamina l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, fil-fehma tiegħi, ċerti elementi għall-kjarifika utli lill-qorti tar-rinviju.
1. Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għas-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah u tal-konjuġi tagħha li huwa ċittadin tal-Unjoni
a) Osservazzjonijiet preliminari
45. L-għada tal-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tliet snin wara l-għoti tas-sentenza Grzelczyk (7), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, għall-ewwel darba li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża sabiex tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (8), u d-Direttiva 2004/38 ġiet adottata biex tindirizza l-ħtieġa li tiġi adattata għal din l-istatus ġdid il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-libertajiet ta’ moviment u r-residenza fis-seħħ sa mill-bidu tas-snin 2000 (9).
46. Mill-premessi 1 sa 4 u 11 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din hija intiża, qabel xejn, li “tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li ssaħħaħ dan id-dritt” (10). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-suġġett ta’ din id-direttiva jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom għal moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (11).
b) Il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 huwa statiku jew dinamiku?
47. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ din id-direttiva, jipprovdi li din tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li “li jiċċaq[laq] jew li jgħix[]” fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li “jakkumpanjawh[] jew li jingħaqdu [miegħu]” (12)..
48. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa biss il-benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 li jista’ jinvoka drittijiet għal moviment u residenza liberi taħt id-direttiva. Tali benefiċjarju jista’ jkun ċittadin tal-Unjoni (li jiċċaqlaq jew li jgħix fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità), jew membru tal-familja tiegħu (li jakkumpanjah jew li jingħaqad miegħu), kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 (13). F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 2004/38 ma tagħti ebda dritt awtonomu lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkunu ċittadini ta’ Stat terz. B’hekk, l-eventwali drittijiet mogħtija lil dawn iċ-ċittadini permezz ta’ din l-istess direttiva huma dderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu (14).
49. F’dan il-każ, huwa ċar li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah, li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu billi telaq mill-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, jiġifieri mill-Portugall, biex imur fl-Irlanda biex jirrisjedi hemmhekk, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Konsegwentement, kif indikat il-qorti tar-rinviju, N. Chenchooliah kellha hija wkoll, talinqas għal matul il-perijodu li fih il-konjuġi Portugiż tagħha kien jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Irlanda, il-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (15). Madankollu, meħud kont tal-fatt li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah rritorna fil-Portugall u li d-Direttiva 2004/38 ma tkoprix is-sitwazzjoni tar-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (16), għandu jiġi kkunsidrat li dan ma għadux jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38.
50. F’dan il-kuntest tqum il-kwistjoni dwar jekk N. Chenchooliah, li hija l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li waqaf jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, tistax titlef il-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, peress li, fil-prinċipju, minħabba r-ritorn ta’ żewġha fl-Istat Membri li tiegħu għandu n-nazzjonalità, hija ma tibqax tissodisfa l-kundizzjoni imposta minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li takkumpanja jew li tingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni (17).
51. Fil-fehma tiegħi, iva.
52. F’dan ir-rigward, is-sentenzi Metock et (18) u Lounes (19), li minnhom jirriżulta li l-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 huwa ta’ natura dinamika jew evoluttiva fiż-żmien, għandhom, fil-fehma tiegħi, importanza partikolari.
1) Is-sentenza Metock et
53. Fis-sentenza Metock et (20), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal żewġ domandi preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti l-Għolja) fil-kuntest ta’ tilwima bejn ħames ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-konjuġi tagħhom li huma ċittadini ta’ Stati terzi mal-Ministru. Dan kien ċaħad it-talba tagħhom għal permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jaħdmu u/jew jirrisjedu fl-Irlanda minħabba li huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni tar-residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Irlandiża ta’ dak iż-żmien.
54. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit dwar ir-residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li mhux iċ-ċittadini ta’ Stati terzi kollha jibbenefikaw permezz tad-Direttiva 2004/38 mid-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru, iżda dawk biss li huma membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza (21). Hija ddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa m’għandux iċ-ċittadinanza, irid jkun għex legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (22).
55. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat terz miżżewweġ ma’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru li tiegħu ma huwiex ċittadin, li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, igawdi mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, indipendement mill-post u d-data taż-żwieġ tagħhom kif ukoll mill-mod kif dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal fl-Istat Membru ospitanti (23)
2) Is-sentenza Lounes
56. Il-kawża li wasslet għas-sentenza Lounes (24) kienet tikkonċerna ċittadina Spanjola, is-Sinjura Ormazabal, li wara li għexet fir-Renju Unit sa mill-1996, kienet kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika permezz tan-naturalizzazzjoni matul is-sena 2009, filwaqt li żammet iċ-ċittadinanza Spanjola. Fl-2014, is-Sinjura Ormazabal iżżewġet ma’ ċittadin Alġerin, T. Lounes. Dan tal-aħħar kien ippreżenta talba għal permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kien ġie miċħud mis-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru tal-Intern, ir-Renju Unit) minħabba li T. Lounes kien eċċeda l-perijodu ta’ residenza awtorizzata fir-Renju Unit bi ksur tal-kontrolli fil-qasam tal-immigrazzjoni.
57. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-Sinjura Ormazabal kienet ċittadina Spanjola u li hija kienet eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha billi marret u għexet fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandha n-nazzjonalità, jiġifieri meta hija kienet telqet minn Spanja biex tmur ir-Renju Unit matul is-sena 1996, iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx tapplika għal dak il-każ (25). Filwaqt li fiha segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot (26), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kisba taċ-ċittadinanza Brittanika mis-Sinjura Ormazabal kienet implikat bidla fis-sistema legali kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali u kemm fir-rigward tad-Direttiva 2004/38 (27). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, min-naħa, li s-Sinjura Ormazabal ma kinitx għadha taqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma kinitx għadha intiża li tirregola r-residenza tagħha fir-Renju Unit peress li din kienet, min-natura tagħha, inkundizzjonata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li T. Lounes ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru inkwistjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (28).
58. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja orjentat ir-riflessjonijiet tagħha fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni (29). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE, inklużi d-drittijiet idderivati li jgawdu minnhom il-membri tal-familja tiegħu, huma intiżi, b’mod partikolari, li jiffavorixxu l-integrazzjoni progressiva taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (30). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-effett utli ta’ dawn id-drittijiet jeżiġi li ċittadin f’sitwazzjoni bħal dik tas-Sinjura Ormazabal għandu jkun jista’ jibqa’ jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet misluta mill-imsemmija dispożizzjoni, wara li jkun kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, b’mod partikolari, għandu jkun jista’ jiżviluppa ħajja tal-familja mal-konjuġi tiegħu li jkun ċittadin ta’ Stat terz, bl-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar (31). B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li T. Lounes seta’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE, f’kundizzjonijiet li ma kellhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti tal-imsemmi dritt lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkollu n-nazzjonalità (32).
3) In-natura evoluttiva tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38: l-insenjamenti li għandhom jinstiltu mis-sentenzi Metock et u Lounes
59. Jien kompletament konxju mid-differenzi fattwali bejn din il-kawża u dawk li wasslu għas-sentenzi Metock et (33) u Lounes (34). Madankollu, kif semmejt fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn iż-żewġ kawżi jidhruli li huma rilevanti, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura dinamika jew evoluttiva tal-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.
60. Għal dak li jikkonċerna s-sentenza Metock et (35), jidhirli li huwa interessanti li jiġi osservat mill-ewwel li l-erba’ rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma ċittadini ta’ Stat terz, kienu invokaw, abbażi tad-Direttiva 2004/38, id-dritt li jingħaqdu mal-konjuġi tagħhom li huma ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti (36). Fil-fatt, il-preżentazzjoni, dak iż-żmien, tat-talbiet għal permess ta’ residenza ta’ dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru ospitanti kienet seħħet fil-mument li fih il-konjuġi tagħhom, li huma ċittadini tal-Unjoni, kienu jirrisjedu hemmhekk diġà għal xi snin. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, tat is-sentenza tagħha fil-kuntest tar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti li fih il-konjuġi ċittadin tal-Unjoni kien għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu filwaqt li stabbilixxa ruħu hemmhekk (37). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-rekwiżit biex jakkumpanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni jirrifletti, barra minn hekk, l-għan tad-drittijiet idderivati ta’ dħul u ta’ residenza li d-Direttiva 2004/38 jipprovdu għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li, altrimenti, “l-impossibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat mill-familja tiegħu jew li hija tingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti tista’ tippreġudika l-libertà tiegħu ta’ moviment billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza f’dan l-istess Stat Membru” (38).
61. Wieħed għandu jikkunsidra, fid-dawl ta’ dawn l-insenjamenti, li l-kwalità ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, sa fejn din tinkiseb minħabba ż-żwieġ ta’ ċittadin ta’ Stat terz ma’ ċittadin tal-Unjoni li jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Istat Membru ospitanti li fih huma joqogħdu flimkien, tibqa’ hemm u ma tista’ tintilef qatt?
62. Ma naħsibx (39).
63. Peress li din is-sentenza ngħatat fil-kuntest tat-talbiet taċ-ċittadini ta’ Stat terz, li huma konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jikkonċernaw id-dritt ta’ dawn iċ-ċittadini li jingħaqdu mal-konjuġi tagħhom ċittadini tal-Unjoni fil-Istat Membru ospitanti, wieħed ma jistax jiddeduċi mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’kuntrast ma’ dak li ssostni N. Chenchooliah, li l-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 tibqa’ hemm u tista’ tintilef qatt f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali.
64. Barra minn hekk, in-natura dinamika jew evoluttiva tal-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ġiet enfasizzata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lounes (40). Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslu għal dik is-sentenza, li tfakkru fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li, peress li s-Sinjura Ormazabal, li hija ċittadina tal-Unjoni, kienet kisbet in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, hija ma kinitx għadha taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, u dan minkejja l-fatt li hija kienet eżerċitat matul kważi għoxrin sena d-dritt għall-moviment liberu tagħha fl-Istat Membru ospitanti u kienet kisbet ukoll id-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva (41).
65. Jekk wieħed japplika l-insenjamenti li jinstiltu minn dawn iż-żewġ sentenzi għal dan il-każ sabiex tiġi eżaminata n-natura evoluttiva tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, dan ifisser li, fl-ewwel lok, N. Chenchooliah, bħala konjuġi ta’ ċittadin Portugiż, kisbet dritt ta’ residenza dderivat ta’ inqas minn tliet xhur abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Hija kienet, f’dak il-mument, “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 inkwantu hija kienet tgħix ma’ żewġha, li huwa ċittadin tal-Unjoni, fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li tiegħu kellu n-nazzjonalità. Madankollu, fit-tieni lok, N. Chenchooliah tilfet il-kwalità tagħha ta’ “benefiċjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni minħabba r-ritorn ta’ żewġha fil-Portugall, peress li dan tal-aħħar ma kienx għadu jissodsfa l-kundizzjoni li joqgħod fl-Istat Membru ospitanti u li hija stess ma kinitx għadha tissodisfa l-kundizzjoni li takkumpanjah jew tingħaqad miegħu f’dak l-Istat Membru (42). Minn dan isegwi li, mill-mument tar-ritorn ta’ żewġha fil-Portugall u peress li hija baqgħet fl-Irlanda, fejn hija ma għadhiex tgħix miegħu, N. Chenchooliah ma għadhiex tissodisfa il-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.
66. Dan premess, il-kwistjoni fiċ-ċentru ta’ din il-kawża tibqa’ miftuħa: wieħed jista’ jikkunsidra li, minkejja l-fatt li N. Chenchooliah ma għadhiex “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, hija tibqa’ taqa’ taħt din id-direttiva għall-finijiet tat-tkeċċija tagħha mill-Istat Membru ospitanti?
67. Kif ser nuri fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, jiena konvint li iva.
c) Iċ-“ċiklu tal-ħajja” tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38
68. Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li anki jekk N. Chenchooliah ma għadx għandha l-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u li, konsegwentement, hija tilfet id-dritt li tirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, dan bl-ebda mod ma jimplika li ma jistgħux japplikaw dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva. Ċertament, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 hija ddeterminata mill-Artikolu 3(1) tagħha, għall-perijodu li fih ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jkunu “benefiċjarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, matul dak il-perijodu, huma jkollhom, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, id-drittijiet li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament. Madankollu, il-konsegwenzi tat-telf tal-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari t-tkeċċija, jibqgħu dejjem marbutin mal-perijodu li matulu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jirrisjedu legalment fl-Istat Membru ospitanti bħala “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.
