Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2019 (1)
Kawża C‑363/18
Organisation juive européenne,
Vignoble Psagot Ltd
vs
Ministre de l’Économie et des Finances
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel — Regolament (UE) Nru 1169/2011 — Indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini tal-prodotti — Ommissjoni li x’aktarx tqarraq bil-konsumaturi — Prodotti minn territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (2).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura bejn, minn naħa, assoċjazzjoni magħrufa bħala Organisation juive européenne (iktar ’il quddiem l-“Organisation juive européenne”) u kumpannija tal-vinji Psagot Ltd (iktar ’il quddiem “Psagot”) u, min-naħa l-oħra, il-Ministre de l’économie et des Finances français (il-Ministru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi) li tikkonċerna notifika li permezz tagħha dan tal-aħħar irrikjeda l-indikazzjoni, fuq prodotti tal-ikel li joriġinaw mit-territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, fejn applikabbli, minn insedjamenti f’dawn it-territorji, tat-territorju inkwistjoni u l-indikazzjoni addizzjonali “insedjament Iżraeljan”.
3. Permezz ta’ din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat l-opportunità tiċċara l-portata tal-obbligu ta’ indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza fuq prodotti tal-ikel fejn l-assenza ta’ tali informazzjoni tkun tqarraq bil-konsumatur.
II. Kuntest storiku fil-qosor
4. Fil-perijodu ta’ wara kampanja militari qasira f’Ġunju 1967, l-Iżrael okkupa ċerti territorji li preċedentement kienu parti minn tliet Stati oħra jew kienu kkontrollati minnhom, jiġifieri l-Eġittu, is-Sirja u l-Ġordan. Fil-każ tal-Eġittu, it-territorji inkwistjoni kienu l-Peniżola tas-Sinaj u l-Medda ta’ Gaża. (L-Eġittu kien amministra l-Medda ta’ Gaża mill‑1948 sal‑1967 għalkemm ma kinitx parti mill-Eġittu.) L-Għoljiet tal-Golan kienu parti mis-Sirja, u x-Xatt tal-Punent u Ġerusalem tal-Lvant kienu amministrati mill-Ġordan bejn l-1948 u l-1967.
5. Fil-każ tas-Sinaj, dan it-territorju ġie rritornat lill-Eġittu bħala parti mit-Trattat ta’ Paċi bejn l-Eġittu u l-Iżrael tal‑1979. L-Iżrael evakwa l-Medda ta’ Gaża fl‑2005, għalkemm dan jikkontrolla l-aċċess għat-territorju mill-art, mill-ajru u mill-baħar. Il-Medda ta’ Gaża bħalissa tinsab de facto taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni magħrufa bħala l-Hamas.
6. Ħlief għal parti żgħira mit-territorju mogħti lura lis-Sirja fl‑1974 u żona żgħira ħafna demilitarizzata, l-Għoljiet tal-Golan baqgħu taħt l-okkupazzjoni Iżraeljana. L-Għoljiet tal-Golan ġew effettivament annessi mal-Iżrael f’Diċembru 1981.
7. Ġerusalem tal-Lvant ukoll baqgħet taħt l-okkupazzjoni Iżraeljana. Is-sitwazzjoni fir-rigward tax-Xatt tal-Punent hija iktar kumplessa. Parti minnu hija amministrata mill-Awtorità Palestinjana Nazzjonali, iżda meded kbar minn dan it-territorju xorta waħda huma pretiżi mill-Iżrael. L-Iżrael kien bena wkoll insedjamenti estensivi għaċ-ċittadini tiegħu f’Ġerusalem tal-Lvant, fix-Xatt tal-Punent u fuq l-Għoljiet tal-Golan. Dan preċedentement kien bena tali insedjamenti fis-Sinaj, iżda dawn tneħħew meta dan it-territorju ngħata lura taħt il-kontroll Eġizzjan. Kien hemm ukoll xi insedjamenti fil-Medda ta’ Gaża, iżda dawn tneħħew ukoll meta l-Iżrael evakwa dan it-territorju fl‑2005.
8. Dan, f’sommarju pjuttost wiesa’, jifforma l-kuntest storiku ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Din it-talba tikkonċerna l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti rekwiżiti ta’ ttikkettjar fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn dawn it-territorji okkupati, li d-dettalji tagħhom ser niddeskrivihom hawn. Għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa ċertu punt, ser ikollha tal-inqas tiddetermina l-legalità tal-okkupazzjoni attwali mill-Iżrael ta’ dawk li għall-konvenjenza ser nipproponi li jiġu msejħa t-Territorji Okkupati. Madankollu, huwa importanti li jiġi ddikjarat qabel kollox li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tħares neċessarjament lejn il-kwistjoni mqajma bħala kwistjoni purament legali, fejn għal dan il-għan ser tieħu spunt mid-dritt internazzjonali u ser tagħmel riferiment għal dan il-għan għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, għal opinjoni importanti tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja mogħtija fl‑2004 u għal sorsi oħra tad-dritt internazzjonali. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li xejn minn dawn il-konklużjonijiet jew mis-sentenza finali tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandu jiġi dedott bħala li jesprimi opinjoni politika jew morali fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet imqajma minn dan ir-rinviju.
III. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 1169/2011
9. Il-premessi 3, 29 u 33 tar-Regolament Nru 1169/2011 jistabbilixxu:
“(3) Sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumaturi u sabiex ikun garantit id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod adegwat dwar l-ikel li jieklu. L-għażliet tal-konsumaturi jistgħu jiġu influwenzati, fost l-oħrajn, minn konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.
[...]
(29) L-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel għandu jingħata kull meta n-nuqqas tagħha probabbli jiżgwida lill-konsumaturi fir-rigward tal-pajjiż veru ta’ oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza ta’ dak il-prodott. Fil-każijiet kollha, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandha tingħata b’mod li ma tiżgwidax lill-konsumatur u abbażi ta’ kriterji definiti b’mod ċar li jiżguraw kondizzjonijiet ugwali għall-industrija u jtejbu l-għarfien tal-konsumatur tal-informazzjoni relatata mal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel. Kriterji bħal dawn m’għandhomx japplikaw għal indikazzjonijiet relatati mal-isem jew l-indirizz tal-operatur fin-negozju tal-ikel.
[...]
(33) Ir-regoli mhux preferenzjali tal-Unjoni dwar l-oriġini huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307] u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi [li jiffissa] d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti [tar-Regolament] tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3]. Id-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-ikel tkun ibbażata fuq dawk ir-regoli, li huma magħrufa sew mal-operaturi fin-negozju tal-ikel u l-amministraturi kummerċjali u għandhom jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom aktar faċli.”
10. L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:
“Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel.”
11. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa intitolat “Definizzjonijiet”. Skont l-Artikolu 2(2)(g), “post ta’ provenjenza” tfisser “kwalunkwe post minn fejn l-ikel hu indikat li ġej, u li mhuwiex il-‘pajjiż tal-oriġini’ kif determinat taħt l-Artikoli 23 sa 26 [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità]; l-isem, l-isem tan-negozju jew l-indirizz tal-operatur tan-negozju tal-ikel fuq it-tikketta m’għandhomx jikkostitwixxu indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament[.]” Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) jenfasizza li “[g]ħall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-pajjiż tal-oriġini ta’ ikel għandu jirriferi għall-oriġini ta’ ikel kif iddeterminata skont l-Artikoli 23 sa 26 [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità]”.
12. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Għanijiet ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafu 1:
“Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.
[...]”
13. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa intitolat “Prassi ġusta dwar l-informazzjoni”. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:
“L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari:
(a) fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, il-metodu ta’ fabbrikazzjoni jew produzzjoni;
[...]”
14. L-Artikolu 9(1)(i) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi li l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza hija obbligatorja fejn l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jipprovdi hekk. Skont il-paragrafu 2 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza hija obbligatorja “fejn in-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b’mod globali tista’ b’xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta’ provenjenza”.
15. L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Miżuri nazzjonali”, jipprovdi:
“1. Fir-rigward tal-kwistjonijiet speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni. Dawk il-miżuri nazzjonali m’għandhomx jikkawżaw ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti, inkluża d-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ikel minn Stati Membri oħra.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali dwar kwistjonijiet li mhumiex speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament dment li huma ma jipprojbixxux, ma jimpedixxux jew ma jirristrenġux il-moviment liberu tal-prodotti li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”
16. L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Miżuri nazzjonali u dettalji obbligatorji addizzjonali”, jipprovdi:
“1. Minbarra d-dettalji partikolari msemmija fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10, l-Istati Membri jistgħu, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 45, jadottaw miżuri sabiex jesiġu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel, iġġustifikati abbażi ta’ mill-anqas waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a) il-protezzjoni tas-saħħa pubblika;
(b) il-protezzjoni tal-konsumaturi;
(c) il-prevenzjoni ta’ frodi;
(d) il-protezzjoni tad-drittijiet industrijali u kummerċjali tal-proprjetà, l-indikazzjonijiet tal-provenjenza, il-postijiet tal-oriġini reġistrati u l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali.
2. Taħt il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri li jikkonċernaw l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ ikel biss fejn hemm rabta ppruvata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu. Meta jinnotifikaw miżuri bħal dawn lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza li l-maġġoranza tal-konsumaturi jorbtu valur sinifikanti mal-forniment ta’ din l-informazzjoni.”
2. Il-Kodiċi Doganali
17. Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011, l-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien jipprovdi li “[m]erkanzija li toriġina f’pajjiż [kienet] dik miksuba kollha jew prodotti [prodotta] f’dak il-pajjiż.” L-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jispeċifika li “[m]erkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.
18. Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità tħassar bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (3) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”). Skont l-Artikolu 286(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-riferimenti għall-Kodiċi Doganali tal-Komunità f’atti oħra tal-Unjoni għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
19. L-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni – li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2016 (4) – jikkorrispondi essenzjalment għad-dispożizzjonijiet preċedentement inklużi fl-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, “[m]erkanzija ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju”. Il-paragrafu 2 jistabbilixxi li “[m]erkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.
3. L-Avviż Interpretattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti minn territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn
20. Fit‑12 ta’ Novmebru 2015, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż intitolat “Avviż Interpretattiv dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti minn territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn” (5) (iktar ’il quddiem l-“Avviż Interpretattiv”).
21. Il-Kummissjoni tiġġustifika l-approċċ tagħha mill-fatt li hemm “domanda mingħand il-konsumaturi, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali għal ċarezza rigward il-leġiżlazzjoni eżistenti fuq l-informazzjoni ta’ oriġini tal-merkanzija minn territorji okkupati mill-Iżrael” (6). L-għan tiegħu huwa “wkoll li jkun iggarantit li jiġu rispettati l-pożizzjonijiet u l-impenji tal-Unjoni f’konformità mad-dritt internazzjonali fir-rigward tan-nonrikonoxximent mill-Unjoni tas- sovranità tal-Iżrael fuq it-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn” (7).
22. Din hija r-raġuni għalfejn, fl-aħħar tal-Avviż Interpretattiv, il-Kummissjoni tqis li:
“(7) Peress li l-Għoljiet tal-Golan u x-Xatt tal-Punent (inkluż Ġerusalemm tal-Lvant) ma jiffurmawx parti mit-territorju Iżraeljan skont id-dritt internazzjonali, l-indikazzjoni ‘prodott tal-Iżrael’ hija kkunsidrata skorretta u qarrieqa fis-sens tal-leġiżlazzjoni li saret referenza għaliha.
(8) Sal-punt li l-indikazzjoni tal-oriġini hija obbligatorja, trid tintuża espressjoni oħra, li tikkunsidra kif dawn it-territorji s-soltu jissejħu.
(9) Għall-prodotti mill-Palestina li ma joriġinawx mill-insedjamenti, indikazzjoni li ma tqarraqx rigward l-oriġini ġeografika, filwaqt li tikkorrispondi mal-prassi internazzjonali, tista’ tkun ‘prodott tax-Xatt tal-Punent (prodott Palestinjan)’, ‘prodott ta’ Gaża’ jew ‘prodott tal-Palestina’.
(10) Għal prodotti mix-Xatt tal-Punent jew mill-Għoljiet tal-Ġolan li joriġinaw mill-insedjamenti, indikazzjoni limitata għal ‘prodott tal-Għoljiet tal-Golan’ jew ‘prodott tax-Xatt tal-Punent’ ma tkunx aċċettabbli. Anke jekk ikunu jindikaw żona jew territorju usa’ minn fejn il-prodott joriġina, in-nuqqas tal-informazzjoni ġeografika addizzjonali li l-prodott ġej mill-insedjamenti tal-Iżrael ikun iqarraq bil-konsumatur rigward l-oriġini vera tal-prodott. F’dawn il-każi trid tiżdied l-espressjoni ‘insedjament Iżraeljan’ jew waħda ekwivalenti, pereżempju f’parentesi. Għaldaqstant, jistgħu jintużaw espressjonijiet bħal ‘prodott tal-Għoljiet tal-Golan (insedjament Iżraeljan)’ jew ‘prodott tax-Xatt tal-Punent (insedjament Iżraeljan)’.”
B. Id-dritt Franċiż
23. Fl‑24 ta’ Novembru 2016, b’riferiment għar-Regolament Nru 1169/2011, il-Ministeru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża avviż lill-operaturi ekonomiċi dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija li tkun ġejja mit-territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn (“Avis aux opérateurs économiques relatifs à l’indication de l’origine des marchandises issues des territoires occupés par Israël depuis 1967”) (8) (iktar ’il quddiem l-“avviż kontenzjuż”)
24. Dan l-avviż kontenzjuż huwa fformulat kif ġej:
“Ir-Regolament [Nru 1169/2011] jipprovdi li d-dettalji tal-ittikkettjar għandhom ikunu ġusti. Dawn ma għandhomx jirriskjaw li jqarrqu bil-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti. Il-prodotti tal-ikel mit-territorji okkupati mill-Iżrael għandhom għalhekk jiġu ttikkettjati sabiex jirriflettu din l-oriġini.
