Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2019 (1)
Kawża C‑183/18
Centraal Justitieel Incassobureau, Ministerie van en Veiligheid Justitie (CJIB)
vs
Bank BGŻ BNP Paribas S.A. w Gdańsku,
fil-preżenza ta’
Prokuratura Rejonowa Gdańsk-Śródmieście w Gdańsku
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarji imposti fuq persuni ġuridiċi – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Portata – Kunċett ta’ “persuna ġuridika” – Penali finanzjarja imposta fuq entità mingħajr personalità ġuridika”
I. Introduzzjoni
1. Id-Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI tal-Kunsill tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (2), tippermetti lill‑awtoritajiet ta’ Stat Membru (iktar ’il quddiem l-“Istat emittenti”) li jitlob l-eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarja fi Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem l-“Istat ta’ eżekuzzjoni”) li fih il-persuna fiżika jew ġuridika li fil-konfront tagħha ngħatat id-deċiżjoni għandha beni jew dħul, hija normalment residenti jew għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha, f’każ ta’ persuna ġuridika.
2. Mibdi b’talba tas-Centraal Justitieel Incassobureau (CJIB) (l-Uffiċċju ċentrali ta’ rkupru ġudizzjarju, il-Pajjiżi l-Baxxi) (3) tal‑Ministerie van en Veiligheid Justitie (il-Ministeru għas‑Sigurtà u għal-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) għar-rikonoxximent u eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal-Adm. Verwerking Flitsgegevens CJIB HA Leeuwarden (is-Servizz inkarigata mill-ipproċessar tad-data dwar kontravenzjonijiet ta’ veloċità taċ-CJIB f’Leuvarde, il-Pajjiżi l-Baxxi), tal‑25 ta’ Novembru 2016, li imponiet multa ta’ EUR 36 fuq il-Bank BGŻ BNP Paribas S.A. w Gdańsku (il-Bank BGŻ BNP Paribas S.A. ta’ Gdańsk, il-Polonja) (4), dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja timplimenta t-tagħlimiet misluta mis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (5), fir-rigward tal-effetti tad‑deċiżjonijiet qafas, b’mod partikolari, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi.
3. B’mod differenti minn qabel, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk, u jekk ikun il-każ kif, penali finanzjarja tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru, minkejja li din il-penali tirrigwarda entità li ma għandhiex, f’dan l-Istat, personalità ġuridika.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Deċiżjoni Qafas 2005/214
4. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, intitolat “Definizzjonijiet”:
“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:
a) “deċiżjoni”, tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:
[...]
iii) awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;
[...]”
5. L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Trasmissjoni ta’ deċiżjonijiet u rikors għall-awtorità ċentrali”, jipprevedi, fil‑paragrafi 1 u 6:
“1. Deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat kif previst f’dan l-Artikolu, jista’ jiġi trasmess lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha.
[...]
6. Meta xi awtorità, fl-Istat ta’ esekuzzjoni, li tirċievi deċiżjoni ma jkollhiex il-kompetenza sabiex tirrikonoxxiha u tieħu l-miżuri meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, għandha, ex officio, titrasmetti d-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fl‑Istat emittenti b’dan.”
6. L-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “L-ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l‑istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:
[...]
– kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar‑regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar‑regolamenti dwar merkanzija perikoluża,
[...]”
7. L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, intitolat “Rikonoxximent u esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”, jipprevedi li ġej:
“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”
8. Skont l-Artikolu 9(1) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u għall‑Artikolu 10, l-infurzar tad-deċiżjoni għandu jkun regolat mill-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bl-istess mod ta’ penali finanzjarja ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biss għandhom ikunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għat-terminazzjoni ta’ l-infurzar.
[...]
3. Penali finanzjarja mposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi nfurzata anki jekk l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi.”
9. Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija deċiżjoni qafas:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Deċiżjoni Kwadru sat‑22 ta’ Marzu 2007.
2. Kull Stat Membru jista’, għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jillimita l-applikazzjoni tagħha għal
[...]
b) fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, deċiżjonijiet relatati ma kondotta li għaliha strument Ewropew jipprovdi għall-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi.
[...]
3. Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal‑prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.
[...]”
2. Id-Direttiva UE 2015/413
10. Il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva (UE) 2015/413 (6) jipprevedu:
“(1) It-titjib tas-sikurezza fit-toroq huwa objettiv primarju tal-politika tat-trasport tal-Unjoni. L-Unjoni qed issegwi politika għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq, bl-objettiv li jitnaqqsu l-imwiet, il‑korrimenti u l-ħsarat materjali. Element importanti ta’ dik il‑politika huwa l-infurzar konsistenti tal-penali għal dawk ir-reati tat-traffiku magħmulin fl-Unjoni li jipperikolaw b’mod konsiderevoli s-sikurezza fit-toroq.
(2) [...] Din id-Direttiva għandha l-għan li [...] tiġi żgurata l-effettività tal-investigazzjoni tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit‑toroq.”
11. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li din tapplika b’mod partikolari f’każ ta’ sewqan b’veloċità eċċessiva.
12. L-Artikolu 3(n) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
n) “detentur tal-vettura” tfisser il-persuna li f’isimha tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.”
13. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Direttiva 2015/413:
“L-Istat Membru fejn isir ir-reat għandu, taħt din id-Direttiva, juża d‑data miksuba sabiex jiġi stabbilit min hu personalment responsabbli għar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq elenkati fl‑Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.”