69. Ippermettuli nippreċiża din l-idea.
1) L-applikazzjoni differenzjali tad-Direttiva 2004/38
70. L-istruttura tad-Direttiva 2004/38 turi li din id-direttiva tistabbilixxi sistema ta’ applikazzjoni differenzjali tad-dispożizzjonijiet tagħha. Is-sempliċi qari tat-titoli tad-diversi kapitoli u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 huwa biżżejjed biex tiġi evalwata tali sistema (43). Fil-fatt, l-istruttura ta’ din id-direttiva tirreferi, min-naħa, għall-idea tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjonijiet taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu li hija tirregola kif ukoll tad-drittijiet li hija tagħtihom u, min-naħa l-oħra, għall-idea tal-integrazzjoni progressiva tal-benefiċjarji fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, id-Direttiva 2004/38 tirregola ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħa tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu mill-mument tal-wasla tagħhom fi Stat Membru, li huwa differenti minn dak li tiegħu dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità, sal-mument tat-tluq tagħhom minnu (44).
71. Id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi għaldaqstant sistema li tkopri tipi differenti ta’ drittijiet għal diversi kategoriji ta’ ċittadini u li, konsegwentement, timplika “applikazzjoni differenzjali” tad-dispożizzjonijiet tagħha. Tali applikazzjoni differenzjali hija marbuta mal-fatt li, min-naħa, is-sitwazzjonijiet tad-dħul, ta’ residenza jew ta’ tluq ta’ ċittadin tal-Unjoni li għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu u tal-membri tal-familja tiegħu li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu jistgħu jkunu differenti ħafna u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tagħhom tista’ tinbidel matul il-perijodu ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. L-applikazzjoni differenzjali tad-Direttiva 2004/38 tfisser sempliċiment li kategoriji differenti ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familji tagħhom (studenti, persuni li jirreġistraw għax-xogħol, ħaddiema jew residenti permanenti, eċċ.) jistgħu jkunu suġġetti għal tipi differenti ta’ drittijiet skont l-istadju li fih huma jagħmlu parti minnu (residenza sa tliet xhur, ta’ iktar minn tliet xhur jew permanenti) u tal-kundizzjonijiet tad-dħul u ta’ residenza li huma jissodisfaw matul l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament. Għaldaqstant, iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħa tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tagħhom jaqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (45).
72. Barra minn hekk, din l-idea ġenerali toqgħod perfettament mal-idea li s-sistema prevista mid-Direttiva 2004/38 tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti b’mod gradwali (46). Wieħed isib hawnhekk l-idea ta’ evoluzzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel nett, id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni u lanqas ebda formalità barra mill-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport validu (47). Imbagħad, id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 (48). Fl-aħħar nett, id-dritt ta’ residenza permanenti (49) huwa previst fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li għixu legalment matul perijodu mhux interrot ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (50). Iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jistgħu għaldaqstant jgħaddu minn stadju wieħed jew iktar fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tagħhom sakemm huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet, li jvarjaw skont it-tul tar-residenza, previsti mid-Direttiva 2004/38 (51), ħaġa li tiffavorixxi l-“integrazzjoni progressiva” tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.
73. Madankollu, jekk, f’mument partikolari, dawn il-persuni ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, bil-konsegwenza li jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha u, għaldaqstant, tad-drittijiet tagħhom għad-dħul u residenza fl-Istat Membru ospitanti, dan ma jfissirx minn daqshekk li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva ma jkunux japplikaw għalihom. Dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jirregolaw mhux biss il-kundizzjonijiet taż-żamma ta’ dritt ta’ residenza u l-kundizzjonijiet li fihom dan id-dritt jieqaf jeżisti (Artikoli 12 sa 14) imma wkoll il-limitazzjonijiet tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza u l-protezzjoni f’każ ta’ tkeċċija (Artikolu 15).
74. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa utli li jitfakkar li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li ċ-“[ċ]ittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom”. L-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva jirregolaw, rispettivament, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni u ż-żamma ta’ dan id-dritt f’każ ta’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew tmiem ta’ unjoni rreġistrata. Għaldaqstant, filwaqt li s-sitwazzjonijiet imsemmija f’dawn iż-żewġ artikoli ma jaffettwawx id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru (52), mhux l-istess jingħad għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz, li għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet biex iżommu d-dritt ta’ residenza dderivat tagħhom. Jekk dawn il-kundizzjonijiet, stabbiliti fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, ma jkunux issodisfatti, dawn il-persuni jitilfu d-drittijiet tagħhom ta’ residenza mingħajr madankollu ma jitilfu l-protezzjoni tagħhom kontra t-tkeċċija. Fil-fatt, huma jkunu protetti mill-Artikolu 15 (Kapitolu III) ta’ din id-direttiva, li jirregola l-limitazzjoni tal-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħha għal raġunijiet li ma humiex ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika. Is-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah taqa’ taħt din l-aħħar dispożizzjoni.
75. Fil-fehma tiegħi, jirriżulta mill-eżami tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38 li, anki jekk ċittadin ta’ Stat terz jitlef id-dritt ta’ residenza idderivat u, konsegwentement, ma jibqax “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija direttiva tagħti l-protezzjoni f’każ ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva.
76. Wara li ġie ppreċiżat dan, jidhirli li huwa importanti, f’dan l-istadju tal-eżami tiegħi, li tiġi enfasizzata d-differenza essenzjali eżistenti bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza Lounes (53).
2) Id-differenza essenzjali eżistenti bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza Lounes
77. Fil-kawża Lounes, it-tibdil li seħħ kien tibdil fundamentali fl-istatus tas-Sinjura Ormazabal. Fil-fatt, jirriżulta minn dik is-sentenza li, bil-fatt li kisbet in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, is-Sinjura Ormazabal biddlet is-sistema legali kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali kif ukoll tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, anki jekk din id-Direttiva kienet irregolat kważi għoxrin sena ta’ eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tagħha fl-Istat Membru ospitanti, dan it-tibdil fundamentali tas-sistema legali tas-Sinjura Ormazabal kellu bħala konsegwenza li jevolvi s-sitwazzjoni tagħha mhux fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 imma, għall-kuntrarju, barra minnha, b’mod li din id-direttiva ma baqgħetx tapplika għas-Sinjura Ormazabal wara n-naturalizzazzjoni tagħha. Għaldaqstant, T. Lounes ma bbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.
78. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, ir-ritorn tal-konjuġi ta’ N. Chenchooliah fil-Portugall temm iċ-ċiklu tal-ħajja tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza tagħhom (stess u dak idderivat) bil-konsegwenza li tilfu l-kwalità tagħhom ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, mingħajr madankollu ma pprovoka t-telf tal-protezzjoni prevista minn din id-direttiva f’każ ta’ tkeċċija mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.
79. Fi kliem ieħor, b’differenza mas-sitwazzjoni tas-Sinjura Ormazabal, li, wara li kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika, ħarġet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 minħabba t-tibdil fis-sistema legali li tirriżulta mit-tibdil fl-istatus (filwaqt li kienet koperta madankollu mill-Artikolu 21(1) TFUE), dik tal-konjuġi ta’ N. Chenchooliah, wara r-ritorn tiegħu fil-Portugall, ma għadhiex irregolata minn din id-direttiva, mingħajr ma dan ifisser li huwa bidel is-sistema legali. Dan tal-aħħar jista’ fil-fatt, fil-futur, jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu fl-Irlanda fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li s-Sinjura Ormazabal, bħala ċittadina Brittanika, tgawdi mid-dritt ta’ residenza mhux kundizzjonata fir-Renju Unit. Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex intiża li tirregola d-dritt ta’ residenza tagħha f’dan l-Istat Membru.
80. Konsegwentement, b’kuntrast mas-sitwazzjoni ta’ T. Lounes li, wara l-kisba taċ-ċittadinanza Brittanika tal-konjuġi tiegħu, ma setax jibbenefika mid-dritt ta’ residenza fis-sens tad-Direttiva 2004/38, dik ta’ N. Chenchooliah, wara r-ritorn ta’ żewġha fil-Portugall, taqa’ b’mod partikolari taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva għall-finijiet tat-tkeċċija tagħha (54).
3) It-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni tibqa’ taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38 meta dak iċ-ċittadin waqaf jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Istat Membru ospitanti minħabba r-ritorn tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità
81. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 68 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa ċar li t-tkeċċija ta’ N. Chenchooliah taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 15 tagħha.
82. Jidhirli li hemm tliet kunsiderazzjonijiet oħra li huma importanti f’dan ir-rigward.
83. Fl-ewwel lok, nosserva li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Metock et (55), il-Ministru kien diġà ddefenda interpretazzjoni wiesgħa tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-barranin għall-konjuġi membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Din il-pożizzjoni ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 70 tas-sentenza tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod partikolari l-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex jirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri, meta l-impossibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat mill-familja tiegħu jew li hija tingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti tista’ tippreġudika l-libertà tiegħu ta’ moviment billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza f’dan l-istess Stat Membru (56).
84. Mill-bqija, il-fatt li l-Istati Membri jiġi rrikonoxxut lilhom il-possibbiltà li jiddeċiedu fuq it-tkeċċija mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bis-saħħa tal-garanziji proċedurali tad-Direttiva 2004/38 jew tat-tkeċċija, skont id-dritt nazzjonali tal-barranin, taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, ikun ikollu bħala effett li l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità tvarja minn Stat Membru għal ieħor, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni, b’mod partikolari dawk li jawtorizzaw it-tkeċċija bi projbizzjoni fuq id-dħul għal żmien indefinit. Tali riżultat huwa irrikonċiljabbli mad-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri.
85. Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, kif irrilevat espressament il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni li biha ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jkunu suġġetti għal-proċeduri ta’ tkeċċija differenti tippreġudika l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja familjari u f’li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment (57). Għaldaqstant, jekk ċittadin ta’ Stat terz, li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għadux jeżerċita d-drittijiet għall-moviment liberu tiegħu jkun jista’ jitkeċċa abbażi tad-dritt nazzjonali tal-barranin li jipprovdi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż għal żmien indefinit, kif inhu l-każ hawnhekk, dan ifisser fir-realtà li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun prekluż milli jirritorna fil-futur fl-Irlanda flimkien mal-konjuġi tiegħu fil-każ fejn dan ikun jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu f’dak l-Istat Membru (58).
86. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li l-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tiddikjara li: “[...]d-dritt taċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza” (59). Fil-fehma tiegħi, jagħmel sens li jiġi kkunsidrat li dawn il-“kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità” għandhom ikunu estiżi għaċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom, mill-wasla tagħhom fl-Istat Membru ospitanti sat-tluq tagħhom minnu. Barra minn hekk, il-premessa 25 tipprovdi b’mod partikolari li jeħtieġ li jiġu ppreċiżati l-garanziji proċedurali b’mod li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu f’każ ta’ rifjut tad-dħul jew tar-residenza fi Stat Membru ieħor.
87. Fit-tielet u l-aħħar lok, il-pożizzjoni li esponejt fil-punti 68 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn ingħad li N. Chenchooliah tkompli taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha, għall-finijiet tat-tkeċċija tagħha, hija konformi mal-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jiġux interpretati b’mod restrittiv u li dawn ma jiġux imċaħħda mill-effett utli tagħhom (60).
88. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li, inkwantu t-terminazzjoni jew l-iskadenza ta’ dritt ta’ residenza tagħmel parti mit-tmiem tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment, it-tkeċċija mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni jkompli jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 15 tagħha, meta dak iċ-ċittadin jieqaf jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Istat Membru ospitanti billi jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.
2. Fuq il-limitazzjonijiet u l-garanziji proċedurali applikabbli għat-tkeċċija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom ċittadini ta’ Stat terz minħabba l-iskadenza tad-dritt ta’ residenza tagħhom
89. Id-Direttiva 2004/38 tipprovdi l-limitazzjonijiet u l-garanziji proċedurali applikabbli għat-tkeċċija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. B’mod iktar preċiż, din id-direttiva tistabbilixxi distinzjoni bejn żewġ sistemi differenti li huma bbażati fuq raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija. Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tkun iġġustifikata kemm għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (Kapitolu VI), kif ukoll għal raġunijiet oħra (Artikolu 15), b’mod partikolari minħabba l-fatt li benefiċjarju taħt id-Direttiva 2004/38 jieqaf jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza previsti fiha.