Konsegwentement, id-Direction générale de la Concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes du ministère de l’Économie et des Finances (GCCRF) għandha tiġbed l-attenzjoni tal-operaturi għall-Avviż Interpretattiv.
B’mod partikolari, dan jispeċifika li skont id-dritt internazzjonali l-Għoljiet tal-Golan u x-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalem tal-Lvant, ma humiex parti mill-Iżrael. Konsegwentement, sabiex il-konsumatur ma jitqarraqx, l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel għandu b’mod preċiż jindika l-oriġini eżatta tal-prodotti, kemm jekk l-indikazzjoni tagħha hija obbligatorja skont ir-regoli tal-Komunità u kemm jekk titwaħħal mill-operatur b’mod volontarju.
Għal prodotti mix-Xatt tal-Punent jew mill-Għoljiet tal-Golan li joriġinaw minn kolonji, riferiment limitat għal ‘prodott li joriġina mill-Għoljiet tal-Golan’ jew ‘prodott li joriġina mix-Xatt tal-Punent’ ma huwiex aċċettabbli. Għalkemm dawn it-termini effettivament jirreferu għaż-żona jew it-territorju usa’ li minnu joriġina l-prodott, l-ommissjoni tal-informazzjoni ġeografika addizzjonali li l-prodott joriġina minn kolonja Iżraeljana x’aktarx li tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott. F’dawn il-każijiet, huwa neċessarju li jiżdied, bejn il-parenteżi, it-terminu ‘insedjament Iżraeljan’ jew termini ekwivalenti. Għalhekk, jistgħu jintużaw termini bħal ‘prodott li joriġina mill-Għoljiet tal-Golan (insedjament Iżraeljan)’ jew ‘prodott li joriġina mix-Xatt tal-Punent (insedjament Iżraeljan)’.”
IV. Il-fatti fil-kawża prinċipali
25. Permezz tal-avviż kontenzjuż, il-Ministeru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi, b’riferiment għar-Regolament Nru 1169/2011, speċifika t-termini li jistgħu jew li ma jistgħux jintużaw għal prodotti mit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn.
26. Permezz ta’ żewġ rikorsi, l-Organisation juive européenne u Psagot (kumpannija li tispeċjalizza fl-isfruttament tal-vinji li jinsabu b’mod partikolari fit-territorji okkupati mill-Iżrael) qegħdin ifittxu l-annullament tal-avviż kontenzjuż bħala ultra vires.
27. Skont il-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-avviż kontenzjuż mar-Regolament Nru 1169/2011 tiddependi minn jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix, għal prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, indikazzjoni ta’ dan it-territorju u indikazzjoni li l-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk ikun il-każ, jew, jekk le, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermettux lil Stat Membru jeżiġi li tali prodotti jġorru tali tikketti.
V. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28. F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2018, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2018, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“Id-dritt tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari r-Regolament Nru 1169/2011 [...], meta l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun obbligatorja, jeżiġi, fir-rigward ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael sa mill‑1967, l-indikazzjoni ta’ dan it-territorju u indikazzjoni li tispeċifika li l-prodott joriġina minn kolonja Iżraeljana [insedjament Iżraeljan] jekk dan ikun il-każ? Fin-nuqqas ta’ dan, id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 1169/2011] b’mod partikolari dawk tal-Kapitolu VI tiegħu, jippermettu li Stat Membru jeżiġi tali indikazzjonijiet?”
29. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Organisation juive européenne, Psagot, il-Gvern Franċiż, dak Svediż, dak Irlandiż u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni. Ħlief għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawn il-partijiet kollha ppreżentaw sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tad‑9 ta’ April 2019.
VI. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda
30. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġix għall-finijiet ta’ ttikkettjar, l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ prodott li jkun ġej minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, x’inhi l-portata ta’ dan ir-rekwiżit tal-ittikkettjar.
1. It-tifsira ta’ “pajjiż tal-oriġini” u “post ta’ provenjenza”
31. Skont l-Artikoli 9 u 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza hija obbligatorja fejn “nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel”. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi ddeterminata, fl-ewwel lok, it-tifsira tat-termini “pajjiż tal-oriġini” u “post ta’ provenjenza”.
32. Il-“post ta’ provenjenza” huwa ddefinit mill-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 għall-kuntrarju tal-“pajjiż tal-oriġini” li huwa minnu nnifsu ddefinit b’riferiment għall-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
33. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiċċara fir-rigward tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ oriġini tal-merkanzija, iżda ma jirrigwardawx il-kontenut tal-informazzjoni ddestinata għall-konsumaturi (9). Il-“pajjiż tal-oriġini” fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011 sempliċement ikopri, għalhekk, merkanzija li toriġina minn pajjiż, inkluż il-baħar territorjali tiegħu.
34. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi wkoll li “l-isem, l-isem tan-negozju jew l-indirizz tal-operatur tan-negozju tal-ikel fuq it-tikketta ma għandhomx jikkostitwixxu indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament”. Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, huwa ċar li r-riferiment għal “post ta’ provenjenza” neċessarjament jirreferi għal post li la huwa pajjiż u lanqas l-indirizz tal-operatur tan-negozju tal-ikel fuq it-tikketta.
35. Il-kelma “post” hija kelma komuni li tirreferi, fis-sens ordinarju tagħha, għal sitwazzjoni ta’ spazju li tagħmel possibbli li jiġu llokalizzati persuni jew oġġetti (10). Għalhekk, jirriżulta li t-termini “pajjiż tal-oriġini” fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011 jirreferu għal pajjiż, inkluż il-baħar territorjali tiegħu (11) filwaqt li t-termini “post ta’ provenjenza” jirreferu għal post ġeografiku li huwa iżgħar minn pajjiż u ikbar mill-post preċiż ta’ bini (12).
36. Iktar minn hekk, madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (13).
37. Fl-ewwel lok, l-għan tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa stabbilit b’mod ċar fl-Artikolu 1: il-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jiżgura “livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni” (14). Huwa ovvju li l-enfasi hawn hija fuq il-bżonn għal informazzjoni tal-konsumatur.
38. Ma jistax jiġi miċħud li l-protezzjoni tas-saħħa hija wkoll żgurata mir-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, il-premessa 3 tiegħu tistabbilixxi li “[s]abiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumaturi u sabiex ikun garantit id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod adegwat dwar l-ikel li jieklu”. Madankollu, flimkien mal-fatt li din il-premessa tqis il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u d-dritt tagħhom għal informazzjoni fuq bażi ugwali, l-istess premessa tikkonferma li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa ferm usa’ minn sempliċement kwistjonijiet ta’ saħħa. Fil-fatt, il-premessa 3 tenfasizza l-fatt li l-għażliet tal-konsumaturi jistgħu jiġu influwenzati, fost l-oħrajn, minn kunsiderazzjonijiet sanitarji iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.
39. Huwa perfettament ovvju li f’ambjent modern ċerti xirjiet ma għadhomx ibbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet bħall-prezz jew l-identità ta’ ditta partikolari. Għal ħafna konsumaturi, tali xirjiet jistgħu jkunu influwenzati wkoll minn kriterji bħal kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali, politiċi, kulturali jew etiċi (15).