B. Id-dritt Pollakk
14. Il-Kapitolu 66b tal-ustawa – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi li tistabilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) (7), tas-6 ta’ Ġunju 1997, jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Pollakk id-dispożizzjonijiet tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214.
15. Il-Kapitolu 66b taċ-CPP, intitolat “Talba ta’ Stat Membru tal‑Unjoni Ewropea dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi penali finanzjarja”, jipprevedi, fl-Artikolu 611ff tiegħu:
“§ 1. Meta [l-Istat emittenti] jitlob l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali li timponi penali finanzjarji, din għandha tiġi eżegwita mis-Sąd Rejonowy [il-Qorti Distrettwali, il-Polonja] li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-awtur tal-ksur għandu beni jew dħul, jew ir-residenza permanenti jew temporanja tiegħu. Fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, it‑termini “penali finanzjarja” ikopru l-obbligu fuq l-awtur tal-ksur li jħallas l-ammonti segwenti msemmija fid-deċiżjoni:
1) somma flus rappreżentanti l-penali għal ksur kriminali kommess li ma humiex kontravenzjoni;
[...]
§ 6. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu ma jipprevedux mod ieħor, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk [...]”
16. L-Artikolu 611fg taċ-CPP jipprevedi:
“L-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 611ff(1) tista’ tiġi rrifjutata fil-każijiet segwenti:
1) l-att, li għalih ingħatat id-deċiżjoni, ma jikkostitwixxix ksur kriminali li ma huwiex kontravenzjoni fid-dritt Pollakk, ħlief jekk, fid-dritt tal-Istat emittenti, dan huwa ksur kriminali msemmi fl-Artikolu 607w jew huwa ksur kriminali:
[...]
c) kontra s-sigurtà fit-trasport,
[...]
2) iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) ma huwiex anness mad‑deċiżjoni, jekk jiġi kkumpilat b’mod inkomplet jew jekk ma jikkorrispondix b’mod manifest mal-kontenut tad-deċiżjoni;
[...]
7) l-awtur tal-ksur ma jistax jittella’ quddiem il-qrati kriminali Pollakki jew ma hemmx l‑awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jiġi pproċessat;
[...]
9) miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) jirriżulta li l-persuna kkonċernata ma ġietx informata kif suppost bil-possibbiltà u bid‑dritt li tikkontesta din id-deċiżjoni;
10) miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) jirriżulta li d‑deċiżjoni ngħatat fl-assenza tal-awtur tal-ksur, ħlief jekk:
a) l-awtur tal-ksur ġie nnotifikat bil-proċedura jew ġie informat b’mezzi oħra dwar it-termini u l-post stabbiliti għas-seduta, kemm jekk tkun pubblika u kemm jekk le, u li ġie informat li setgħet tingħata deċiżjoni f’każ li ma jidhirx jew jekk l‑awtur tal-ksur kien irrappreżentat minn avukat preżenti għas-seduta,
b) wara li jkun irċieva notifika ta’ kopja tad-deċiżjoni u wara li jkun ġie informat bid-dritt, it-termini u l-modalitajiet biex jippreżenta, fl-Istat emittenti, talba sabiex jiftaħ, u jieħu sehem, fi proċedura ġudizzjarja ġdida fl-istess kawża, l‑awtur tal-ksur ma jkunx ippreżenta tali talba fit-terminu legali jew iddikjara li mhux ser jikkontesta id-deċiżjoni;
11) il-ksur kriminali li ma huwiex kontravenzjoni li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni jaqa’ fil-kompetenza tal-qrati kriminali Pollakki u huwa suġġett għal amnestija finali;
12) id-deċiżjoni kkonċernata tirrigwarda penali finanzjarja ta’ inqas minn EUR 70 jew ta’ ammont ekwivalenti f’munita oħra.”
17. L-Artikolu 611fh taċ-CPP jipprevedi:
“§ 1. Il-qorti għandha teżamina l-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji wara seduta li fiha jistgħu jipparteċipaw il-prosekutur [il-Prosekutur Pubbliku, Il-Polonja], l-awtur tal-ksur, jekk ikun jinsab fit-territorju tar‑Repubblika tal-Polonja, u l-avukat tiegħu jekk jidher. Jekk l-awtur tal-ksur, li ma jinsabx fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, ma għandux avukat, il-President tal-qorti kompetenti jista’ jinnominalu wieħed ex officio.
§ 2. Id-digriet tal-qorti li tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarja jista’ jiġi appellat.
§ 3. Id-deċiżjoni finali dwar il-penali finanzjarji, akkumpanjata miċ‑ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) tikkostitwixxi titolu eżekuttiv u hija eżegwibbli fil-Polonja wara l-għoti tad-digriet dwar l‑eżekuzzjoni tagħha.
§ 4. Jekk l-informazzjoni trażmessa mill-Istat emittenti ma hijiex suffiċjenti sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-penali finanzjarji, il‑Qorti għandha titlob lill-qorti jew lil awtoritajiet oħra tal-Istat emittenti sabiex jagħtu l-informazzjoni neċessarja f’terminu stabbilit.
§ 5. F’każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tat-terminu msemmi fil‑paragrafu 4, għandu jingħata digriet dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi ta’ informazzjoni trażmessa preċedentement.”