90. Anki jekk jien naqbel mal-Ministru li l-motivi invokati għall-finijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija ta’ N. Chenchooliah ma jaqgħux taħt ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika previsti mid-Direttiva 2004/38, għalija huwa inkonċepibbli, għar-raġunijiet li ser insemmi iktar ’il quddiem, li s-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah ma tkunx koperta mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.
a) Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38
91. Il-Ministru kif ukoll il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet isostnu li, f’sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ N. Chenchooliah, deċiżjoni ta’ tkeċċija hija rregolata mhux mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 imma mid-dritt nazzjonali tal-barranin (deċiżjoni ta’ tkeċċija) (61).
92. Min-naħa l-oħra, N. Chenchooliah issostni li deċiżjoni ta’ tkeċċija kontriha għandha tittieħed b’applikazzjoni u b’osservanza tar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-direttiva.
93. Fl-ewwel lok, qabel ma jiġi eżaminat il-grad ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija li minnha jibbenefika ċittadin ta’ Stat terz, li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħalma hija N. Chenchooliah, għandu jitfakkar li jirriżulta mit-titolu tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 li d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dak il-kapitolu, b’mod partikolari l-Artikolu 27, ikopru l-limitazzjoni tad-dritt tad-dħul u tad-dritt ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.
94. Huwa ċar li l-motivi invokati għall-finijiet li tkun iġġustifikata t-tkeċċija ta’ N. Chenchooliah ma humiex ibbażati fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika koperti mill-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 (62). Fil-fatt, kif indika l-Ministru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kif ikkonferma waqt is-seduta, it-tkeċċija tagħha hija bbażata fuq il-fatt li l-konjuġi ċittadin tal-Unjoni, minn mindu rritorna fil-Portugall, ma għadux jerżerċita d-dritt tal-moviment liberu tiegħu fl-Irlanda. Il-Ministru indika wkoll li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, bħalma huwa l-abbozz ta’ deċiżjoni intiża li tkeċċi lil N. Chenchooliah, hija miżura ta’ kontroll tal-immigrazzjoni li tiġi adottata għal skopijiet ekonomiċi.
95. Fit-tieni lok, jidhirli li huwa utli li jerġa’ jsir riferiment għas-sentenza Metock et (63) filwaqt li nirreferi għall-punti 94 u 95 tagħha. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 94 ta’ dik is-sentenza, li “[l]-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ‘jakkumpanjaw’ jew ‘jingħaqdu’ ma’ dan tal-aħħar biss, hija ekwivalenti għal limitazzjoni tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn dan jgħix”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 95 tal-imsemmija sentenza, li “[m]ill-mument li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, dan igawdi permezz tad-Direttiva 2004/38 minn drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti u jista’ jirrestrinġi dan id-dritt biss taħt l-Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva” (64). Fil-fehma tiegħi, din il-preċiżazzjoni ma tistax tkun evalwata b’mod separat mill-kuntest fattwali li din is-sentenza tkun ingħatat fih, jiġifieri li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati kienu stabbilixxew ruħhom fl-Istat Membru ospitanti u kienu jgħixu fih mal-konjuġi tagħhom ċittadini ta’ Stat terz. Għaldaqstant, tali preċiżazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun mifhuma fis-sens li jekk u sa fejn iċ-ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, jgħix ma’ dak iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti u, sussegwentement, jitlef id-drittijiet tad-dħul u ta’ residenza dderivat li tiegħu huwa benefiċjarji abbażi tad-Direttiva 2004/38, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ristretti biss b’osservanza tal-Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva.
96. Applikat għal dan il-każ, dan ifisser li, inkwantu l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah irritorna fil-Portugall u l-koppja ma għadhiex tgħix fl-Istat Membru ospitanti, N. Chenchooliah ma għadhiex tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.
97. Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah ma taqax, fil-prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 (65). Madankollu, kif esponejt fil-punti 72 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma jfissirx li N. Chenchooliah ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha, li jirregolaw il-garanziji proċedurali li jirrigwardaw it-tkeċċija taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom li għexu fil-passat fl-Istat Membru ospitanti fil-kwalità tagħhom ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva.
b) Interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38
98. Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38, “[i]l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika” (66).
99. Fl-ewwel lok, jirriżulta minn qari purament litterali tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 li l-garanziji proċedurali li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni (l-Artikoli 30 u 31) japplikaw “mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom”. Dan ifisser li din id-dispożizzjoni tapplika għal kull deċiżjoni ta’ tkeċċija li tillimita l-moviment liberu mhux biss ta’ ċittadin tal-Unjoni imma wkoll tal-membri tal-familja tiegħu. Jirriżulta wkoll minn qari ta’ din id-dispożizzjoni li din ma tkoprix id-deċiżjonijiet meħudin għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika imma dawk biss li jittieħdu “għal raġunijiet għajr [oħra]”. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-“raġunijiet għajr [l-oħra]” li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkonċernaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tat-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti minħabba r-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
100. Fit-tieni lok, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li jakkumpanjaw l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38, għandu jitfakkar li dan l-artikolu qiegħed fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur (Artikolu 6), id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur (Artikolu 7) kif ukoll, min-naħa, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin tal-Unjoni (Artikolu 12), f’każ ta’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew tmiem ta’ unjoni rreġistrata (Artikolu 13) u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza previst fl-Artikoli 6, 7, 12 u 13, sakemm il-benefiċjarji ta’ dawn id-drittijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-Artikoli (Artikolu 14). F’dan il-kuntest, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 ikopri s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu jieqfu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza previsti f’din id-direttiva (Artikoli 6, 7, 12, 13 jew 14) u, konsegwentement, jitilfu d-drittijiet ta’ residenza tagħhom stess jew id-drittijiet idderivati (67). F’dan il-każ, huwa paċifiku li N. Chenchooliah irrisjediet fl-Irlanda bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu f’dak l-Istat Membru bis-saħħa tad-dritt ta’ residenza dderivat għal inqas minn tliet xhur previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/38, dritt li hija tilfet wara r-ritorn fil-Portugall ta’ żewġha.
101. Għaldaqstant, eżaminat f’dan il-kuntest, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 għandu jkun interpretat bħala li jikkontempla ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu ċittadini ta’ Stat terz f’sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ N. Chenchooliah. Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.