40. Lura għall-formulazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 u l-obbligu speċifiku relatat mal-“pajjiż tal-oriġini” jew il-“post ta’ provenjenza”, wieħed għandu jammetti wkoll li din id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għal kwistjoni ta’ saħħa. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa newtrali fir-rigward tal-kawża tar-riskju ta’ qerq fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel.
41. Fit-tieni lok, il-kuntest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa wkoll rilevanti għad-determinazzjoni tal-portata tat-termini “post ta’ provenjenza”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni – li telenka d-dettalji obbligatorji – hija l-ewwel artikolu tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Informazzjoni Obbligatorja dwar l-Ikel”. Qabel il-Kapitolu IV, il-Kapitolu II jipprovdi xi “Prinċipji Ġenerali dwar l-Informazzjoni tal-Ikel” filwaqt li l-Kapitolu III huwa ddedikat għal “Rekwiżiti Ġenerali għal Informazzjoni dwar l-Ikel u r-Responsabbiltajiet tal-Operaturi tan-Negozji tal-Ikel”.
42. F’dan ir-rigward, nirrileva li, kif intqal diġà, l-ewwel artikolu tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1169/2011 – jiġifieri l-Artikolu 3(1) – jinsisti fuq il-bżonn għall-konsumaturi finali li jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, “b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi” (16). Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 iżid li “[m]eta jitqies il-bżonn ta’ informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, għandu jittieħed kont tal-bżonn frekwenti min-naħa tal-maġġoranza tal-konsumaturi għal ċerta informazzjoni li tkun ta’ valur sinifikanti għalihom” (17). Finalment, fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jistabbilixxi li “[l]-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur” (18).
43. Filwaqt li jista’ jkun minnu li jingħad li, meqjus waħdu, interpretazzjoni letterali tat-terminu “post ta’ provenjenza” tista’ tissuġġerixxi riferiment li jkun limitat għal żona ġeografika biss, dan il-kliem ma jistax, madankollu, jinqara sempliċement f’iżolament mill-bqija tat-test leġiżlattiv u l-għan tiegħu. Hawn huwa neċessarju li tinġibed l-attenzjoni għan-newtralità tal-formulazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, għall-enfasi mogħtija mil-leġiżlatur lill-bżonn li l-konsumaturi jiġu pprovduti b’livell għoli ta’ informazzjoni, għall-firxa wiesgħa ta’ kunsiderazzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għal dawn il-konsumaturi u għall-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni preċiża, ċara u faċilment komprensibbli. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jissuġġerixxu interpretazzjoni tat-terminu “post ta’ provenjenza” li ma hijiex neċessarjament limitata għal riferiment purament ġeografiku.
44. Fi kliem ieħor, filwaqt li t-terminu “pajjiż tal-oriġini” b’mod ċar jirreferi għall-ismijiet tal-pajjiżi u l-baħar territorjali tagħhom, l-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermetti d-determinazzjoni tal-“post ta’ provenjenza” ta’ prodott tal-ikel permezz ta’ kliem li ma huwiex neċessarjament limitat għall-isem taż-żona ġeografika kkonċernata, speċjalment fejn l-użu tal-indikatur ġeografiku waħdu jista’ jwassal għal interpretazzjoni żbaljata.
2. Obbligu ta’ indikazzjoni tal-oriġini ta’ ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn
45. Fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet tat-termini “pajjiż tal-oriġini” u “post ta’ provenjenza”, id-domanda pjuttost tirriduċi ruħha għal din: tista’ l-assenza tal-indikazzjoni tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011 ta’ prodott tal-ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael tiżgwida lill-konsumatur?
46. Ir-risposta għal din id-domanda għandha tinstab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, hija din id-dispożizzjoni li tipprovdi l-kriterji li x’aktarx jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumatur: il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet informati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li ttieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni.
47. Iktar minn hekk, għandu jiġi nnotat li jekk il-kapaċità li wieħed jiġi żgwidat minn deskrizzjoni fuq tikketta għandha tiġi evalwata b’rabta mal-“konsumatur medju”, dan ma jfissirx neċessarjament li huwa sempliċement kwalunkwe konsumatur. Għall-kuntrarju, dan huwa l-konsumatur medju “normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-oriġini, il-provenjenza, il-kwalità marbuta mal-prodott tal-ikel” (19).
48. Kull wieħed minn dawn it-termini huwa importanti. Fil-fatt, jekk il-konsumatur medju huwa dak il-konsumatur li huwa sempliċement “normalment informat”, dan huwa wkoll “raġonevolment attent u avżat”. Għall-kuntrarju tal-ewwel element tad-definizzjoni tal-konsumatur medju, li jidher li jippermetti ċerta passività, it-tieni element jimplika approċċ pożittiv mill-konsumatur ikkonċernat u t-tielet wieħed jimplika interess ikbar fl-informazzjoni u, konsegwentement, tagħrif iktar iddettaljat. Fi kliem ieħor, jekk il-konsumatur medju huwa normalment informat, dan huwa minħabba l-aġir tiegħu stess (20).
49. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni ta’ territorju okkupat minn setgħa okkupanti – a fortiori meta l-okkupazzjoni territorjali hija akkumpanjata minn insedjamenti – hija fattur li x’aktarx huwa importanti fl-għażla ta’ konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, f’kuntest fejn, f’konformità mal-Artikoli 1(1) u 3(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, id-differenzi fil-perċezzjonijiet tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, inklużi kunsiderazzjonijiet etiċi.
50. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-argument imressaq mill-Organisation juive européenne fis-seduta li nżammet fid‑9 ta’ April 2019, ma naħsibx li r-riferiment għal “konsiderazzjonijiet etiċi” fir-Regolament Nru 1169/2011 jirreferi sempliċement għal kunsiderazzjonijiet etiċi fil-kuntest tal-konsum tal-ikel biss. Ċertament, il-konsumaturi jistgħu joġġezzjonaw għall-konsum ta’ ċertu ikel minħabba t-twemmin reliġjuz jew etiku tagħhom stess (bħal, pereżempju, il-veġetarjaniżmu). Wieħed jista’ ugwalment jipprevedi ċirkustanzi fejn il-konsumaturi jistgħu joġġezzjonaw għall-konsum ta’ ċertu ikel minħabba l-manjiera li biha l-annimali inkwistjoni jkunu ġew ittrattati b’mod inġenerali jew qabel il-qatla. Madankollu, l-informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini tkun biss rarament ta’ għajnuna għal, pereżempju, konsumatur li joġġezzjona għall-preżenza ta’ prodotti tal-laħam fl-ikel li jixtieq jikkonsma.