18. L-ustawa – Kodeks postępowania w sprawach o wykroczenia (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura fil-Qasam tal‑Kontravenzjonijiet) (8), tal-24 ta’ Awwissu 2001, tipprevedi, fl‑Artikolu 116b(1) tagħha:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 66a u 66b tas-[CPP] japplikaw b’analoġija għat-talbiet maħruġa mill-Istati Membri tal-[Unjoni] u li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ multi, ta’ penali finanzjarji addizzjonali, ta’ obbligu ta’ kumpens jew ta’ eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarja deċiża minn qorti jew minn awtorità oħra ta’ Stat Membru tal-[Unjoni].”
19. Fil-Kapitolu XI, intitolat “Kontravenzjonijiet fil-qasam tas‑sigurtà u tal-ordni fit-trasport”, tal-ustawa – Kodeks wykroczeń (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet) (9), tal‑20 ta’ Mejju 1971, l‑Artikolu 92a jipprevedi:
“Kull min ma josservax il-limitu tal-veloċità stabbilita bil-liġi jew bis‑sinjali tat-traffiku fit-toroq waqt li jkun qiegħed isuq vettura huwa suġġett għal penali finanzjarja.”
20. Skont l-Artikolu 25(1) tal-ustawa – Kodeks karny wykonawczy (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni) (10), tas‑6 ta’ Ġunju 1997:
“Il-penali finanzjarja, il-benefiċċju fi flus u d-drittijiet li għandhom jitħallsu lill-qorti huma eżegwiti [...] skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Kodeks postępowania cywilnego [il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili], jekk din il-liġi ma tipprevedix mod ieħor.”
21. L-Artikolu 33 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi Ċivili) (11), tat-23 ta’ April 1964, jipprevedi:
“Huma persuni ġuridiċi l-iSkarbowi Państwa [it-Teżor Pubbliku, il-Polonja] u l-organi li l-personalità ġuridika tagħhom hija rrikonoxxuta minn dispożizzjonijiet partikolari.”
22. L-Artikolu 64 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (12), tas‑17 ta’ Novembru 1964, jipprevedi:
“§ 1. Kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt tintervjeni f’kawża bħala parti (locus standi in judicio).
§ 11. Għandhom ukoll locus standi in judicio l-organi li ma għandhomx personalità ġuridika li lilhom il-liġi tagħti din il-kapaċità.
[...]”
23. Il-punt 4 tal-Artikolu 5 tal-ustawa o swobodzie działalności gospodarczej (il-Liġi dwar l-Eżerċizzju tal-Attività Ekonomika) (13), tat‑2 ta’ Lulju 004, jiddefenixxi l-“fergħa” bħala “parti distinta u indipendenti fuq livell organizzazzjonali tal-attività ekonomika tal‑imprenditur, ġestita minnu barra mis-sede tiegħu jew mill-post fejn huwa prinċiparjament stabbilit”.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24. Fid-9 ta’ Lulju 2017, iċ-CJIB adixxa lis-Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, b’talba għal rikonixximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016.
25. Il-multa imposta f’din id-deċiżjoni hija intiża li tissanzjona sewqan b’veloċità ta’ 6 km/h iktar minn dik permissibbli kommess fit-13 ta’ Novembru 2016 f’Utrecht (il‑Pajjiżi l-Baxxi) minn sewwieq ta’ vettura tal-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk.
26. Miċ-ċertifikat anness mad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016 miċ-CJIB jirriżulta li l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, entità li fuqha ġiet imposta l-piena, “ma ġiex mismugħ, kif xtaq hu,” matul il‑proċedura. Skont id-dritt Olandiż, huwa ġie informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-fondatezza tal-ilmenti mressqa kontra tiegħu, iżda ma ppreżentatx rikors fit-terminu indikat. Konsegwentement, id-deċiżjoni saret finali fis-6 ta’ Jannar 2017 u l-eżekuzzjoni tal-piena li kienet timponi ser tiġi preskritta, skont id-dritt Olandiż, fis-6 ta’ Jannar 2022.
27. Sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal‑penali finanzjarja, il-qorti tar-rinviju organizzat seduta. Il-partijiet ma dehrux u ma ppreżentaw l-ebda dikjarazzjoni.
28. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Kapitolu 66b taċ-CPP li jittrasponi, fid-dritt Pollakk, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 japplika kemm għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam ta’ ksur kriminali kif ukoll għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam ta’ ksur kontravenzjonali (14).
29. Madankollu, hija tikkunsidra li t-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma hijiex kompleta. Il-leġiżlatur uża t-terminu “awtur” biex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal‑leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni, iżda, fiċ-CPP, dan it-terminu jinkludi biss lill-persuni fiżiċi, filwaqt li, skont l-Artikoli 1 u 9 ta’ din id‑deċiżjoni qafas, din tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji fuq persuni ġuridiċi.
30. Konsegwentement, il-possibbiltà li teżegwixxi deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 611ff et seq. taċ-CPP, u lanqas tal-ustawa o odpowiedzialności podmiotów zbiorowych za czyny zabronione pod groźbą kary (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Entitajiet Kollettivi fil‑Qasam ta’ Atti Illegali) (15), tat-28 ta’ Ottubru 2002, sa fejn din il-liġi ma tiġix applikata għal kontravenzjonijiet kommessi minn entitajiet kollettivi.
31. Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-fatt jirriżulta f’rifjut sistematiku tal-qrati Pollakki li jirrikonoxxu u jeżegwixxu deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji fuq persuni ġuridiċi, minkejja li, skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tali deċiżjonijiet għandhom jiġu eżegwiti anki jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar‑responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi.