102. Il-konklużjoni preċedenti hija kkonfermata mill-analiżi tal-għan tad-Direttiva 2004/38.
103. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel xejn, li jirriżulta minn interpretazzjoni konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien irrikonoxxa l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini tal-Istati Membri sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (68). Kif sostnejt fil-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li ma jiġix applikat l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 għall-membri tal-familja taċ-ċittadini ta’ Stat terz, ħaġa li, fil-fehma tiegħi, tkun inkonċepibbli, ikollu bħala konsegwenza li kopja miżżewġa tkun tista’ titkeċċa mill-Istat Membru ospitanti abbażi ta’ sistemi legali differenti, ħaġa li tippreġudika l-għan li jikkonsisti li tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħajja familjari u tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment. F’dan il-każ, jekk N. Chenchooliah tkeċċiet skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni, tiġi applikata lilha projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż. Anki jekk, kif indika l-Ministru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikolu 3.11 ta’ din il-liġi jipprovdi li persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ titlob lill-Ministru li din id-deċiżjoni tiġi emendata jew revokata, il-Ministru kkonferma waqt is-seduta li din is-setgħa hija madankollu diskrezzjonali.
104. Imbagħad, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jakkumpanja d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kkontemplata fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju. Għaldaqstant, huwa ċar li l-użu, mill-Istat Membru ospitanti, ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija abbażi tad-dritt nazzjonali tal-barranin akkumpanjata bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, tali użu jwassal fir-realtà biex jipprekludi liċ-ċittadin tal-Unjoni biex jirritorna fil-futur fl-Irlanda flimkien mal-konjuġi tiegħu ċittadina ta’ Stat terz f’każ li huwa jkun jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu f’dak l-Istat Membru.
105. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 għal sitwazzjonijiet bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollu bħala konsegwenza li jċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn parti mis-sustanza tagħha billi jċaħħadha mill-effett utli tagħha.
106. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikoli 15, 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 għandhom ikunu interpretati fis-sens li japplikaw għal deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
V. Konklużjoni
107. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda) bil-mod kif ġej:
L-Artikoli 15, 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata mir-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, għandhom ikunu interpretati fis-sens li japplikaw għal deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ ċittadin ta’ Stat terz li tittieħed minħabba li dak iċ-ċittadin ma għadx għandu dritt ta’ residenza taħt din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn dak iċ-ċittadin iżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni f’mument li fih dan kien jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, ċittadin li, sussegwentement, irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46), kif emendata permezz tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, (ĠU 2011, L 141, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38”).
3 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-7 ta’ Novembru 2012 hija d-data li fiha skadiet l-aħħar awtorizzazzjoni li ngħatat lir-rikorrenti bħala studenta.
4 Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jiġi nnutat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tindika, preliminarjament, li jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-awtoritajiet Irlandiżi, meta rrifjutaw li jagħtu permess ta’ residenza lil N. Chenchooliah, ibbażaw ruħhom esklużivament fuq il-punt dwar jekk il-konjuġi tagħha, ċittadin tal-Unjoni, kellux personalment riżorsi suffiċjenti u setax jipproduċi kuntratt ta’ xogħol għal dan il-għan. Issa, Il-Kummissjoni tfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 bl-espressjoni “għandhom” biżżejjed riżorsi għandu jiġi interpretat fis-sens “li huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiddisponu minn tali riżorsi, mingħajr ma tipprovdi l-iċken rekwiżit fir-rigward tas-sors tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, miċ-ċittadin ta’ Stat terz. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi fis-sens li l-persuna kkonċernata għandha jkollha hija stess tali riżorsi, mingħajr ma tkun tista’ tinvoka, f’dan ir-rigward, ir-riżorsi ta’ membru tal-familja li jakkumpanjaha, iżżid ma’ din il-kundizzjoni, kif imfassla fid-Direttiva 2004/38, rekwiżit marbut mas-sors tar-riżorsi, u dan jikkostitwixxi interferenza sproporzjonata fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu u ta’ residenza ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE, sa fejn ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri”. Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C-218/14, EU:C:2015:476, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Anki jekk jien naqbel ma’ din l-analiżi tal-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li, mhux biss ma għandniex elementi suffiċjenti biex tiġi eżaminata din is-sitwazzjoni fil-każ ineżami imma, fuq kollox, id-deċiżjoni tal-Ministru tal-11 ta’ Settembru 2012, li N. Chenchooliah ma kkontestatx, saret finali. Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
5 Skont il-Kummissjoni, għandha għaldaqstant tittieħed miżura ta’ tkeċċija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva.
6 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, f’din il-kawża, kien ġie rrifjutat il-permess ta’ residenza fl-Irlanda lir-rikorrent, is-Sur Igunma, ċittadin ta’ Stat terz, minħabba li martu, ċittadina tal-Unjoni, ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala li teżerċita drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni fil-mument tat-talba għall-permess ta’ residenza. Il-kawża oriġinat mill-arrest tas-Sur Igunma minħabba l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata kontrih qabel ma żżewweġ ma’ martu fl-Irlanda. Il-kwistjoni prinċipali li tqajmet b’dik il-kawża kienet tikkonċerna l-punt dwar jekk is-Sur Igunma setax jitqies bħala persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u tar-regolamenti Irlandiżi li jittrasponu l-imsemmija direttiva. Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 u r-regolamenti msemmija kienu applikabbli għas-Sur Igunma u li huwa seta’, konsegwentement, jitkeċċa mit-territorju biss b’deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata skont ir-regolamenti Irlandiżi. Fil-punt 32 ta’ dik is-sentenza, dik il-qorti rrilevat li jeżistu differenzi bejn deċiżjoni ta’ tkeċċija u deċiżjoni ta’ tneħħija, waħda minnhom hija li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha perijodu ta’ validità mingħajr limitu. Skont il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni ta’ tneħħija teżawrixxi l-effetti tagħha permezz tal-eżekuzzjoni, sakemm ma tkunx akkumpanjata minn perijodu speċifiku ta’ projbizzjoni mit-territorju.
7 Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001 (C-184/99, EU:C:2001:458, punt 31).
8 Din il-preċiżazzjoni, stabbilita sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tfakkret riċentement fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38.
10 Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punti 59 u 82); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 35), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, EU:C:2011:277, punt 33), u tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 41).
12 F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża l-kelma “benefiċjarju” biss fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
13 Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża O. et (C-456/12, EU:C:2013:837, punt 68).
14 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
16 Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet madankollu d-dritt ta’ residenza dderivat liċ-ċittadini ta’ Stat terz membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, EU:C:1992:296, punt 25), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punt 45). F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li, meta ċittadin tal-Unjoni jkun irrisjeda ma’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu għal perijodu li jaqbeż, rispettivament, sentejn u nofs u sena u nofs, u kien jeżerċita attività bi ħlas, dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz għandu, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, jibbenefika, skont id-dritt tal-Unjoni, minn dritt ta’ residenza dderivat f’dan l-aħħar Stat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat sussegwentement, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 61), li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2004/38 tapplika b’analoġija f’sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz waqt residenza effettiva, skont u bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7(1) u (2) jew 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità u jirritorna mal-membru tal-familja kkonċernat fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Fil-fatt, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali każ fejn iċ-ċittadin jerġa’ lura, hija għandha tiġi applikata b’analoġija għall-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu, peress li fiż-żewġ każijiet huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa l-isponsor sabiex ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza dderivat. Fir-rigward tar-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-konjuġi tiegħu tal-istess sess, ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385). Għal dak li jikkonċerna r-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni u seħbitu li magħha huwa għandu relazzjoni twila, debitament attestata, ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570).
17 F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, meħud kont tal-fatt li N. Chenchooliah la akkumpanjat u lanqas ingħaqdet mal-konjuġi tagħha fil-Portugall, il-ġurisprudenza li tirrigwarda d-dritt tad-dħul jew ta’ residenza dderivat ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, ma tapplikax għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fuq din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16. Fir-rigward tad-dritt tad-dħul ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-pussess ta’ permess ta’ residenza mogħti minn Stat Membru skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali persuna “ma hijiex suġġetta għall-obbligu li tikseb viża jew obbligu ekwivalenti sabiex tista’ tidħol fit-territorju tal-Istat Membru li minnu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni joriġina” : ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 42). Ara, wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:345).
18 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).
19 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).
20 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449). Ara wkoll, il-pożizzjoni li ħa l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’din il-kawża (C-127/08, EU:C:2008:335).
21 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 73).
22 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 80). Infakkar li f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet biex tirriforma s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C-109/01, EU:C:2003:491).
23 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 99).
24 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, (C-165/16, EU:C:2017:862).
25 Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2004/38 ma hijiex intiża li tirregola d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonali u, konsegwentement, hija lanqas ma hija intiża li tagħti, fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, dritt ta’ residenza dderivat lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin li jkunu ċittadini ta’ Stat terz. Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C-165/16, EU:C:2017:407, punti 48 u 63).
27 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 39).
28 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punti 41 u 44).
29 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 48): “Għaldaqstant, il-finalità u l-ġustifikazzjoni ta’ tali dritt idderivat huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tiegħu ser jippreġudika, b’mod partikolari, din il-libertà [ta’ moviment] kif ukoll l-eżerċizzju u l-effett utli tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jislet mill-Artikolu 21(1) TFUE”.
30 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 56).
31 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 60). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C-165/16, EU:C:2017:407, punt 86: “[l]i issa tiċċaħħad mid-drittijiet li hija bbenefikat minnhom sal-lum fir-rigward tar-residenza tal-membri tal-familja tagħha, minħabba li hija fittxet, permezz tan-naturalizzazzjoni, integrazzjoni iktar profonda fl-Istat Membru ospitanti, jannulla l-effett utli tad-drittijiet li hija tislet mill-Artikolu 21(1) TFUE”.
32 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 62).
33 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).
34 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).
35 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449).
36 Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punti 18 sa 37).
37 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 73).
38 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 63). Ara wkoll, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C-40/11, EU:C:2012:691, punti 63 u 68); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 45); tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C-165/14, EU:C:2016:675, punt 73), kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 48).
39 Madankollu, għandhom, fil-fehma tiegħi, ma jiġix konfużi, min-naħa, is-sitwazzjonijiet fejn huwa ċar li l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jiġux issodisfatti, kif huwa l-każ tar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità jew tal-istabbiliment tiegħu fi Stat Membru ieħor b’mod definittiv, dan minkejja li l-konjuġi tiegħu li tirriżulta minn Stat terz tibqa’ fl-Istat Membru ospitanti fejn kienu jgħixu flimkien, u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li għandhom natura temporanja, fejn għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu li tirriżulta minn Stat terz ikomplu jkollhom il-kwalità ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi temporanjament fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità biex isegwi trattament mediku, debitament attestat, biex jieħu ħsieb temporanjament membru tal-familja tiegħu ffaċċat bi problemi ta’ saħħa, jew li jiċċaqlaq u jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet importanti, bħal tqala u twelid, studji jew taħriġ professjonali, jew għal raġunijiet professjonali, bħal stakkament fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, u li jaqa’ taħt din it-tieni kategorija ta’ sitwazzjonijiet. Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li f’ipoteżi fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jerġa’ jidħol jew jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità jew jiċċaqlaq u jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet debitament iġġustifikati, il-konjuġi tiegħu li tirriżulta minn Stat terz li tibqa’ fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari biex tevita li titlef ix-xogħol tagħha, issegwi l-istudji tagħha jew taħriġ professjonali f’dan l-Istat Membru, għandha tkompli taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Fir-rigward taż-żamma tal-karta ta’ residenza f’każ ta’ assenzi temporanji, ara l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva.
40 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).
41 Fil-fatt, l-integrazzjoni progressiva u eżemplari tas-Sinjura Ormazabal fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, sal-punt li ħadet in-nazzjonalitàta’ dak l-Istat Membru, kellha bħala riżultat paradossali li hija tilfet id-drittijiet tagħha fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li hija kienet issodisfat, f’kull stadju, il-kundizzjonijiet ta’ residenza rikjesti. Fuq dan il-paradoss, ara l-konklużjonijiet talAvukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C-165/16, EU:C:2017:407, punti 86 sa 89). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja bbilanċjat din l-interpretazzjoni restrittiva tad-Direttiva 2004/38 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, li kompliet taqa’ taħtu s-Sinjura Ormazabal. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-nazzjonalità Spanjola tas-Sinjura Ormazabal, billi ddikjarat li “Stat Membru ma jistax jillimita l-effetti li jirriżultaw mill-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari d-drittijiet li huma marbuta magħha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u li jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn ċittadin, tal-libertà ta’ moviment tiegħu”, sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 55). Fuq l-eżami mill-ġdid tal-prinċipju tas-supremazija tan-nazzjonalità tal-forum, ara, b’mod partikolari, Pataut, E., “Les conflits de nationalités face au droit de l’Union”, Revue critique de droit international privé, April-Ġunju 2018, p. 241 sa 256.