51. Fil-fehma tiegħi, ir-riferiment għal “kunsiderazzjonijiet etiċi” fil-kuntest tal-ittikkettjar tal-pajjiż tal-oriġini huwa b’mod ċar riferiment għal dawk il-kunsiderazzjonijiet etiċi usa’ li jistgħu jinformaw il-ħsieb ta’ ċerti konsumaturi qabel ix-xirja. L-istess bħal meta ħafna konsumaturi Ewropej oġġezzjonaw għax-xiri ta’ merkanzija mill-Afrika t’Isfel fl-era tal-apartheid ta’ qabel l-1994, fil-ġurnata tal-lum il-konsumaturi jistgħu joġġezzjonaw għal raġunijiet simili għax-xiri ta’ merkanzija minn pajjiż partikolari minħabba li, pereżempju, dan ma huwiex demokrazija jew minħabba li jsegwi linji ta’ politika jew soċjali partikolari li l-konsumatur inzerta li jarahom bħala oġġezzjonabbli jew bħala xi ħaġa mistmerra. Fil-kuntest tal-politiki Iżraeljani fil-konfront tat-Territorji Okkupati u tal-insedjamenti, jista’ jkun hemm xi konsumaturi li joġġezzjonaw għax-xiri ta’ prodotti li jkunu ġejjin mit-territorji, preċiżament minħabba l-fatt li l-okkupazzjoni u l-insedjamenti jammontaw b’mod ċar għal ksur tad-dritt internazzjonali. Ovvjament, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapprova jew li ma tapprovax tali għażla min-naħa tal-konsumatur: huwa pjuttost biżżejjed li jingħad li ksur tad-dritt internazzjonali jikkostitwixxi t-tip ta’ kunsiderazzjoni etika li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa bħala leġittima fil-kuntest ta’ rekwiżit ta’ informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini.
52. Fil-fatt, il-konformità mar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali hija meqjusa minn ħafna – u mhux grupp limitat ta’ esperti li jispeċjalizzaw fil-qasam tad-dritt internazzjonali u d-diplomazija – bħala li għandha rwol vitali fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u bħala sors ta’ ġustizzja f’dinja li altrimenti hija inġusta. Dan huwa x’aktarx minnu speċjalment fil-kuntest taċ-ċittadini tal-Unjoni li, anki matul il-ħajja ta’ xi wħud minnhom, kienu xhieda tal-impatt distruttiv ta’ forza vjolenti f’era fejn xi pajjiżi waslu biex jemmnu li d-dritt internazzjonali kien sempliċement wegħda fiergħa lill-persuni oppressi u vulnerabbli tad-dinja u li setgħet tiġi injorata b’impunità.
53. Għaldaqstant, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, l-okkupazzjoni Iżraeljana ta’ dawn it-territorji hija illegali. Il-politika tal-insedjamenti fir-rigward ta’ dawn it-territorji hija wkoll ksur ċar tad-dritt internazzjonali, peress li l-Artikolu 49 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Pajżani fi Żmien ta’ Gwerra (21) (iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève”) jipprovdi li s-Setgħa Okkupanti (f’dan il-każ, l-Iżrael) ma għandhiex “tiddeporta jew tittrasferixxi parti mill-popolazzjoni ċivili tagħha stess fit-territorji li hija tokkupa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
54. Fl-Opinjoni Konsultattiva tagħha dwar il-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkonkludiet li din id-dispożizzjoni “[...] tipprojbixxi mhux biss deportazzjonijiet jew trasferimenti forzati tal-popolazzjoni bħal dawk imwettqa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda wkoll kwalunkwe miżura meħuda mis-Setgħa okkupanti sabiex torganizza jew tinkoraġġixxi trasferimenti ta’ partijiet mill-popolazzjoni tagħha stess fit-territorju okkupat. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja turi li, mill‑1977 ’l hawn, l-Iżrael ħaddan u żviluppa politiki u prattiki li jinvolvu l-istabbiliment ta’ Insedjamenti fit-Territorju Palestinjan Okkupat, bi ksur tat-termini tal-Artikolu 49(6) li għadu kif ġie ċċitat. Il-Kunsill tas-Sigurtà għalhekk adotta l-fehma li dawn il-politiki u prattiki ‘ma għandhom l-ebda validità legali’. Huwa talab ukoll biex ‘l-Iżrael, bħala s-Setgħa okkupanti, jikkonforma skrupolożament’ mar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève u: ‘iħassar il-miżuri preċedenti tiegħu u joqgħod lura milli jieħu kwalunkwe azzjoni li twassal għall-bidla tal-istatus legali u tan-natura ġeografika u li materjalment taffettwa l-kompożizzjoni demografika tat-territorji Għarab okkupati mill‑1967 ’l hawn, inkluż Ġerusalem u, b’mod partikolari, milli jittrasferixxi partijiet tal-popolazzjoni ċivili tiegħu stess fit-territorji Għarab okkupati’ (Riżoluzzjoni 446 (1979) tat‑22 ta’ Marzu 1979). Il-Kunsill afferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu fir-Riżoluzzjonijiet 452 (1979) tal‑20 ta’ Lulju 1979 u 465 (1980) tal‑1 ta’ Marzu 1980. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ huwa ddeskriva l-‘politiki u l-prattiki tal-Iżrael li jinsedja partijiet mill-popolazzjoni tiegħu u immigranti ġodda fit-territorji [okkupati]’ bħala ‘ksur skandaluż’ tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève. Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-kolonji Iżraeljani fit-Territorji Palestinjani Okkupati (inkluż Ġerusalem tal-Lvant) ġew stabbiliti bi ksur tad-dritt internazzjonali” (22) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
55. Din is-silta titkellem tassew waħedha. Din turi mingħajr l-ebda dubju li l-politika ta’ insedjamenti Iżraeljana hija meqjusa bħala ksur manifest tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari fuq il-bażi tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni (23) li huwa dritt li jista’ jiġi legalment eżegwit erga omnes skont il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (24) u l-Qorti tal-Ġustizzja (25). Fehma simili ġiet adottata spiss min-Nazzjonijiet Uniti (NU) (26).
56. F’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċilment li wieħed jeħodha b’sorpriża li xi konsumaturi normalment informati u raġonevolment attenti u avżati jistgħu jqisu dan bħala kunsiderazzjoni etika li tinfluwenza l-preferenzi ta’ konsum tagħhom u li fir-rigward tagħhom jistgħu jitolbu iktar informazzjoni.
57. Iktar minn hekk, jista’ jiġi osservat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà rrikonoxxiet fis-sentenza tagħha fi Brita (27) – x’aktarx fuq aspett partikolari tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-portata rispettiva tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Iżrael (28) u bejn l-Unjoni u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (29) – il-bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn il-prodotti li joriġinaw mit-territorju tal-Iżrael u dawk li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent.
58. Din l-analiżi hija konformi wkoll mal-Artikolu 3(5) TUE, li skontu l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għar-“rispett sħiħ [...] tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.” Din hija konformi wkoll mal-UNSCR Nru 2334 (2016) li “jitlob lill-Istati kollha [...] biex jiddistingwu, fit-tranżazzjonijiet rispettivi tagħhom, bejn it-territorju tal-Istat tal-Iżrael u t-territorji okkupati mill‑1967 ’l hawn” (30) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
59. Għaldaqstant wieħed huwa mġiegħel jasal għall-konklużjoni li l-assenza tal-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael u, fi kwalunkwe każ, minn kolonja insedjata, tista’ tiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel.
60. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ssir obbligatorja skont l-Artikolu 9(1)(i) u l-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.
3. Is-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit Richardson vs Director of Public Prosecutions
61. Ir-rappreżentanti ta’ Psagot ibbażaw ferm fuq is-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit tal‑5 ta’ Frar 2014, Richardson vs Director of Public Prosecutions (31). Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata din il-kawża f’iktar dettall.
62. Din kienet kawża fejn il-konvenuti ġew imressqa l-qorti għal reat kriminali ta’ intrużjoni li rriżulta minn dik li l-qorti ddeskriviet bħala “protesta mhux vjolenti iżda determinata f’ħanut f’Londra”. Il-ħanut kien jispeċjalizza fil-bejgħ ta’ prodotti ta’ sbuħija li ġejjin minn materjal minerali tal-Baħar il-Mejjet. L-oġġezzjoni tal-konvenuti kienet ibbażata fuq il-fatti li (i) dawn il-prodotti kienu magħmula minn kumpannija Iżraeljana, f’insedjament Iżraeljan maġenb il-Baħar il-Mejjet fix-Xatt tal-Punent, jiġifieri fit-Territorji Okkupati u (ii) kien intqal li l-persunal tal-fabbrika kien magħmul minn persuni Iżraeljani li kienu inkoraġġiti mill-Gvern tal-Iżrael biex jistabbilixxu ruħhom hemm.
63. Waħda mid-difiżi speċifiċi mressqa kienet li l-prodotti mibjugħa fil-ħanut kienu ttikkettjati “Magħmul minn Dead Sea Laboratories Ltd, il-Baħar il-Mejjet, l-Iżrael” [traduzzjoni libera]. Intqal li dan kien falz jew ittikkettjar li jiżgwida minħabba li t-Territorji Okkupati ma humiex irrikonoxxuti internazzjonalment jew fir-Renju Unit bħala parti mill-Iżrael. Għaldaqstant ġie affermat mill-konvenuti li l-kumpannija li topera l-ħanut kienet ħatja ta’ ċerti reati ta’ ttikkettjar.
64. Ir-reat prinċipali li fuqu bbażaw ruħhom għal dan il-għan kien wieħed li jikser ċerti regolamenti tar-Renju Unit li ttrasponew id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (32). Ir-reat rilevanti inkwistjoni kien jikkonsisti fl-involviment “fi prattika kummerċjali li kienet azzjoni li tiżgwida” (33).
65. L-argument imressaq quddiem il-qorti lokali (l-imħallef distrettwali) kien li l-prodotti mibjugħa fil-ħanut kienu ttikkettjati ħażin fir-rigward tal-oriġini ġeografika peress li kienu ttikkettjati bħala “Magħmul minn Dead Sea Laboratories Ltd, il-Baħar il-Mejjet, l-Iżrael” [traduzzjoni libera]. Dan ammonta, kif intqal, għal rappreżentazzjoni li l-prodotti ġew mill-Iżrael meta dawn ma kinux, minħabba li ġew mit-Territorji Okkupati.
66. Jekk jitwarrab il-fatt li, kif il-Qorti Suprema finalment iddeċidiet, ir-regolament ma qiesx il-bejgħ ta’ merkanzija ttikkettjata ħażin bħala reat, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-qorti lokali kkonstatat li ma kien hemm l-ebda bażi sabiex jingħad li l-konsumatur medju jkun żgwidat fit-teħid ta’ deċiżjoni tranżazzjonali (jiġifieri, biex jixtri l-prodott) meta f’ċirkustanzi oħra ma kienx jeħodha, sempliċement minħabba li s-sors tal-prodotti kien deskritt bħala kostituzzjonalment jew politikament l-Iżrael meta effettivament kien it-Territorji Okkupati: is-sors wara kollox kien korrettement ittikkettjat bħala l-Baħar il-Mejjet. L-imħallef distrettwali kkonstata li: “Jekk l-informazzjoni mogħtija kinitx falza jew le [...] jiena nqis li n-numru ta’ persuni li d-deċiżjoni tagħhom, jekk jixtrux jew le prodott maħsub li huwa Iżraeljan, tkun influwenzata mill-għarfien tal-provenjenza vera tal-prodott, ikun ħafna iżgħar min-numru meħtieġ sabiex dawn jiġu meqjusa bħala ‘konsumatur medju’. Jekk xerrej potenzjali huwa persuna li fi kwalunkwe każ hija lesta li tixtri merkanzija Iżraeljana, l-istess persuna tkun f’kategorija żgħira ħafna jekk din id-deċiżjoni kellha tkun differenti minħabba li l-merkanzija ġiet minn territorju okkupat illegalment”. Il-Qorti Suprema ddeċidiet li din il-konstatazzjoni “kienet b’mod ċar miftuħa għall-imħallef distrettwali fid-dawl tal-provi u hija fatali għad-dikjarazzjoni li kien twettaq reat.”
67. Madankollu, min-naħa tiegħi, ma tantx sibt din id-deċiżjoni ta’ għajnuna. Il-każ effettivament jikkonċerna intrużjoni illegali fil-bini ta’ ħanut li fir-rigward tiegħu tressqu argumenti pjuttost imżejna u inġenwi bħala difiża sabiex jiġġustifikaw l-azzjonijiet tal-konvenuti. Barra minn hekk, il-Qorti Suprema kienet qiegħda finalment tittratta l-kawża fuq punt legali u, b’mod kritiku, kienet marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-qorti inferjuri.
68. Lanqas ma nista’, bir-rispett kollu, naqbel neċessarjament mar-raġunament tal-imħallef distrettwali. Min-naħa tiegħi, jiena nqis li effettivament jista’ jkun hemm ħafna konsumaturi potenzjali li lesti li jixtru merkanzija Iżraeljana (jiġifieri, fis-sens ta’ merkanzija prodotta fil-limiti rrikonoxxuti internazzjonalment tal-Iżrael ta’ qabel l-1967), iżda li jkunu jistmerru jew anki joġġezzjonaw għas-suġġeriment li dawn jistgħu jixtru merkanzija li toriġina mit-territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, fejn applikabbli, minn insedjamenti f’dawn it-territorji.
4. Il-portata tal-obbligu ta’ indikazzjoni tal-oriġini ta’ ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn
69. L-aħħar problema li għandha tiġi riżolta sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu ta’ indikazzjoni tal-post tal-oriġini ta’ prodott tal-ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, fi kliem ieħor, il-formulazzjoni tal-indikazzjoni obbligatorja.
70. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, l-informazzjoni dwar l-ikel ma għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, inter alia, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza.
71. Fuq il-bażi tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni simili fid-Direttiva 2000/13 (34) (imħassra bir-Regolament Nru 1169/2011), jista’ jingħad li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġi li l-konsumatur ikollu informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva li ma tiżgwidahx (35). L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1169/2001 iżid li l-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur.