32. Dwar il-possibbiltà, għall-qrati Pollakki, li japplikaw direttament id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s‑sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (16), fin-nuqqas ta’ effett dirett tad-deċiżjonijiet qafas, huma l-qrati nazzjonali li għandhom l‑obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali skont dawn it-testi.
33. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “awtur”, li jinsab fiċ-CPP, ma jidhirx li jista’ jiġi interpretat b’mod li jinkludi l‑persuni ġuridiċi, sabiex tiġi żgurata l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.
34. Għalhekk, minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l‑obbligu li titwarrab l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali meta din tal‑aħħar ma tistax tkun suġġetta għal interpretazzjoni konformi jew li tiġi ssostitwita bir-regola li tinsab f’din id-deċiżjoni qafas.
35. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”. Hija ssostni li, skont id-dritt Pollakk, entità bħall‑Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk tissemma fir-reġistru tal‑kummerċ u għandha sede tagħha. Minkejja l-indipendenza organizzazzjonali tagħha, din l-entità ma għandhiex personalità (kapaċità) ġuridika distinta minn dik tal-Bank BGŻ BNP Paribas S.A. li s-sede tiegħu tinsab f’Varsavja (il-Polonja) (17) u jistax ikollha locus standi in judicio (bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet dwar id-dritt tax-xogħol). Għall-kuntrarju, jidher li, skont id-dritt Olandiż, l-unitajiet organizzazzjonali ta’ persuna ġuridika jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”.
36. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” użata fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 hijiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni jew jekk għandux jiġi interpretat skont id-dritt tal-Istat emittenti jew skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.
37. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikoli 1(a), 9(3) u 20(1) u (2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas [2005/214] għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita, li imponiet sanzjoni pekunjarja fuq persuna ġuridika, għandha tiġi eżegwita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni minkejja li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw din id‑deċiżjoni qafas ma jipprovdux għall-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi tali sanzjoni fuq persuna ġuridika?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-terminu “persuna ġuridika” msemmi fl-Artikoli 1(a) u 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas [2005/214] għandu jiġi interpretat:
a) skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat emittenti (Artikolu 1(c));
b) skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (Artikolu 1(d));
c) bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni;
u konsegwentement, dan jinkludi wkoll fergħa ta’ persuna ġuridika, minkejja li tali fergħa ta’ persuna ġuridika ma għandhiex personalità ġuridika fl-Istat ta’ eżekuzzjoni?”
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
38. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie, mill-Gvern Pollak, Ungeriż u Olandiż u mill‑Kummissjoni Ewropea.
V. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
39. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 1(a), l-Artikolu 9(3) u l‑Artikolu 20(1) u (2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni trażmessa sabiex tiġi eżegwita u li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika għandhiex tiġi eżegwita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni anki jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-deċiżjoni qafas ma jipprovdux għall-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi tali penali fuq persuna ġuridika.
40. Fl-ewwel lok, jiena nqis li mid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jirriżulta mingħajr dubju li, anki f’każ fejn id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi, il-penali finanzjarji imposti fuq dawn il-persuni għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti.
41. F’dan ir-rigward, nikkonstata li, skont diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, bħall-Artikolu 1(a), l-Artikolu 4(1) jew it-Taqsima f) taċ-ċertifikat li jinsab anness magħha (18), fil-qafas tas‑sistema stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas, tista’ tiġi imposta penali finanzjarja kemm fuq persuna fiżika kif ukoll fuq persuna ġuridika.
42. Barra minn hekk, mill-qari tal-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 meħuda flimkien jirriżulta li deċiżjoni fis-sens ta’ din id-deċiżjoni qafas għandha, bħala regola, tiġi rrikonoxxuta u eżegwita, mingħajr mal-Istati Membri ma jkunu jistgħu jibbażaw rifjut fuq il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika (19).
43. Finalment, il-leġiżlatur tal-Unjoni antiċipa d-differenzi bejn il‑liġijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi (20). B’hekk, mingħajr ma impona xi obbligu fuq l-Istati Membri biex jistabbilixxu r-responsabbiltà kriminali ta’ dawn il-persuni, huwa ppreveda, fl-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li penali finanzjarja imposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi eżegwita “anki jekk l‑Istat ta’ esekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi”.
44. Konsegwentement, id-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li dwar in‑natura vinkolanti tagħha ma hemmx dubju (21), timponi b’mod ċar fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżegwixxu deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika.
45. Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-Artikolu 20(2)(b) ta’ din id-deċiżjoni qafas sa fejn il-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jillimitaw l-applikazzjoni tagħha, b’mod tranżitorju u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni għall-persuni ġuridiċi ntemmet fit-22 ta’ Marzu 2010.
46. Fit-tieni lok, filwaqt li titlaq mill-premessa li d-dispożizzjonijiet tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma ġewx korrettament trasposti fid-dritt Pollakk, peress li l-kunċett ta’ “awtur” li jinsab fl-Artikolu 611ff(1) taċ‑CPP ma jinkludix il-persuni ġuridiċi u l-ebda dispożizzjoni oħra ma tippermetti li timtela’ din il-lakuna, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id‑dritt nazzjonali għandux jibqa’ mhux applikat u jekk id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas għandhomx jissostitwixxuh.
47. F’dan ir-rigward, infakkar li l-effetti tad-deċiżjonijiet qafas ġew spjegati u mqassra fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja (22). Filwaqt li bbażat ruħha dwar l-assenza ta’ effett dirett tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minbarra l-impossibbiltà li d‑dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas jiġu applikati b’mod dirett, qorti ta’ Stat membru ma hijiex obbligata twarrab l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li hija kuntrarja għal deċiżjoni qafas (23). Madankollu, in-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas toħloq, għall-awtoritajiet nazzjonali, l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi magħha (24).