42 Peress li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah irritorna fil-Portugall, fejn qiegħed jiskonta piena twila ta’ priġunerija, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li r-ritorn tiegħu fil-Portugall kien “temporanju” fis-sens indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
43 Ara, b’mod partikolari, il-Kapitolu II, intitolat “Dritt ta’ ħruġ u dħul”, u l-Kapitolu III, intitolat “Dritt ta’ residenza” (sa tliet xhur, iktar minn tliet xhur, permanenti), iż-żamma tad-dritt ta’ residenza (anki fil-każ tat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni), limitazzjonijiet tad-dritt tad-dħul u ta’ residenza (tkeċċija) ta’ din id-direttiva.
44 Inqis iċ-ċiklu tal-ħajja tad-Direttiva 2004/38 bħala li huwa l-perijodu ta’ żmien li matulu sseħħ is-suċċessjoni tal-istadji li jifformaw il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż dik li matulha d-dritt ta’ moviment liberu rregolat minn din id-direttiva jieqaf jeżisti.
45 Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
46 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f’diversi okkażjonijiet li, fil-kuntest globali tad-Direttiva 2004/38, l-għan li jkun iffaċilitat u msaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment u residenza b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri li jingħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat FUE jaqa’ taħt sistema gradwali li tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, filwaqt li essenzjalment tinkludi l-passi u l-kundizzjonijiet stipulati fil-varji strumenti tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, din is-sistema twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti. Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 38); tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C-378/12, EU:C:2014:13, punt 30), kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero (C-316/16 u C-424/16, EU:C:2018:256, punt 51).
47 Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jinżamm sakemm iċ-ċittadini tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.
48 Fil-fatt, skont l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom dan id-dritt biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva li huma intiżi sabiex jiġi evitat li jkun hemm piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:607, punti 51 u 52): “dan it-tieni għan [li joħroġ mill-premessa 10] jeżisti biss minħabba l-ewwel wieħed: billi d-direttiva hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza, l-Istati Membri ħassew li kien meħtieġ li jiġi żgurat li l-piż finanzjarju ta’ din il-libertà jkun ikkontrollat”.
49 B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li d-dritt ta’ residenza permanenti ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, il-pussessur ta’ dritt ta’ residenza permanenti jista’ jikkostitwixxi piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u ma jistax jitkeċċa mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Ara Lenaerts, K., “European Union Citizenship, National Welfare Systems and Social Solidarity”, Jurisprudence, Nru 18, 2011, p. 409.
50 “L-idea fundamentali hija li d-drittijiet li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jiżdiedu mat-tul ta’ żmien fi Stat Membru ieħor”, Barnard, C., The Substantive Law of the EU: The Four Freedoms, 5e ed., Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 438.
51 Fil-fatt, biex itawwal ir-residenza tiegħu għal iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkun “ħaddiem[…] jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti” (Artikolu 7(1)(a)) jew għandu biżżejjed riżorsi biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tiegħu u għandu assigurazzjoni tal-mard komprensiva (Artikolu 7(1)(b)), jew ikun student (Artikolu 7(1)(ċ)) jew ikun membru tal-familja li qed jakkumpanja jew li se jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni li huwa stess jissoddisfa l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (Artikolu 7(1)(d)). Jekk iċ-ċittadin jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jestendi (salv għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(4) għall-membri tal-familja tiegħu wkoll li ma humiex ċittadini ta’ xi Stat Membru (paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu).
52 Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li, “[q]abel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1)”, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/38 li jipprovdi li, “[q]abel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1)”.
53 Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).
54 Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, għandha ssir distinzjoni skont l-għan tal-użu tal-kunċett ta’ “benefiċjarju”, jiġifieri, b’mod partikolari, dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u/jew tad-dritt ta’ residenza jew dak li jirrigwarda l-limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u tal-protezzjoni f’każ ta’ tkeċċija.
55 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).
56 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 63). Ara, wkoll, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C-40/11, EU:C:2012:691, punti 63 u 68); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 45) ; tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C-165/14, EU:C:2016:675, punt 73), kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 48).
57 Skont il-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża li tittrasponi d-Direttiva 2004/38, filwaqt li l-konjuġi ċittadin ta’ Stat terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bil-projbizzjoni li li jerġa’ jidħol fl-Irlanda għal żmien indefinit abbażi tad-dritt nazzjonali tal-barranin, ħaġa li hija espressament ipprojbita mill-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva.
58 Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.
59 Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 83), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 33).
60 Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punt 43); tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 84), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 32).
61 Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-kuntest ġuridiku espost mid-deċiżjoni tar-rinviju, li deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni hija awtomatikament akkumpanjata bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż għal żmien indefinit.
62 Kif irrileva l-Ministru u l-Irlanda quddiem il-qorti tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, huwa ċar li deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ N. Chenchooliah abbażi tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 ma tistax, fil-fatt, tittieħed peress li, skont dik id-dispożizzjoni, dan jimponi li jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, ħaġa li, f’dan il-każ, manifestament ma huwiex il-każ.
63 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).
64 Għandu jiġi rilevat li huwa b’mod partikolari fuq dan il-punt tas-sentenza Metock et li l-High Court (il-Qorti l-Għolja) ibbażat ruħha biex tikkunsidra, fil-punt 30 tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2014, Igunma vs Governor of Wheatfield Prison et [(2014) IEHC 218], li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, li Igunma jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 minħabba l-fatt li żżewweġ ma’ ċittadina tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti li fih dik iċ-ċittadina eżerċitat l-libertà ta’ moviment tagħha u li huwa jibqa’ taqa’ taħt dik id-dispożizzjoni anki jekk il-permess ta’ residenza tiegħu ġie legalment irrifjutat.
65 Ħlief għal dak li jikkonċerna l-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-direttiva, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.
66 Enfasi miżjuda.
67 Għal dak li jikkonċerna r-rabta bejn l-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 15 japplika, kif għadni kif enfasizzajt, għall-każijiet kollha li fihom ċittadin tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tiegħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ residenza stabbiliti fl-Arikoli 6, 7 u12 sa 14 ta’ din id-direttiva. Huwa importanti, għaldaqstant, li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li “[i]d-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ)” (enfasi miżjuda minni). Din ir-riferenza “għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti” tinsab ukoll fl-Artiokolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, huwa ċar li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 japplika wkoll għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz.
68 Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).