72. F’dan il-kuntest, kif spjega b’mod partikolarment rilevanti l-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet tiegħu f’Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:102), hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn l-informazzjoni li hija oġġettivament korretta, l-informazzjoni li hija oġġettivament żbaljata u l-informazzjoni li hija oġġettivament korretta iżda tista’ tiżgwida lill-konsumatur minħabba li ma tirriflettix il-verità sħiħa (36). Fil-fatt, “jekk l-informazzjoni ommessa tkun x’aktarx titfa’ [b’mod ċar] dawl differenti fuq l-informazzjoni pprovduta, il-konklużjoni għandha tkun li l-konsumatur ġie żgwidat” (37).
73. Dan huwa wkoll perfettament koerenti mad-definizzjoni ta’ “azzjonijiet qarrieqa” fis-sens tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, li tkopri, skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1169/2011, ċerti aspetti tal-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi, bil-għan speċifiku li tipprevjeni li jsiru azzjonijiet li jiżgwidaw u li titħalla barra xi informazzjoni li għandhom jiġu kkomplementati minn regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa “anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, [iżda] x’aktarx [iġiegħel lill-konsumatur medju] jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.
74. Barra minn hekk, kif intwera fl-ewwel parti tal-analiżi tiegħi, jiena naħseb li filwaqt li t-terminu “pajjiż tal-oriġini” jirreferi b’mod ċar għall-ismijiet tal-pajjiżi u l-baħar territorjali tagħhom, l-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermetti d-determinazzjoni ta’ “post ta’ provenjenza” ta’ prodott tal-ikel permezz ta’ kliem li ma huwiex limitat għall-isem taż-żona ġeografika kkonċernata.
75. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena naħseb li riferiment limitat għall-indikazzjoni “prodott mill-Għoljiet tal-Golan” jew “prodott mix-Xatt tal-Punent” għal prodotti mix-Xatt tal-Punent jew mill-Għoljiet tal-Golan li joriġinaw mill-insedjamenti Iżraeljani ma jkunx suffiċjenti. Filwaqt li tali deskrizzjonijiet jistgħu jkunu teknikament korretti, jiena nqis li l-konsumatur jista’ xorta waħda jiġi żgwidat. Tali deskrizzjonijiet ma jkunux jirriflettu l-verità sħiħa fir-rigward ta’ kwistjoni li tista’ taffettwa sew it-tendenzi tax-xiri tal-konsumatur.
76. Fil-fatt, bħala parafrażi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Severi (38), fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-ittikkettjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiżgwida, okkupazzjoni u insedjamenti Iżraeljani jistgħu jkunu “element oġġettiv li jista’ jimmodifika l-aspettattivi tal-konsumatur raġonevoli” (39).
77. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nqis għalhekk li ż-żieda tat-termini “insedjamenti Iżraeljani” għall-identifikazzjoni ġeografika tal-oriġini tal-prodotti hija l-uniku mod sabiex tiġi pprovduta – kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1169/2011 – informazzjoni korretta u oġġettiva iżda wkoll preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur.
78. Fil-fatt, it-terminu “insedjament” ġej minn sitwazzjoni fejn hemm territorju okkupat minn setgħa okkupanti. Fil-kawża ineżami, dan l-approċċ huwa, għalhekk, loġiku peress li l-Iżrael ġie rrikonoxxut bħala “setgħa okkupanti” fis-sens tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève (40). Dawn it-termini huma spiss użati sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tat-Territorji Okkupati (41). Filwaqt li naċċetta li f’ċerti sensi din in-nomenklatura tista’ tidher għal xi wħud bħala li għandha eku peġġorattiv, dawn huma, madankollu, it-termini mifruxa fl-użu u li l-konsumatur medju raġonevolment jifhem.
5. Konklużjoni dwar l-ewwel domanda
79. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkonkludi li r-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġi, għal prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, l-indikazzjoni tal-isem ġeografiku ta’ dan it-territorju u l-indikazzjoni li l-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk dan ikun il-każ.
B. Sussidjarjament, fuq it-tieni domanda
80. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermettux lil Stat Membru jeżiġi indikazzjoni tat-territorju ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, barra minn hekk, li dan il-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk dan ikun il-każ.
81. Għaldaqstant, il-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet ser jipproċedu fuq il-preżunzjoni – għall-kuntrarju tal-fehma tiegħi stess – li l-Artikolu 9(1)(i) u l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 ma japplikawx għal dawn iċ-ċirkustanzi.
82. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa ċar: “[f]ir-rigward tal-kwistjonijiet speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni”. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali dwar kwistjonijiet li ma humiex speċifikament armonizzati minn dan ir-regolament sakemm dawn ma jipprojbixxux, ma jimpedixxux jew ma jirristrenġux il-moviment liberu tal-prodotti li huma f’konformità ma’ dan ir-regolament.
83. Peress li l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, li huwa relatat mal-miżuri nazzjonali dwar dettalji obbligatorji addizzjonali, huwa espressament iddedikat għal miżuri nazzjonali dwar l-indikazzjoni tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza, wieħed għandu jammetti li dawn it-tipi ta’ dettalji ma humiex kompletament armonizzati mir-Regolament Nru 1169/2011.
84. Madankollu, skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, miżuri nazzjonali li jikkonċernaw l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ prodotti tal-ikel huma awtorizzati biss fejn hemm “rabta ppruvata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”.
85. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, għalhekk, ma huwiex biżżejjed li l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza jkollu, bħala tali, ċerta importanza fid-deċiżjoni tal-konsumatur. Għall-kuntrarju, it-territorju tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza għandu jkollu impatt tanġibbli fir-rigward tal-prodott innifsu u, b’mod partikolari, tal-kwalità tal-ikel inkwistjoni.
86. Jidhirli li l-fatt li territorju huwa okkupat minn setgħa okkupanti jew li prodott tal-ikel partikolari huwa magħmul minn persuna li tgħix f’insedjament x’aktarx li ma jagħtix jew ma jimmodifikax ċerti kwalitajiet tal-prodott tal-ikel fir-rigward tal-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, tal-inqas sa fejn il-prodotti tal-ikel li joriġinaw mit-Territorji Okkupati huma kkonċernati.
87. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nħossni obbligat li nikkonkludi li l-Istati Membri ma għandhomx jeżiġu għall-finijiet tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 l-indikazzjoni tat-territorju ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, u lanqas li tali prodott ġej minn insedjament Iżraeljan.
VII. Konklużjoni
88. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej:
L-Artikolu 9(1)(i) u l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, jeżiġu, għal prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, l-indikazzjoni tal-isem ġeografiku ta’ dan it-territorju u l-indikazzjoni li l-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk dan fil-fatt ikun il-każ.
89. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax l-analiżi tiegħi dwar din l-ewwel domanda, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej:
L-Istati Membri ma għandhomx jeżiġu l-indikazzjoni tat-territorju ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, u lanqas li tali prodott ġej minn insedjament Iżraeljan skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 peress li ma hemm l-ebda prova ta’ rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel prodott fit-Territorji Okkupati u l-post ta’ provenjenza tiegħu.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40 u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7. Dan ir-regolament jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004.
3 ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2.
4 Ara l-Artikolu 288(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
5 ĠU 2015, C 375, p. 4.
6 Punt 2 tal-Avviż Interpretattiv.
7 Punt 2 tal-Avviż Interpretattiv.
8 JORF 2016, Nru 273, test Nru 81.
9 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, UNIC u Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:492, punti 59 u 60).
10 Il-kelma bl-Ingliż “space” hija ddefinita bħala “a particular position, point, or area in space” (pożizzjoni partikolari, punt, jew żona fi spazju) [traduzzjoni libera] (Oxford Dictionary of English, it-tieni edizzjoni (irriveduta), Oxford University Press, 2005) filwaqt li, pereżempju, il-kelma “lieu” (użata fil-verżjoni bil-Franċiż tar-Regolament Nru 1169/2011) tista’ tiġi ddefinita bħala “la situation spaciale de quelque chose, de quelqu’un permettant de la localiser” (L) u l-kelma “lugar” (użata fil-verżjoni bl-Ispanjol) bħala “porción de espacio” (Diccionario de la lengua española, Real Academia Española, Edición del Tricentenario-Actualización 2018).
11 Ara l-Artikolu 23(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
12 Huwa minnu li l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa usa’ peress li jirreferi għall-“pajjiż jew territorju” (enfasi miżjuda minni) minflok għal pajjiż. Madankollu, peress li l-“post ta’ provenjenza” huwa ddefinit fir-Regolament Nru 1169/2011 għall-kuntrarju ta’ “pajjiż tal-oriġini”, “post ta’ provenjenza” jsir purament tawtoloġiku u jitlef it-tifsira tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Fil-fatt, x’inhu “territorju” jekk mhux żona ġeografika iżgħar minn pajjiż, fi kliem ieħor: “post”? Għalhekk nemmen li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1169/2011, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 286(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li skontha r-riferimenti għall-Kodiċi Doganali tal-Komunità f’atti oħra tal-Unjoni għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma hijiex applikabbli.
13 Ara, għal applikazzjonijiet reċenti, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45).
14 Enfasi miżjuda minni.
15 Ara, f’dan ir-rigward, Conway, É., “Étiquetage obligatoire de l’origine des produits au bénéfice des consommateurs: portée et limites”, Revue Québécoise de droit international, Vol. 24‑2, 2011, pp. 1‑51. speċjalment p. 2.
16 Enfasi miżjuda minni.
17 Enfasi miżjuda minni.
18 Enfasi miżjuda minni.
19 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009 Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61). Filwaqt li fil-verżjoni bil-Franċiż ta’ din is-sentenza, it-terminu użat huwa “éclairé”, il-Qorti tal-Ġustizzja spiss tuża wkoll l-aġġettiv “avisé” f’sentenzi marbuta mal-protezzjoni tal-konsumatur, fejn din tal-aħħar jidhirli li hija iktar viċin għal “avżat”. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:369, punti 31 u 37); tal‑4 ta’ April 2000, Darbo (C‑465/98, EU:C:2000:184, punt 20); u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 25). Qiegħed ninnota wkoll li, f’Teekanne (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, C‑195/14, EU:C:2015:361), il-Qorti tal-Ġustizzja tuża alternattivament “avisé” (punt 23) u “éclairé” (punt 36), it-tnejn tradotti bħala “circumspect” fl-Ingliż. Barra minn hekk, bħal fl-Ingliż, l-istess formulazzjoni tidher li hija sistematikament użata fil-verżjonijiet tal-lingwi l-oħra (ara, inter alia, fl-Olandiż — een normaal geïnformeerde en redelijk omzichtige en oplettende gemiddelde consument —, fit-Taljan — un consumatore medio normalmente informato e ragionevolmente attento e avveduto —, fl-Ispanjol — un consumidor medio, normalmente informado y razonablemente atento y perspicazor —, jew fir-Rumen — unui consumator mediu, normal informat, suficient de atent și de avizat).
20 Ara, f’dan ir-rigward, González Vaqué, L., “La noción de consumidor medio según la jurisprudencia del Tribunal de Justicia de las Communidades europeas”, Revista de derecho comunitario europeo, 2004/17, pp. 47‑81, speċjalment pp. 63 u 64.
21 Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Volum 75, p. 287.
22 Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136 (punt 120).
23 Ara, f’dan ir-rigward, Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, punt 155, kif ukoll il-punti 118 u 120.
24 Ara, f’dan ir-rigward, Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136 (punti 88 u 155).
25 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 88).
26 Ara, inter alia, għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, UNSCR Nru 242 (1967) tat‑22 ta’ Novembru 1967 (Il-Lvant Nofsani); UNSCR Nru 446 (1979) tat‑22 ta’ Marzu 1979 (Territorji okkupati mill-Iżrael); UNSCR Nru 465 (1980) tal‑1 ta’ Marzu 1980 (Territorji okkupati mill-Iżrael); UNSCR Nru 476 (1980) tat‑30 ta’ Ġunju 1980 (Territorji okkupati mill-Iżrael); UNSCR Nru 2334 (2016) tat‑23 ta’ Diċembru 2016 (Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, inkluża l-kwistjoni Palestinjana); u, għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjonijiet Nru 72/14 (2017) tat‑30 ta’ Novembru 2017 (Soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni tal-Palestina); Nru 72/15 (2017) tat‑30 ta’ Novembru 2017 (Ġerusalem); Nru 72/16 (2017) tat‑30 ta’ Novembru 2017 (Il-Golan Sirjan); u Nru 72/86 (2017) tas‑7 ta’ Diċembru 2017 (Insedjamenti Iżraeljani fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż Ġerusalem tal-Lvant, u l-Golan Sirjan okkupat).
27 Sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91).
28 Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti ’l oħra, iffirmat fi Brussell fl‑20 ta’ Novembru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 55, p. 167).
29 Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità‘ ewropea minn naħa waħda, u l-Organiżazzjoni għall-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorita‘ Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fl‑24 ta’ Frar 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 124).
30 Punt 5.
31 [2014] UKSC 8.
32 Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).
33 Din kienet iddefinita bħala li tistabbilixxi li prattika kummerċjali hija azzjoni li tiżgwida jekk (inter alia): “(2)(a) [...] ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità fir-rigward ta’ kwalunkwe mill-kwistjonijiet fil-paragrafu (4) jew jekk hi jew il-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx li tqarraq bil-konsumatur medju, fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet f’dan il-paragrafu, anki jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment; u (b) tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra”.
34 Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).
35 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 32). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich (C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 69).
36 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo f’Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:102, punt 78).
37 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo f’Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:102, punt 87). Għalkemm il-verżjoni bl-Ingliż tuża l-avverbju “completely”, l-avverbju “clearly” jidhirli li huwa iktar viċin tal-verżjoni bil-lingwa oriġinali – li hija l-Franċiż – li tuża t-terminu “nettement”.
38 Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009 (C‑446/07, EU:C:2009:530).
39 Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 62).
40 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 49 tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève. Ara Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136 (punt 78 et seq.).
41 Ara, f’dan ir-rigward, UNSCR Nru 2334 (2016) tat‑23 ta’ Diċembru 2016 (Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, inkluża l-kwistjoni Palestinjana).