48. B’mod konkret, dan jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjonijiet qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minnhom. Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax twassal, minn naħa waħda, għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet qafas u indipendentement minn liġi adottata sabiex tiġi implimentata din tal-aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jkunu wettqu reat (25).
49. F’dan il-każ, fl-assenza ta’ effett dirett tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, għalhekk huwa eskluż li l-qorti tar-rinviju twarrab l‑applikazzjoni taċ-CPP jew tapplika direttament din id-deċiżjoni qafas minfloku.
50. Fir-rigward tal-interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet taċ-CPP li jittraspondu d-Deċiżjoni Qafas 2005/214, huwa evidenti li, fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l‑qrati nazzjonali, f’dan il-każ, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tad-dritt intern kollu u tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jekk hijiex possibbli interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali li tiżgura l-effettività ta’ din id-deċiżjoni qafas u twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (26).
51. Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha dubju dwar tali possibbiltà f’dan il-każ, nixtieq nenfasizza l-elementi segwenti (27).
52. L-ewwel nett, bħall-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, jiena nqis li l-kunċett ta’ “awtur” jista’ jinkludi kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll il‑persuni ġuridiċi.
53. Barra minn hekk, sa fejn id-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma għandhiex l-għan li tarmonizza d-dritt kriminali sostantiv, il-leġiżlatur Pollakk għamel użu, fl-opinjoni tiegħi b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas fil-Kapitolu 66b taċ-CPP, mill-kunċett ta’ “awtur”, li prima facie huwa kunċett newtrali, b’tali mod li, fil-kuntest tal-Kapitolu 66b taċ‑CPP u tal-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji, dan il-kunċett jista’ jiġi interpretat b’mod indipendenti mis-sinjifikat ta’ dan il-kunċett fid‑dritt kriminali sostantiv (28). Dan l-approċċ tal-leġiżlatur Pollakk jikkorrispondi, fl-opinjoni tiegħi, mal-loġika tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, peress li din tal-aħħar bl-ebda mod ma timponi fuq l‑Istati Membri li għandhom jipprevedu mekkaniżmu ta’ responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi filwaqt li tobbligahom jeżegwixxu penali finanzjarji imposti fuq tali persuni.
54. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “awtur” fis-sens tad‑dispożizzjonijiet taċ-CPP fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-penali, ma għandux isir riferiment għal dan il-kunċett fis-sens tad-dritt kriminali sostantiv, b’tali mod li dan il-kunċett jista’, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-entità koperta b’penali finanzjarja finali, kemm jekk hija persuna ġuridika jew persuna fiżika.
55. Barra minn hekk, skont il-proċess li għandha f’idejha l-Qorti tal‑Ġustizzja, qrati differenti Pollakki diġà laqgħu talbiet ta’ eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarji imposti fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq persuni ġuridiċi għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, nikkunsidra li huwa possibbli li jiġi konkluż li d-dritt Pollakk ma jostakolax l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, tal-penali imposta fuq persuna ġuridika jew, fi kwalunkwe każ, li dan id-dritt jista’ jiġi intepretat b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.
56. It-tieni nett, kull oġġezzjoni bbażata fuq eventwali aggravazzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi ma għandhiex tintlaqa’. Fil-fatt, il-prinċipju u l-portata tar-responsabbiltà tal-awtur tal-att illegali ma humiex stabbiliti bid-Deċiżjoni Qafas 2005/214, iżda skont id-dritt tal-Istat emittenti u, fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, f’dan il-każ ir‑Repubblika tal-Polonja, tqum biss il-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tal‑penali.
57. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall‑ewwel domanda preliminari proposta hija li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni trażmessa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni u li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika għandha tkun eżegwita mill-Istat ta’ eżekuzzjoni, anki jekk id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id‑deċiżjoni qafas ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi eżegwita penali fuq persuna ġuridika. Għal dan il-għan, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal‑imsemmija deċiżjoni qafas ma għandhomx effett dirett, l-awtorità tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni kompetenti għandha tikkunsidra d-dritt intern kollu u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, kemm jista’ jkun, fid-dawl tat‑test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
58. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, jekk il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, li jinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214, għandux jiġi interpretat skont id-dritt tal‑Istat emittenti jew tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jew bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, jekk hemmx lok li minnha jiġi dedott li dan il-kunċett ikopri wkoll entità bħall-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, minkejja li ma għandux personalità ġuridika proprja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.
59. Essenzjalment, minbarra d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif u kontra liema entità l-penali għandha tiġi eżegwita.
60. F’dan ir-rigward, infakkar li, f’dan il-każ, il-penali ġiet imposta fuq il-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, iżda li Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie biss għandu personalità (kapaċità) ġuridika fil-Polonja. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill‑qorti tar-rinviju, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dritt Pollakk, il-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk u l-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie jiffurmaw entità waħda, peress li l-ewwel wieħed huwa struttura lokali tat-tieni. Mill-perspettiva ġuridika, din l-unità organizzazzjonali timmaterjalizza bil-fatt li, kuntrarjament għall-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie, Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk ma għandux personalità (kapaċità) ġuridika, b’tali mod li ma jistax jipparteċipa fi proċedura ġudizzjarja kriminali jew ċivili (29).
61. Dan il-fatt jista’ jwassal, skont il-qorti tar-rinviju, għal rifjut mill‑awtoritajiet Pollakki li jeżegwixxu penali minħabba li, entità bħall‑Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk li ma tkunx f’pożizzjoni li taġixxi fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, jista’ jkollha d-drittijiet tagħha miksura. Issa, tali kwistjoni hija evidentement problematika, għaliex it-talba taċ-CJIB għandha, bħala regola, tkun eżegwita (30).
62. F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ din id-domanda preliminari, l-ewwel nett, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma għandux jiġi interpretat, fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.
63. Fil-fatt, anki jekk l-interpretazzjoni awtonoma hija, bħala regola, garanzija ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni (31), tali interpretazzjoni tmur, f’dan il-każ, kontra l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni.
64. L-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku flimkien jippermettu li tiġi żgurata l‑eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji imposti fuq persuni ġuridiċi lil hinn mill-oppożizzjoni binarja bejn ir-rinviju għad-dritt tal-Istati Membri u l‑kunċett awtonomu (32). Għalhekk, filwaqt li jassigura l-eżekuzzjoni tal‑penali finanzjarji minkejja d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali fil‑qasam ta’ responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi, naħseb li l‑leġiżlatur tal-Unjoni ried speċifikament jevita li dan il‑kunċett ikun suġġett ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
65. Qabelxejn, inżid li, anki jekk l-interpretazzjoni awtonoma ta’ kunċett hija, bħala regola, ristretta għall-istrument ġuridiku li minnu tifforma parti (33), interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, anki jekk limitata għad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 biss, jista’ jkollha konsegwenzi serji f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-leġiżlatur tal-Unjoni dejjem baqgħu, fl-opinjoni tiegħi, prudenti ferm fir-rigward ta’ dan il‑kunċett (34).
66. It-tieni nett, fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, id-dritt tal-Istat emittenti jirregola r-responsabbiltà, il-penali u jistabbilixxi l‑entità koperta b’din il-penali, b’tali mod li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Istat emittenti.
67. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li minnu jirriżulta li d‑dritt kriminali tal-Istat emittenti japplika b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tal-ksur, jirrifletti l-prinċipjiu ta’ territorjalità tal-liġi kriminali. Din id-dispożizzjoni hija segwita mill-Artikolu 9(1) u (3) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, li, permezz tiegħu, minn naħa waħda, id‑dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni japplika għall-eżekuzzjoni tal-penali u, min-naħa l-oħra, penali finanzjarja imposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi eżegwita, anki jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jirrikkonoxxix ir‑responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi.
68. B’hekk, mingħajr ma jipproċedi għall-armonizzazzjoni tal‑liġijiet kriminali sostantivi u tal-liġijiet fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-penali, il‑leġiżlatur tal-Unjoni madankollu jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji fi ħdan l-Istati Stati bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (35).
69. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nqis li, fis-sistema tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma għandux jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Istat emittenti.
70. F’dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ din id-domanda preliminari, jiena naħseb li għandha titfakkar kemm il-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tal-penali finanzjarji kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal‑entitajiet imsemmija koperti minn dawn il-penali.
71. Issa, f’dan il-każ, peress li l-entità ssanzjonata fil-Pajjiżi l-Baxxi ma għandhiex personalità (kapaċità) ġuridika sabiex tipparteċipa fi proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-Polonja, id-diffikultà qiegħda fl‑implimentazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Huwa għalhekk evidenti li, sabiex penali finanzjarja li tkopri persuna ġuridika tkun tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru, din tal-aħħar għandu jkollha drittijiet u obbligi, li fin-nuqqas tagħhom l-eżekuzzjoni tal-penali ssir problematika.
72. F’dan ir-rigward, ma hemmx dubju li sitwazzjoni li fiha l‑awtoritajiet Pollakki jagħtu, fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita bid‑Direttiva 2015/413, informazzjoni ma hijiex inkorretta, iżda xorta waħda inkompleta lill-kontropartijiet tagħhom (36), tikkawża preġudizzju kemm għall-għan ta’ din id-direttiva kif ukoll għal dak tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-fatt li l-proprjetarju tal‑vettura responsabbli tal-ksur huwa entità li fir-rigward tagħha l‑eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarja ma hijiex żgurata, tali eżekuzzjoni hija neċessarjament f’perikolu (37).
73. Konsegwentement, għall-futur u sabiex tiġi żgurata s‑sostenibbiltà tas-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, huwa kruċjali li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jinsabu kemm fid-Direttiva 2015/413 kif ukoll f’din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri għandhom jagħtu, skont din id-direttiva, informazzjoni li tippermetti mhux biss li jiġi identifikat il-proprjetarju tal-vettura responsabbli mill-ksur, iżda wkoll li tiżgura l-eżekuzzjoni fl‑Unjoni kollha ta’ eventwali penali finanzjarja (38).
74. Madankollu, tali rakkomandazzjonijiet jiswew biss għall-futur u ma jagħtux lill-qorti tar-rinviju risposta utli li jippermettulha tosserva, f’dan il-każ, l-obbligi li joħorġu mid-Deċiżjoni Qafas 2005/214.
75. F’dan ir-rigward, kif enfasizzajt fil-punt 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, id-dritt tal‑Istat emittenti jirregola r-responsabbiltà, il-penali u jistabbilixxi l‑entità koperta minn din il-penali, filwaqt li d-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni japplika għall-eżekuzzjoni tal-penali mingħajr ma jkun possibbli għalih li jtellef l-eżekuzzjoni minħabba l-fatt li l-persuni ġuridiċi ma għandhomx drittijiet proċedurali li jippermettulhom jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni.
76. B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali u mingħajr preġudizzju għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarja, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-entità ġuridikament responsabbli għall-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk bħala persuna ġuridika li għandha personalità (kapaċità) ġuridika u, għalhekk, bħala l‑entità ssanzjonata. It-talba taċ-CJIB tista’ għalhekk, skont l‑Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tiġi ttrasferita lill-qorti kompetenti ta’ Varsavja fejn tinsab is-sede tagħha.
77. Huwa veru li l-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza b’mod repetut l‑importanza tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 (39) u li l-għan tagħha kien li tiffaċilita l-eżekuzzjoni tal‑penali finanzjarji filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-garanziji adattati għall-persuni u l-entitajiet li kontrihom dawn il-penali huma eżegwiti.
78. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-eventwali ksur tad-drittijiet tal‑Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie jistgħu jkunu, jekk mhux ikkwalifikati, tal-inqas, ikkunsidrati skont il-partikolaritajiet tar‑relazzjonijiet tiegħu mal-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk. Fil-fatt, infakkar li, skont id-dritt Pollakk, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie u l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk jiffurmaw entità unika u li l-ewwel wieħed għandu personalità (kapaċità) ġuridika. Għalhekk, minn naħa waħda, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie huwa responsabbli għall‑aġir tat-tieni wieħed. Min-naħa l-oħra, il-volontà tal-BGŻ BNP Paribas Gdańsk li ma jeżerċitax id-dritt għal smigħ u li ma jeżerċitax rimedji tista’ tiġi kkunsidrata bħal dik tal-entità unika.
79. It-tieni nett, jista’ jiġi kkunsidrat li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali turi qabelxejn diffikultà interna ta’ funzjonament dovuta minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie u l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk. Issa, sa fejn dawn tal-aħħar jikkostitwixxu entità unika, tali nuqqas ta’ komunikazzjoni ma għandux effett, għaliex l-atti tal-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, bħad-deċiżjoni tiegħu li ma jippreżentax rikors fil‑Pajjiżi l-Baxxi, huma imputabbli għall-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie.
80. Fi kwalunkwe każ, huwa evidenti li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie għandu jkun f’pożizzjoni li jsostni d-drittijiet tiegħu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.
81. B’hekk, fil-qafas tal-eventwali rikors kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni previst fl-Artikolu 611fh(2) taċ-CPP, huwa jista’ jargumenta li kien hemm preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet tiegħu bil-fatt li ma setax jaġixxi fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-evalwazzjoni ta’ tali preġudizzju u tan-natura proporzjonata tiegħu għandha ssir każ b’każ u taqa’, konsegwentement, fi ħdan il-qrati tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.
82. Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal‑Istat emittenti u li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens ta’ din id‑deċiżjoni qafas tkopri entità li ma għandhiex personalità ġuridika bħall-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, bil-kundizzjoni li tkun tifforma entità organizzazzjonali ma’ entità li għandha l-personalità ġuridika.
VI. Konklużjoni
83. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mis‑Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk, il-Polonja):
1) Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, kif emendata bid‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni trażmessa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni u li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika għandha tiġi eżegwita mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Deċiżjoni Qafas ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni li timponi penali fuq persuna ġuridika. Għal dan il-għan, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas ma għandhomx effett dirett, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tinterpreta d‑dispożizzjonijiet nazzjonali, kemm jista’ jkun, fid-dawl tat-test u tal-għan tal-istess deċiżjoni qafas.
2) Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, kif emendata, bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandhom jiġu interperetati fis-sens li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru emittenti. Il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens ta’ din id‑deċiżjoni qafas tkopri entità li ma għandhiex personalità ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li tifforma unità organizzazzjonali ma’ entità li għandha personalità ġuridika.
1 Lingwa uffiċjali: il-Franċiż.
2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2006, L 159M, p. 256, kif emendata bid‑Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24), iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2005/214”.
3 Iktar ’il quddiem iċ-“CJIB”
4 Iktar ’il quddiem il-“Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk”. Din id-deċiżjoni ser tissejjaħ iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016”.
5 C‑579/15, EU:C:2017:503.
6 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l‑iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas‑sikurezza fit-toroq (ĠU 2015, L 68, p. 9).
7 Dz. U. no89, punt 555, iktar ’il quddiem iċ-“CPP”.
8 Dz. U. no106, punt 1148.
9 Dz. U. no12, punt 114.
10 Dz. U. no90, punt 557.
11 Dz. U. no16, punt 93.
12 Dz. U. no43, punt 296.
13 Dz. U. no173, punt 1807.
14 Għal dawn tal-aħħar, minħabba r-riferiment magħmul mill-Artikolu 116b(1) tal‑Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi tal-Proċedura fil-Qasam tal-Kontravenzjonijiet.
15 Dz. U. no197, punt 1661.
16 C‑579/15, EU:C:2017:503.
17 Iktar ’il quddiem il-“Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie”.
18 Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti ta’ din id-deċiżjoni għandha, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tittrażmetti tali deċiżjoni akkumpanjata minn ċertifikat, li jinsab anness ma’ din id-deċiżjoni qafas. Jekk il-penali tirrigwarda persuna ġuridika, it-Taqsima f) ta’ dan iċ-ċertifikat tirrikjedi li jingħata isimha, it-tip ta’ persuna ġuridika, sede ta’ reġistrazzjoni tagħha, kif ukoll deskrizzjoni u l-lokalizzazzjoni tal-proprjetà u tad-dħul tagħha.
19 L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jelenka r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji. Il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika ma huwiex inkluż ma’ dawn ir-raġunijiet.
20 Għal ħarsa ġenerali dwar id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali ftit żmien wara l‑adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, ara Adam, S., Colette-Basecqz, N., u Nihoul, M., La responsabilité pénale des personnes morales en Europe, Corporate Criminal Liability in Europe, La Charte, Bruxelles, 2008.
21 Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, EU:C:2005:386, punti 33 u 34). F’dan ir-rigward, nenfasizza, li l-pożizzjoni tal-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie li jsostni li, fin-nuqqas ta’ transpożizzjoni fid-dritt Pollakk tad‑dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 li jipprevedu l-possibbiltà li tiġi eżegwita f’dan l-Istat Membru deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas ma għandhomx iservu bħala bażi għall-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni fl-imsemmi Stat Membru, ma tistax tintlaqa’, għaliex hija twassal de facto sabiex jiġi kkontestat l-effett mandatorju tal‑imsemmija deċiżjoni qafas.
22 Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530).
23 Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530, punti 60 sa 71).
24 Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530, punti 73 sa 76).
26 Skont l-ispjegazzjonijiet diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diverġenzi ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali kif imfakkra fis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 77 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
27 Anki jekk tali fatt ma għandux jinfluwenza lill-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà li tipproċedi b’interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, nirrileva li, fin-nuqqas ta’ possibbiltà li jiġu applikati direttament id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u li tintlaqa’ t-talba taċ-CJIB fuq bażi oħra u mhux fuq il‑Kapitolu 66b taċ-CPP, l-interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet taċ-CPP tikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex jiġi osservat l-effett obbligatorju ta’ din id‑deċiżjoni qaafs.
28 Tali pożizzjoni tapplika anki meta, f’kapitoli oħra tal-istess kodiċi, dan il-kunċett jinkludi biss l-persuni fiżiċi, għaliex il-Kapitolu 66b taċ-CPP jikkonċerna biss it‑talbiet magħmula fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u jirrigwardaw biss l‑eżekuzzjoni tal-penali finanzjarja u mhux il-proċedura kriminali bħala tali.
29 F’dan ir-rigward, nirrimarka li kien biss il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie li intervjena matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li kienet din l-entità biss li tat il-mandat ta’ rappreżentazzjoni lill-avukati.
30 Kif juri b’mod ċar ħafna l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fis-sistema ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu d-deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. L-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għalhekk, bħala regola, jirrifjutaw li jeżegwixxu tali deċiżjoni ħlief għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti bid-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Konsegwentement, minkejja li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi penali finanzjarja tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa kkonċepit bħala eċċezzjoni li għandha tingħata interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 29), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41)).
31 Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C-60/12, EU:C:2013:733, punt 26).
32 B’hekk, l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jippermetti li ssir distinzjoni bejn din id-domanda preliminari u s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683), u tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733).
33 Infakkar, għall-finijiet utli kollha, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tinstab interpretazzjoni awtonoma u uniformi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l‑kuntest tad-dispożizzjoni li fiha tinsab u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni li minnha l-kunċett awtonomu jifforma parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 26)).
34 Għal rifjut impliċitu li jiġi interpretat dan il-kunċett b’mod awtonomu, ara d-digriet tal-24 ta’ Novembru 2009, Landtag Schleswig-Holstein vs Il-Kummissjoni (C‑281/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:728, punti 20 u 22). Ninnota wkoll li, f’ċertu numru ta’ testi tad-dritt sekondarju bbażati fuq l-Artikolu 83(1) TFUE intiżi sabiex jistabbilixxu regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ ksur kriminali, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera għad-definizzjoni tal-“persuna ġuridika” fil-liġijiet nazzjonali u mhux għall-kunċett li għandha tkun il-Qorti tal‑Ġustizzja li tagħti interpretazzjoni awtonoma (ara, pereżempju, id-Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2017/541 tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il‑ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d‑Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6)).
35 Dan il-prinċipju jifforma l-bażi tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 kollha kemm hi u dik tal-Artikolu 6 ta’ dan it-test b’mod partikolari.
36 L-awtoritajiet Olandiżi, f’dan il-każ, identifikaw il-proprjetarju tal-vettura responsabbli tal-ksur, jiġifieri l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, abbażi ta’ informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni maħruġa mir-reġistri ta’ reġistrazzjoni Pollakki. F’dan ir-rigward, huwa sorprendenti kif il-proprjetarju taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li huwa l-proprjetarju jew id-detentur tal-vettur huwa entità li ma għandhiex personalità (kapaċità) ġuridika.
37 Bħall-Gvern Olandiż, jiena naħseb li huwa ferm importanti li l-Istat emittenti jkun jista’ juża l-informazzjoni mogħtija mill-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex jistabbilixxi l‑persuna responsabbli tal-ksur tar-regoli tat-traffiku u jippenalizzaha.
38 Fil-każ fejn informazzjoni skorretta mogħtija twassal sabiex il-persuna li fuqha ġiet imposta penali finanzjarja ma tkunx il-persuna responsabbli tal-ksur, huwa neċessarju li jiġu previsti garanziji addizzjonali, bħall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jew kawża għal kumpens, għall-benefiċċju ta’ din il-persuna.
39 Ara l-premessa 5 u l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas.