Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2019 (1)
Kawżi Magħquda C‑364/18 u C‑365/18
Eni SpA
vs
Ministero dello Sviluppo Economico,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
bl-intervent ta’:
Autorità di Regolazione per l’Energia, Reti e Ambiente,
Regione Basilicata,
Comune di Viggiano,
Regione Calabria,
Comune di Ravenna,
et,
Assomineraria
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja))
u
Shell Italia E & P SpA
vs
Ministero dello Sviluppo Economico,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Autorità di Regolazione per l’Energia, Reti e Ambiente,
bl-intervent ta’:
Regione Basilicata,
Comune di Viggiano,
Comune di Montemurro,
Comune di Grumento Nova,
Comune di Marisco Nuovo,
Comune di Marsicovetere,
Comune di Calvello,
Assomineraria
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 94/22/KE – Enerġija – Kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu tal-awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi – Tariffi dovuti għall-konċessjoni ta’ gass naturali – Kalkolu tat-tariffi – Parametru QE u Indiċi Pfor – Natura diskriminatorja”
1. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/22/KE (2) għat-tariffi (royalties) li l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-impriżi detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ gass naturali (3). Fil-verità, dawn it-tariffi huma l-ħlas li l-impriżi jagħmlu lill-Istat għall-aċċess u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi statali, bħall-idrokarburi, b’mod ġenerali, u l-gass naturali, b’mod partikolari.
2. B’mod partikolari, dan jirrigwarda l-istabbiliment ta’ jekk id-Direttiva 94/22 tippermettix lill-Istati Membri jużaw ċertu indiċi ta’ referenza (l-hekk imsejjaħ parametru QE) għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa, minflok ieħor li huwa konformi mal-prezz tas-suq tal-gass naturali.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 94/22
3. Skont ir-raba’, is-sitt, is-seba’ u t-tmien premessa:
“Billi l-Istati Membri għandhom is-sovranità u drittijiet ta’ sovranità fuq ir-riżorsi ta’ idrokarburi fit-territorji tagħhom;
[…]
Billi għandhom jittieħdu passi biex jiġi assigurat l-aċċess mhux diskriminatorju għal u t-twettiq ta’ l-attività jiet li jirrelataw mat-tħaffir, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi permezz ta’ kondizzjonijiet li jinkoraġġixxu aktar kompetizzjoni f’dan is-settur u b’hekk jiffavorixxu l-aħjar prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ riżorsi fl-Istati Membri u jirrinfurzaw l-integrazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija;
Billi, għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti regoli komuni biex jassiguraw li l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi jkunu miftuħa għall-entitajiet kollha li għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa; billi l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi pubblikati; billi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtorizzazzjonijiet jingħataw għandhom bl-istess mod ikunu magħrufa bil-quddiem mill-entitajiet kollha li jieħdu sehem f’dik il-proċedura;
Billi l-Istati Membri għandhom iżommu l-għażliet li jillimitaw l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attività jiet għal raġunijiet iġġustifikati mill-interess pubbliku u suġġetti għall-kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ kontribuzzjoni f’idrokarburi, bl-arranġamenti dettaljati ta’ l-imsemmija kontribuzzjoni għandha tkun stabbilita b’tali mod hekk li ma tfixkilx l-immaniġġar ta’ l-entitajiet; billi dawn l-għażliet għandhom jintużaw b’mod mhux diskriminatorju; billi, bl-eċċezzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet li jirrelataw ma’ l-użu ta’ din l-għażla, passi għandhom jittieħdu biex ikun evitat li jiġi impost fuq dawk l-entitajiet, kondizzjonijiet u obbligazzjonijiet li mhumiex ġustifikati mill-ħtieġa li din l-attività titwettaq sewwa; billi l-attività jiet ta’ l-entitajiet għandhom ikunu mmonitorjati biss sal-limitu meħtieġ biex tiġi assigurata l-konformità ma dawn l-obbligazzjonijiet u l-kondizzjonijiet”.
4. L-Artikolu 2(1) u (2) jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li għandhom jintgħamlu disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u għal produzzjoni ta’ idrokarburi.
2. Kull meta żona tintgħamel disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ dawn l-attività jiet.”
5. L-Artikolu 6(1), (2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) jistipula li:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 5(2) u l-obbligazzjonijiet dettaljati għall-użu ta’ awtorizzazzjoni speċifika jkunu ġġustifikati esklużżivament mill-ħtieġa li jiġi assigurat it-twettiq xieraq ta’ l-attivitajiet fiż-żona li għaliha tintalab l-awtorizzazzjoni, bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 u bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ kontribuzzjoni f’idrokarburi.
2. L-Istati Membri jisgħu, sal-limitu ġġustifikat mis-sigurtà nazzjonali, mis-sigurtà pubblika, mis-saħħa pubblika, mis-sigurtà ta’ trasport, mill-protezzjoni ta’ l-ambjent, mill-protezzjoni ta’ riżorsi bioloġiċi u teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storku jew arkeoloġiku, mis-sigurtà ta’ stallazzjonijiet u tal-ħaddiema, mill-immaniġġar ippjanat tar-riżorsi idrokarburi (per eżempju r-rata li biha l-idrokarburi jkunu eżawriti jew l-ottimizzazzjoni ta’ l-akkwist tagħhom) jew il-ħtieġa li jiġi assigurat l-introjtu tat-taxxa, jimponu kondizzjonijiet u ħtiġijiet dwar l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1).
3. Ir-regoli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1, inkluża kull ħtieġa għall-parteċipazzjoni ta’ l-Istat, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’tali mod li jassiguraw li l-indipendanza ta’ l-immaniġġar ta’ l-entitajiet tinżamm”.
B. Id-dritt Taljan
1. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 625/96
6. Skont l-Artikolu 19(1), (5) u (5)bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 625/96 (4)
“1. Fir-rigward tal-produzzjonijiet miksuba mill‑1 ta’ Jannar 1997, id-detenturi ta’ konċessjonijiet ta’ produzzjoni huma obbligati li jħallsu annwalment lill-Istat il-valur ta’ perċentwali tal-prodott tal-estrazzjoni li huwa ekwivalenti għal 7 % tal-kwantità ta’ idrokarburi likwidi u gassużi estratti mill-art u għal 7 % (5) tal-kwantità ta’ idrokarburi gassużi u għal 4 % tal-kwantità ta’ idrokarburi likwidi estratti mill-baħar.
[…]
5. Il-valuri ta’ kull unità tal-perċentwali li jikkorrispondi għal kull konċessjoni ta’ produzzjoni jiġu ddeterminati, fir-rigward ta’ kull wieħed mid-detenturi, skont il-medja pponderata tal-prezzijiet għall-bejgħ mitluba minnhom fis-sena ta’ referenza.
5bis Fir-rigward tal-produzzjonijiet miksuba mill‑1 ta’ Jannar 2002 il-valuri ta’ kull unità tal-perċentwali ta’ produzzjoni jiġu ddeterminati:
[…]
b) skont il-gass, għall-konċessjonijiet kollha u għad-detenturi kollha, fuq il-bażi ta’ medja aritmetika b’rabta mas-sena ta’ referenza tal-parametru QE, kwota enerġetika tal-ispiża tal-materja prima tal-gass, indikata f’euro għal kull MJ (megajoule), stabbilit mill-Awtorità (Superviżorja) tal-Elettriku u l-Gass, konformement mal-ftehim Nru 52/99 tat‑22 ta’ April 1999 tagħha, ippubblikat fil-Gazzetta Ufficiale (Ġurnal Uffiċjali) Nru 100 tat‑30 ta’ April 1999, u l-emendi sussegwenti tiegħu, fuq il-bażi ta’ ekwivalenza stabbilita ta’ 1 Sm3 (metru kubu standard) = 38.52 MJ. Mill‑1 ta’ Jannar 2003, l-aġġornament ta’ dan il-parametru, esklużivament għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, ser jitwettaq mill-Awtorità (Superviżorja) tal-Elettriku u l-Gass fuq il-bażi tal-parametri stabbiliti f’dan il-ftehim”.
2. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 7 tal‑31 ta’ Jannar 2007, li sar il-Liġi Nru 40 tat‑2 ta’ April 2007
7. Skont l-Artikolu 11(1) tad-Digriet Leġiżlattiv (6), ġie ddikjarat it-trasferiment, mid-detenturi tal-konċessjonijiet ta’ produzzjoni, tal-perċentwali tal-prodott dovuti lill-Istat fis-suq irregolat tal-kapaċitajiet, konformement mal-modalitajiet speċifikati fid-Digriet tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, wara konsultazzjoni mal-Autorità di Regolazione per l’Energia, Reti e Ambiente (l-Awtorità Superviżorja għall-Enerġija, in-Netwerks u l-Ambjent, l-Italja; iktar ’il quddiem l-“Awtorità Superviżorja”).
8. Bi żvilupp ta’ din ir-regola ġie approvat id-Digriet Ministerjali tas‑6 ta’ Awwissu 2010 (7) li, f’dan ir-rigward, indika li “proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-perċentwali jsiru permezz ta’ negozjar fi rkant” (Artikolu 4(1)); “offerti ta’ xiri inqas mill-parametru QE ma jiġux aċċettati […]” (Artikolu 4(3)); u “fil-każ li ma jsirx il-bejgħ, il-lott ta’ gass offrut jibqa’ disponibbli għad-detentur, li huwa obbligat li jħallas lill-Istat l-ekwivalenti f’ammont ugwali għall-parametru QE previst fil-paragrafu 3” (Artikolu 4(4)).
3. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/2012 tal‑24 ta’ Jannar, li sar, b’emendi, il-Liġi Nru 27 tal‑24 ta’ Marzu 2012
9. L-Artikolu 13 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/2012 (8) (“Miżuri għat-tnaqqis fil-prezz tal-gass naturali għall-klijenti vulnerabbli”) jipprovdi li:
“Mill-ewwel trimestru wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, l-Awtorità (Superviżorja) tal-Elettriku u l-Gass, bil-għan li tadatta l-prezzijiet ta’ referenza tal-gass naturali għall-klijenti vulnerabbli, fis-sens tal-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 164 tat‑23 ta’ Mejju 2000, u l-emendi sussegwenti tiegħu, għall-valuri Ewropej, fl-istabbiliment tal-ammonti varjabbli li jkopru l-ispejjeż ta’ provvista ta’ gass naturali, ser tintroduċi b’mod progressiv, fil-parametri li fuq il-bażi tagħhom jitwettaq aġġornament, ir-referenza għall-finijiet ta’ kwota li tiżdied gradwalment għall-prezzijiet tal-gass li jiġu rreġistrati fis-suq. Sakemm jinfetaħ is-suq tal-gass naturali, previst fl-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 99 tat‑23 ta’ Lulju 2009, is-swieq ta’ referenza li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ser ikunu s-swieq Ewropej stabbiliti skont l-Artikolu 9(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 130 tat‑13 ta’ Awwissu 2010.”
4. Dispożizzjonijiet addizzjonali
10. Permezz tal-Ftehim 196/2013/R/gas (9), l-Awtorità Superviżorja abbandunat definittivament, mill‑1 ta’ Ottubru 2013, il-parametru QE bħala parametru għall-istabbiliment tal-ispiża tal-gass, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ provvista favur il-klijenti vulnerabbli fis-suq protett.
11. L-element li jkopri l-ispejjeż ta’ provvista tal-gass naturali fis-swieq bl-ingrossa huwa l-indiċi Cmem, iddefinit esklużivament fir-rigward tas-suq fuq perijodu qasir tal-gass naturali, skont il-paragrafu 1(c) tad-dispożittiv ta’ dan il-ftehim.
12. Iċ-Cmem huwa riżultat tal-ġabra ta’ diversi elementi, fosthom l-indiċi Pfor.
13. Skont l-Artikolu 6(2)(d) tat-“Test integrat tal-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut ta’ gass naturali u gassijiet oħrajn distinti mill-gass naturali, iddistribwiti permezz ta’ netwerks urbani” (iktar ’il quddiem it-“TIVG”), fil-verżjoni tiegħu emendata mill-Ftehim 196/2013/R/gas, l-indiċi Pfor “indikat f’ewro/GJ (gigajoule), li jkopri l-ispejjeż ta’ provvista tal-gass naturali, huwa ugwali għall-medja aritmetika tal-kontribuzzjonijiet forward (għal ċertu żmien) trimestrali OTC (over the counter) b’rabta mat-trimestru t tal-gass, fil-hub TTF (10), irreġistrati minn Platts (11) b’riferiment għat-tieni xahar naturali qabel it-trimestru t”.
II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14. Eni SpA (iktar ’il quddiem “Eni”) u Shell Italia E&P Spa (iktar ’il quddiem “Shell”), huma żewġ kumpanniji detenturi ta’ konċessjonijiet għall-estrazzjoni tal-gass naturali fl-Italja (12), li huma preżenti wkoll fis-swieq bl-ingrossa u bl-imnut ta’ distribuzzjoni u bejgħ ta’ gass f’dan l-Istat Membru.
15. Iż-żewġ kumpanniji qegħdin jaffaċċjaw lill-awtoritajiet Taljani (13) billi jikkontestaw l-ammont tat-tariffi korrispondenti għas-sena 2015 li għandhom iħallsu lill-Istat għall-konċessjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, qegħdin jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2016 tad-Direzione generale per la sicurezza dell’approvvigionamento e le infrastrutture energetiche (id-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà tal-Provvista u l-Infrastrutturi tal-Enerġija), li s-suġġett tagħha kien id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 625/1996 — Artikolu 19(5)bis, il-parametru QE (kwota ta’ enerġija) 2015 — kwota ta’ enerġija, spiża ta’ materja prima tal-gass naturali għas-sena 2015” (14), kif ukoll tar-regoli u d-deċiżjonijiet li jservu bħala bażi għaliha.
16. Skont ir-rikorrenti, iż-żamma tal-parametru QE fl‑2015 bħala parametru għall-kalkolu tat-tariffi tmur kontra d-dritt. Fil-fehma tagħhom, dan il-kalkolu għandu jitwettaq fuq il-bażi tal-indiċi Pfor (fir-rigward tal-prezz tal-gass fis-suq għal żmien qasir) u mhux tal-parametru QE (fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet taż-żejt u ta’ kombustibbli oħrajn għal żmien itwal).
17. Fil-fatt, isostnu li l-parametru QE ġie abbandunat definittivament għar-regolamentazzjoni tariffarja tas-suq protett, u għaldaqstant ma għandux jiġi applikat għall-kalkolu tat-tariffi. Għalhekk, huma favur tal-indiċi Pfor il-ġdid, li l-Awtorità Superviżorja introduċiet preċiżament sabiex tirrifletti l-prezz tas-suq tal-gass.
18. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, bil-mekkaniżmu ta’ kalkolu attwali, inizjalment, fis-suq irregolat tal-kapaċitajiet u tal-gass, jiġu offruti l-perċentwali ta’ prodott li jikkorrispondu għall-Istat, u bħala miżura ekwivalenti għall-prezz imnaqqas tal-parametru QE. Meta, bħalma jiġri fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn il-perċentwali ma jinbigħux, l-impriża konċessjonarja żżomm din il-kwantità ta’ gass naturali, iżda tħallas lill-Istat il-prezz tiegħu kkalkolat bl-applikazzjoni tal-parametru QE, li jirriżulta iktar minn dak tas-suq. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li l-konċessjonarji huma obbligati li jiksbu l-perċentwali ta’ gass naturali bi prezz sinjifikattivament ogħla minn dak tas-suq, u għaldaqstant isofru dannu meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn tas-settur, il-kompetituri tagħhom, li ma humiex suġġetti għal dan l-obbligu.
19. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), fis-sentenza Nru 290/2018 tat‑18 ta’ Jannar, irreveda diversi deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju, mogħtija f’Ġunju 2016, li jikkonfermaw il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Taljani li kienu japplikaw il-parametru QE.
20. Madankollu, il-qorti tar-rinviju xorta tikkunsidra li jista’ jkun hemm diskriminazzjoni fir-rigward tad-detenturi tal-konċessjonijiet għall-produzzjoni ta’ gass naturali u għandha dubju dwar jekk l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna, koperta mis-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑18 ta’ Jannar 2018, tistax tipprekludi l-prinċipji tad-Direttiva 94/22.
21. F’din iċ-ċirkustanza, it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Artikolu 6(1) u fis-sitt premessa tad-[Direttiva 94/22] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari l-paragrafu 5-bis tal-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 625 tal‑1996, li, bis-saħħa tal-interpretazzjoni mogħtja mill-Consiglio di Stato bis-sentenza Nru 290/2018, tippermetti li jiġi impost, matul il-ħlas tat-tariffi, il-parametru QE, ibbażat fuq il-kwotazzjonijiet [kontribuzzjonijiet] taż-żejt u ta’ kombustibbli oħra, minflok ma jkun ibbażat fuq l-indiċi Pfor, li huwa marbut mal-prezz tal-gass fis-suq għal żmien qasir?”
22. Eni, Shell, Assomineraria, il-Comune di Viggiano (il-Muniċipju ta’ Viggiano, l-Italja), il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑4 ta’ April 2019 ipparteċipaw dawn kollha, minbarra l-Muniċipju ta’ Viggiano.
III. Ir-risposta għad-domanda preliminari
23. L-intervenjenti fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jaqblux fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju.
– Skont Eni, Shell u Assomineraria, il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi bbażat fuq il-parametru QE joħloq diskriminazzjoni u jisfavorixxi lid-detenturi ta’ konċessjonijiet ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali, meta mqabbla ma’ dawk li jwettqu biss attivitajiet ta’ distribuzzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-prodott. Il-parametru QE jieħu inkunsiderazzjoni l-prezz taż-żejt u ta’ idrokarburi oħrajn, ogħla minn dak tal-gass naturali, b’tali mod li l-ammont tat-tariffi għall-konċessjonijiet tal-gass huwa ogħla mill-prezz tal-bejgħ fis-suq tal-kwantitajiet ta’ gass li għall-bejgħ tagħhom għandhom jitħallsu t-tariffi msemmija.
– Il-Gvern Taljan, il-Muniċipju ta’ Viggiano u l-Kummissjoni jirrikonoxxu li d-Direttiva 94/22 tħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffi permezz tal-applikazzjoni ta’ parametru bħal dak QE. Fl-opinjoni tagħhom, id-Direttiva 94/22 ma tobbligax lill-Istati Membri sabiex jikkalkolaw dawn it-tariffi skont il-prezz tas-suq tal-gass naturali.
24. Sabiex tintemm din it-tilwima, jidhirli li huwa neċessarju li, qabel kollox, jiġi ttrattat il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ esplojtazzjonijiet tal-gass applikat fl-Italja.
A. Kalkolu tat-tariffi ta’ esplojtazzjonijiet tal-gass fl-Italja
25. Fuq il-bażi tal-Liġi Nru 6/1957 (15), l-Italja obbligat lill-impriżi ta’ estrazzjoni sabiex iħallsu tariffi għall-esplojtazzjonijiet tal-gass fit-territorju tagħha. Inizjalment, dawn it-tariffi setgħu jitħallsu in natura (perċentwali tal-gass estratt) jew fi flus. L-ammont finali kien l-istess fiż-żewġ każijiet, minħabba li l-ħlas fi flus ġie stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz medju tal-bejgħ tal-gass li l-impriża konċessjonarja tkun wettqet matul sena partikolari.
26. Wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 94/22 fid-dritt Taljan, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv 625/96, is-sitwazzjoni preċedenti baqgħet l-istess. L-impriżi konċessjonarji kienu baqgħu jħallsu t-tariffa in natura (ekwivalenti għal perċentwali tal-gass estratt) u fi flus (jiġifieri l-valur tas-suq ta’ din il-kwantità ta’ gass).
27. Permezz tar-riforma tal-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv 625/96, fid-dawl tal-Liġi Nru 239 tat‑23 ta’ April 2004, inbidlet is-sistema tat-tariffi.
28. Fil-fatt, il-formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv 625/96 tirrikjedi li, mill‑1 ta’ Jannar 2002, il-ħlas isir biss fi flus. Mill‑1 ta’ Jannar 2003, it-tariffa kienet tikkonsisti f’perċentwali tal-prodott estratt (16), li għalih kien japplika l-prezz tal-gass skont il-parametru QE. Dan il-parametru kien iddefinit bħala l-kwota ta’ enerġija tal-ispiża tal-materja prima tal-gass, indikata f’euro għal kull MJ (megajoule), u kellu jiġi ddeterminat mill-Awtorità Superviżorja konformement mal-parametri tal-ftehim Nru 52/99.
29. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-proċedura, kull xahrejn l-Awtorità Superviżorja kienet tikkalkola l-parametru QE b’riferiment għal grupp ta’ prodotti enerġetiċi (17), b’mod partikolari, fid-dawl tal-kontribuzzjonijiet medji taż-żejt u ta’ kombustibbli oħrajn, li rriżultaw mill-kuntratti pluriannwali tal-bejgħ bl-ingrossa. F’dak iż-żmien, il-parametru QE kien jirrifletti l-valur reali tas-suq tal-gass naturali, kif isostnu dawn il-partijiet (18).
30. Sussegwentement, riforma tal‑2007, speċifikata f’digriet tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku tas‑6 ta’ Awwissu 2010, ippermettiet lill-impriżi detenturi tal-konċessjonijiet ibigħu fis-“suq irregolat tal-kapaċitajiet u tal-gass” (iktar ’il quddiem “PSV”) (19), permezz ta’ rkant, il-perċentwali ta’ gass dovuti lill-Istat, billi jittrasferixxu l-kwantitajiet li jiġbru f’forma ta’ tariffa lill-Istat. Dan il-hub virtwali PSV huwa s-suq bl-ingrossa fejn jitwettqu t-trasferimenti tal-gass naturali kollha fl-Italja.
31. Madankollu, il-leġiżlazzjoni pprevediet iċ-ċaħda tal-offerti bi prezzijiet inqas mill-parametru QE. F’dan il-każ, il-lottijiet ta’ gass offruti jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-impriża detentriċi, li għandha tħallas lill-Istat it-tariffa ekwivalenti għal dawn il-lottijiet, f’ammont ugwali għall-parametru QE.
32. Jidher li l-parametru QE ma baqax allinjat mal-prezz tal-gass naturali tas-swieq, b’tali mod li l-impriżi konċessjonarji ta’ esplojtazzjonijiet tal-gass fl-Italja ma kienx qiegħed jirnexxilhom ibigħu l-perċentwali tal-gass fis-suq irregolat.
33. Id-diskrepanza bejn il-parametru QE u l-prezz tas-suq tal-gass naturali ġiet ikkonfermata meta l-Awtorità Superviżorja adottat il-Ftehim 196/2013/R/gas, li permezz tiegħu abbandunat definittivament, mill‑1 ta’ Ottubru 2013, il-parametru QE għall-istabbiliment tal-ispiża tal-gass fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ provvista favur il-klijenti tas-suq protett (20).
34. Il-ftehim 196/2013/R/gas laqa’, għall-istabbiliment tal-ispiża tal-gass, l-indiċi Pfor li jirrifletti l-kontribuzzjonijiet trimestrali tal-gass naturali fil-borża tal-gass Olandiża (il-hub TTF), irreġistrati minn Platts.
35. Madankollu, l-awtoritajiet Taljani komplew japplikaw il-parametru QE għall-istabbiliment tal-prezz tal-gass naturali għall-finijiet tat-tariffi. Minħabba li l-impriżi konċessjonarji fl‑2015 ma setgħux ibigħu, fl-irkantijiet tas-suq PSV, il-perċentwali ta’ gass korrispondenti għal dawn it-tariffi, isostnu li għaldaqstant kellhom iħallsu lill-Istat kwantitajiet ogħla minn dawk li kienu jħallsu kieku ġie applikat il-prezz tas-suq tal-gass għal żmien qasir (jiġifieri, dak li jirriżulta mill-indiċi Pfor).
36. Fl-annessi tal-proċess jiġi enfasizzat li:
– Il-valuri tal-parametru QE, indikati f’ewro/GJ (21) għall-erba’ trimestri tal‑2015, kienu ta’ 7.976985; 6.940217; 6.194914; u 5.573671. Għaldaqstant, il-medja tal-parametru QE għall-kalkolu tat-tariffi tal‑2015 kienet ta’ 6.671447 (22).
– Il-valuri f’euro/GJ tal-indiċi Pfor għall-erba’ trimestri tal‑2015 kienu ta’ 6.553299; 5.984375; 5.665388; u 5.564236. Il-medja tal-indiċi Pfor kienet ta’ 5.9418245 (23).
37. Minn din l-informazzjoni jirriżulta li, fis-sena 2015, il-parametru QE pprovda valuri ogħla minn dawk tal-indiċi Pfor. Konsegwentement, l-impriżi konċessjonarji ta’ esplojtazzjonijiet tal-gass ħallsu tariffi ta’ ammont ogħla (24) minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-valur tas-suq għall-partijiet tal-gass naturali korrispondenti.
B. Interpretazzjoni tad-Direttiva 94/22
38. Id-Direttiva 94/22 twettaq armonizzazzjoni mhux eżawrjenti tal-attivitajiet ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi fl-Unjoni Ewropea (25).
39. Din l-armonizzazzjoni minima taċċetta, bħala premessa, is-sovranità tal-Istati Membri fuq l-idrokarburi li jinsabu fit-territorji tagħhom (26), li huma riżorsi naturali għad-dispożizzjoni tagħhom. Id-Direttiva 94/22 tistabbilixxi proċedura għall-aċċess u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, sabiex tinkoraġġixxi iktar kompetizzjoni f’dan is-settur, tiffavorixxi l-aħjar ipprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ dawn ir-riżorsi, kif ukoll tirrinforza l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija (27).
40. B’mod partikolari, id-Direttiva tipprovdi li l-proċeduri għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet korrispondenti għandhom ikunu miftuħa għall-entitajiet kollha tal-Unjoni li għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa, fuq il-bażi ta’ “kriterji oġġettivi”, skont kundizzjonijiet magħrufa bil-quddiem mill-entitajiet kollha li jieħdu sehem f’dawn il-proċeduri (28).
41. Id-Direttiva 94/22 tawtorizza lill-Istati Membri jillimitaw l-aċċess u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet għal “raġunijiet iġġustifikati mill-interess pubbliku”, kif ukoll għal kontribuzzjoni (tariffa) (29).
42. It-tmien premessa u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/22 iħallu lill-Istati Membri fil-libertà li jagħżlu bejn tariffa konsistenti f’kontribuzzjoni finanzjarja (ħlas fi flus) jew f’idrokarburi (ħlas in natura). Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, fejn ġie magħżul il-ħlas tat-tariffa f’forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, hija kompatibbli mad-Direttiva 94/22.
43. Il-kwistjoni prinċipali f’din it-tilwima hija jekk id-Direttiva 94/22 tinkludix kundizzjonijiet b’rabta mal-ammont tat-tariffi u l-proċedura għall-kalkolu tagħhom. Diġà sostnejt li, fl-opinjoni tiegħi, din id-direttiva tippermetti marġni ta’ manuvra wiesa’ ħafna lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tat-tariffi.
44. Madankollu, huwa minnu li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-possibbiltà tagħhom li jistabbilixxu t-tariffi b’mod nondiskriminatorju (it-tmien premessa tad-Direttiva 94/22), b’tali mod li, fir-rigward tal-aċċess u l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ pprospettar, esplorazzjoni u esplojtazzjoni ta’ idrokarburi, l-impriżi jkunu fuq l-istess livell (Artikolu 2(2)) (30).
45. Madankollu, id-direttiva ma timponix restrizzjonijiet fuq l-Istati Membri, la fir-rigward tal-metodu ta’ stabbiliment u lanqas fir-rigward tal-ammont tat-tariffa. L-impriżi konċessjonarji ta’ esplojtazzjonijiet tal-gass li ppreżentaw osservazzjonijiet (Eni, Shell u l-assoċjazzjoni Assomineraria) jirrikonoxxu li Stat, bħalma għamlet l-Italja fl‑1999, seta’ jżid it-tariffa minn 7 għal 10 % tal-kwantitajiet ta’ gass estratti.
46. Madankollu, dawn l-impriżi jargumentaw li l-kalkolu tat-tariffa għandu jitwettaq permezz ta’ formula li tirrifletti l-prezz tal-bejgħ tal-gass fis-suq, li attwalment ma huwiex il-każ fir-rigward tal-parametru QE. Iżidu li l-applikazzjoni ta’ dan il-parametru jikkawżalhom dannu (diskriminazzjoni) minħabba li jkunu obbligati jixtru l-perċentwali tal-gass naturali korrispondenti għat-tariffa bi prezz ogħla minn dak tas-suq (li issa huwa konness mal-indiċi Pfor).
47. Ma naqbilx ma’ din l-opinjoni u, għall-kuntrarju, naħseb li l-applikazzjoni tal-parametru QE ma tiddiskriminax lill-impriżi konċessjonarji ta’ esplojtazzjonijiet tal-gass b’mod li jmur kontra d-Direttiva 94/22. Id-diskriminazzjoni li din ir-regola tipprojbixxi hija dik li Stat Membru jista’ jwettaq bejn impriżi detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet (pereżempju, inter alia, għal raġunijiet ta’ nazzjonalità, ta’ post ta’ residenza (31) jew ta’ oriġini tal-kapital soċjali tagħhom) fir-rigward tal-istabbiliment tat-tariffi. Dan ikun il-każ jekk l-impriżi b’kapital soċjali ta’ Stati Membri oħrajn ikollhom iħallsu tariffa ogħla minn dik tal-kapital Taljan .
48. L-approċċ ta’ Eni u Shell jiffoka fuq id-diskriminazzjoni li, fil-fehma tagħhom, hemm bejn l-impriżi detenturi tal-konċessjonijiet u dawk li jintervjenu fis-suq tad-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-gass naturali, mingħajr esplojtazzjoni tal-ebda sit. Dan l-approċċ jenfasizza li:
– Il-konċessjonarji jkunu obbligati li jixtru l-gass naturali korrispondenti għall-perċentwali tal-produzzjoni tiegħu, li għandhom iħallsu bħala tariffa, bi prezz ogħla minn dak tas-suq, b’applikazzjoni tal-parametru QE, bħala referenza għall-bejgħ ta’ dawn il-lottijiet ta’ gass fl-irkantijiet tas-suq PSV (32).
– L-impriżi li, mingħajr ma huma konċessjonarji tal-esplojtazzjoni, joperaw fis-suq tal-gass naturali fl-Italja ma humiex obbligati li jwettqu dawn l-akkwisti u lanqas li jħallsu tariffi lill-Istat Taljan.
49. Madankollu, id-Direttiva 94/22 hija limitata għall-prevenzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn l-impriżi konċessjonarji (rectius, detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet) ta’ esplojtazzjonijiet tal-gass, iżda ma tipprojbixxix id-disparità fit-trattament bejn dawn u dawk li jaġixxu biss bħala intermedjarji u bejjiegħa ta’ gass naturali fis-suq irregolat bl-ingrossa PSV jew fis-suq bl-imnut għal klijenti protetti.
50. Mill-perspettiva tal-ħlas tat-tariffi, il-konċessjonarji ta’ esplojtazzjonijiet u l-kumpanniji distributuri u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ gass naturali fis-swieq Taljani ma jinsabux f’sitwazzjonijiet komparabbli (33), minħabba li dawn tal-aħħar, nirrepeti, ma għandhom iħallsu l-ebda tip ta’ tariffa ta’ estrazzjoni lill-Istat Taljan. Għaldaqstant, naħseb li d-diskriminazzjoni allegata ma teżistix.
51. Din id-diskriminazzjoni, allegata mill-impriżi konċessjonarji, meta mqabbla mal-impriżi li esklużivament jikkummerċjalizzaw il-gass naturali fl-Italja, tista’ sseħħ biss meta l-prezz tas-suq tal-gass ikun baxx. Jekk dan il-prezz jiżdied fir-rigward taż-żejt u l-idrokarburi l-oħrajn użati fil-parametru QE, is-sitwazzjoni tinqaleb: ikun hemm konkorrenza għall-irkantijiet u l-impriżi konċessjonarji jbigħu l-gass naturali bi prezz ogħla minn dak li jirriżulta meta jiġi applikat il-parametru QE. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Taljan u li ma ġietx ikkonfutata mill-konċessjonarji, din is-sitwazzjoni ġrat fl‑2016 u fl‑2017, snin finanzjarji fejn il-konċessjonarji biegħu l-gass naturali fl-irkantijiet bi prezz ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-parametru QE (32.0 % fl‑2016 u 36.7 % fl‑2017) u l-indiċi Pfor (46.3 % fl‑2016 u 52.1 % fl‑2017). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konċessjonarji ma kellhomx għalfejn jerġgħu jixtru l-gass naturali estratt bi prezz ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-parametru QE.
52. Id-Direttiva 94/22 tistabbilixxi limiti oħrajn, mhux daqstant preċiżi, sabiex tillimita l-marġni wiesa’ rrikonoxxut lill-Istati Membri, fir-rigward tal-kwantifikazzjoni u l-metodu ta’ kalkolu ta’ dan it-tip ta’ kontribuzzjonijiet. B’mod partikolari:
– L-Artikolu 6(1) jeżiġi li t-tariffi jkunu “ġġustifikati esklużżivament mill-ħtieġa li jiġi assigurat it-twettiq xieraq ta’ l-attivitajiet fiż-żona li għaliha tintalab l-awtorizzazzjoni”.
– L-Artikolu 6(3) jistabbilixxi li “[r-]regoli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet […] għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’tali mod li jassiguraw li l-indipendanza ta’ l-immaniġġar ta’ l-entitajiet tinżamm”.
53. Barra minn hekk, la l-qorti tar-rinviju u lanqas l-impriżi obbligati li jħallsu t-tariffi ma sostnew li l-leġiżlazzjoni Taljana taqbeż dawn il-limiti.
54. Madankollu, dawn l-istess impriżi jsostnu li ma huwiex loġiku li jiġi applikat il-parametru QE għall-kalkolu tat-tariffi, minħabba li dan ma jiħux inkunsiderazzjoni l-prezz tas-suq tal-gass naturali, iżda l-prezz tal-kuntratti għal żmien twil taż-żejt u ta’ idrokarburi oħrajn. Skonthom, id-Direttiva 94/22 timpedixxi din il-possibbiltà u tobbliga l-applikazzjoni ta’ indiċi marbut mal-prezz tas-suq tal-gass naturali (bħall-indiċi Pfor, użat fis-suq Taljan għal klijenti protetti sa mill‑2013).
55. F’dan ir-rigward, Eni ssostni li l-użu tal-parametru QE jista’ jirriżulta f’assurdità fejn il-valur tat-tariffa jkun ogħla mill-prezz tal-gass naturali estratt mill-impriża konċessjonarja, jekk il-prezz tas-suq taż-żejt u ta’ idrokarburi oħrajn jiżdied kunsiderevolment b’rabta mal-prezz tas-suq tal-gass.
56. Dan l-argument, li jidher li kkonvinċa lill-qorti tar-rinviju, huwa bbażat fuq ċirkustanza (iż-żieda differenzjali ta’ indiċi fil-konfront ta’ ieħor) li tmur lil hinn mill-fatti li ġraw fis-sena 2015, li jsir riferiment għalihom fid-deċiżjoni tal-Awtorità Superviżorja, li hija s-suġġett tat-tilwima. Kif diġà spjegajt, id-differenza bejn il-parametru QE u l-indiċi Pfor matul din is-sena finanzjarja ma żdiditx (34); għaldaqstant l-ammont tat-tariffi ma rax żieda daqstant sinjifikattiva sabiex tipperikola l-vijabbiltà tal-esplojtazzjonijiet tal-gass tal-konċessjonarji. Barra minn hekk, kif deher iktar ’il fuq, fis-snin 2016 u 2017, iċ-ċirkustanza nbidlet minħabba li l-prezz tas-suq tal-gass naturali kien ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-parametru QE u l-indiċi Pfor.
57. Fi kwalunkwe każ, fl-għażla bejn indiċi u ieħor, jistgħu jintervjenu fatturi diskrezzjonali u ta’ opportunità politika, skont it-tariffi jiġux iddeterminati f’termini ftit jew wisq ogħla għall-kumpanniji konċessjonarji (u, b’mod ugwali, ftit jew wisq favorevoli għall-finanzi pubbliċi).
58. Fil-fatt, jista’ jkun loġiku li wieħed juża indiċi li jirrifletti l-prezz tas-suq tal-gass għal żmien qasir (indiċi Pfor). Madankollu, huwa loġiku li wieħed jirrikorri għal indiċi dipendenti fuq il-prezz għal żmien medju jew twil taż-żejt u ta’ idrokarburi oħrajn, bħall-parametru QE. Fil-fatt, l-għażla ta’ indikatur inqas stabbli tista’ tkun fattur li, b’mod leġittimu, il-leġiżlatur jevalwa sabiex jipprovdi iktar stabbiltà u prevedibbiltà għad-dħul pubbliku li jirriżulta mill-estrazzjoni ta’ idrokarburi.
59. Finalment, ma hemm l-ebda dubju li l-Istat Taljan jista’, b’mod leġittimu wkoll, iżid l-ammont tat-tariffi, billi jgħolli l-perċentwali ta’ gass naturali affettwat fuq il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (tariffa tal‑15 % tal-gass estratt, minflok 10 %, pereżempju), li jwassal għal riżultat analogu.
60. Dak li huwa sinjifikattiv, fir-rigward tar-risposta għad-domanda preliminari, huwa li l-użu ta’ parametru bħal dak QE ma jikser l-ebda wieħed mil-limiti tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/22, li għamilt riferiment għalihom iktar ’il fuq. U dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, għaldaqstant:
– Minn naħa waħda, “il-ħtieġa li jiġi assigurat l-introjtu tat-taxxa” (Artikolu 6(2)) tiġġustifika l-użu tal-parametru QE, minħabba li, bl-applikazzjoni tiegħu għall-perċentwali ta’ gass li l-impriżi konċessjonarji għandhom jallokaw għall-ħlas tat-tariffi (attwalment 10 %), l-Istat Taljan jista’ jikseb irkupru ikbar.
– Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi żgurat it-twettiq korrett tal-attivitajiet fiż-żona, li għalih tintalab awtorizzazzjoni (Artikolu 6(1)), jew iż-żamma tal-indipendenza tal-ġestjoni tal-entitajiet (Artikolu 6(3)) ma jiġux kompromessi bl-użu tal-parametru QE, mill-inqas fil-perċentwali applikati fl‑2015.
61. Fi kwalunkwe każ, huma l-qrati nazzjonali, li għad-dispożizzjoni tagħhom għandhom il-punti kollha ta’ fatt, li għandhom jevalwaw jekk il-każ li wieħed jirrikorri għal parametru bħal dak QE, mhux marbut mal-prezz tas-suq tal-gass, sabiex jikkalkola t-tariffi li jirriżultaw mill-konċessjonijiet tal-gass, jipproduċix, f’sena partikolari, effetti inkompatibbli mal-limiti li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/22 jistabbilixxi għall-kalkolu ta’ dawn it-tariffi.
62. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tqajjimx din il-kwistjoni fid-digriet tagħha, inżid li l-qrati nazzjonali wkoll għandhom jivverifikaw, permezz ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi fattwali u ġuridiċi rilevanti kollha, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità (35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tagħti deċiżjoni (36).
63. Din l-evalwazzjoni individwali diġà kienet twettqet mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 290/2018, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha. Sabiex din tal-aħħar titbiegħed mill-kriterju stabbilit mill-ogħla organu tal-qorti amministrattiva Taljana, li għandha l-aħħar kelma dwar l-applikazzjoni tad-dritt intern, fl-opinjoni tiegħi, għandu jkollha ħafna raġunijiet sodi li jdgħajfu din l-evalwazzjoni b’mod inekwivoku.
64. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżervi, nirrikonoxxi li jeżistu mill-inqas żewġ fatturi addizzjonali li huma favur il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-metodu għall-istabbiliment tat-tariffi adottat mill-awtoritajiet Taljani.
65. L-ewwel fattur huwa li kemm l-Artikolu 6(1), kif ukoll it-tmien premessa tad-Direttiva 94/22 jippermettu lill-Istati Membri jirrikorru għal kontribuzzjoni in natura jew għal kontribuzzjoni fi flus. B’dan il-mod, l-Istati Membri jintalbu jagħżlu bejn iż-żewġ alternattivi, mingħajr ma jkun hemm rabta bejniethom. Għalhekk, mid-direttiva ma jiġix dedott li t-tariffa, kemm jekk in natura, kemm jekk bħala kontribuzzjoni finanzjarja, tista’ tikkoinċidi jew hija marbuta mal-valur tas-suq tal-kwota tal-gass estratt.
66. It-tieni fattur huwa li l-Istat Membru ma jiksirx neċessarjament il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jistabbilixxi l-ammont tat-tariffa fi flus bl-applikazzjoni ta’ parametru bħal dak QE, li ma jiżgurax l-ekwivalenza bejn il-valur tas-suq tal-perċentwali ta’ gass korrispondenti għat-tariffa u l-ammont finanzjarju ta’ din it-tariffa. Nirrepeti li din l-ekwivalenza ma hijiex l-għan tad-Direttiva 94/22. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jużaw indiċi ta’ referenza bħal dak Pfor.
67. L-inkompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ legiżlazzjoni nazzjonali ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 94/22 tista’ tiġi kkunsidrata jekk il-proċedura għall-istabbiliment tal-ammont tagħhom twassal għall-impożizzjoni ta’ tariffi tant għolja li, fil-prattika, jagħmlu l-attivitajiet ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ gass naturali impossibbli. Mill-informazzjoni tad-digrieti, ma jidhirx li din hija s-sitwazzjoni li rriżultat mil-leġiżlazzjoni Taljana li timponi l-użu tal-parametru QE.
68. Għad-differenza ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-parametru QE tista’ ftit jew wisq tikkawża tibdil fil-bilanċ finanzjarju inizjalment previst fil-konċessjonijiet rispettivi. Jekk tinqala’ din il-problema (li tista’ tiġi kkawżata kemm minn bidla fl-indiċi, kif ukoll minn żieda fil-perċentwali tat-tariffa), is-soluzzjoni għaliha tista’ tinstab fir-regoli interni li jirregolaw il-bilanċ konċessjonali u mhux fid-Direttiva 94/22 (37).
69. Finalment, l-allegazzjoni li l-applikazzjoni tal-parametru QE tikkostitwixxi restrizzjoni inġusta tad-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi miċħuda, mingħajr il-ħtieġa ta’ ġustifikazzjonijiet aħjar. Il-proprjetà li toriġina mill-idrokarburi tikkorrispondi għall-Istat Taljan u, jekk dan jiddeċiedi li jawtorizza l-konċessjoni tagħha għal impriża sabiex twettaq l-estrazzjoni tagħhom, dan jista’ jikkundizzjona l-għoti ta’ riżorsi pubbliċi għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-finanzi tal-Istat minn min jesplojtjahom.
IV. Konklużjoni
70. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li t-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) tingħatalha r-risposta li ġejja:
“L-Artikolu 6(1), (2) u (3), u t-tmien premessa tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-ammont tat-tariffi li għandhom iħallsu l-impriżi detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esplojtazzjoni tal-gass skont parametru (bħal dak QE) ibbażat fuq il-kontribuzzjonijiet taż-żejt u ta’ kombustibbli oħrajn għal żmien medju jew twil, minflok ma jużaw indiċi ieħor (bħal dak Pfor) marbut mal-prezz tal-gass tas-suq għal żmien qasir.”
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262).
3 Fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/22 jintuża t-terminu “awtorizzazzjoni” f’sens komprensiv (“kull liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew kuntrattwali jew strument maħruġ taħtha li bih l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jintitolaw entità li teżerċita, għaliha stess u fuq ir-riskju tagħha, dritt esklużiv li tipprospetta jew tesplora għal jew tipproduċi idrokarburi f’żona ġeografika”). Kif ġie stipulat fid-digrieti, fl-Italja dawn l-awtorizzazzjonijiet jieħdu l-forma ġuridika ta’ “konċessjonijiet” (preċiżament, konċessjonijiet pubbliċi) u d-detenturi tagħhom jissejħu “konċessjonarji”. F’dawn il-konklużjonijiet ser nuża ż-żewġ termini.
4 Decreto Legislativo 25 novembre 1996, n. 625 – Attuazione della direttiva 94/22/CEE relativa alle condizioni di rilascio e di esercizio delle autorizzazioni alla prospezione, ricerca e coltivazione di idrocarburi (Digriet Leġiżlattiv Nru 625/96 – Implimentazzjoni tad-Direttiva 94/22) tal‑25 ta’ Novembru 1996 (GURI Nru 293 tal‑14 ta’ Diċembru 1996; iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 625/96”).
5 Sussegwentement, dan il-perċentwali ġie miżjud għal 10 %, skont l-Artikolu 45(1) tal-Liġi Nru 99 tat‑23 ta’ Lulju 2009.
6 Legge 2 aprile 2007, n. 40, Conversione in legge, con modificazioni, del decreto‑legge 31 gennaio 2007, n. 7, recante misure urgenti per la tutela dei consumatori, la promozione della concorrenza, lo sviluppo di attività economiche e la nascita di nuove imprese (il-Liġi Nru 40 ta’ validazzjoni, b’emendi, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 7 tal‑31 ta’ Jannar 2007 dwar il-miżuri urġenti għall-protezzjoni tal-konsumatur, il-promozzjoni tal-kompetizzjoni, l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi u l-ħolqien ta’ impriżi ġodda) tat‑2 ta’ April 2007 (GURI Nru 77 tat‑2 ta’ April 2007).
7 Decreto ministeriale 6 agosto 2010 – Decreto per la vendita delle aliquote di prodotto della produzione di gas nel territorio nazionale, royalties, destinate allo stato (Digriet Ministerjali – Digriet għall-bejgħ tal-alikwoti tal-produzzjoni tal-gass fit-territorju nazzjonali, royalties, maħsuba għall-Istat) tas‑6 ta’ Awwissu 2010 (GURI Nru 200 tas‑27 ta’ Awwissu 2010).
8 Legge 24 marzo 2012, n. 27 – Disposizioni urgenti per la concorrenza, lo sviluppo delle infrastrutture e la competitività (il-Liġi Nru 27 – Dispożizzjonijiet ta’ urġenza għall-kompetizzjoni, l-iżvilupp tal-infrastrutturi u l-kompetittività) tal‑24 ta’ Marzu 2012 (GURI Nru 71 tal-24 ta’ Marzu 2012).
9 Deliberazione 9 maggio 2013 196/2013/R/gas, seconda fase della riforma delle condizioni economiche applicate ai clienti finali del servizio di tutela nel mercato del gas naturale a partire dal 1 ottobre 2013. Modifiche al TIVG. Ara .
10 Il-hub TTF (Title Transfer Facility) hija l-borża tal-gass Olandiża. Ara .
11 Platts kienet diviżjoni f’dik multinazzjonali McGraw‑Hill, li kienet taġixxi bħala kumpannija regolatorja tas-suq finanzjarju tal-kuntratti tal-futur u opzjonijiet ta’ prodotti sekondarji nnegozjati fis-swieq tal-oriġini tal-prodotti enerġetiċi għal kulħadd. Fl‑2016, McGraw Hill Financial saret S&P Global u Platts saret S&P Global Platts u għadha l-kumpannija indipendenti li tipprovdi informazzjoni, prezzijiet ta’ referenza u analiżi dwar is-swieq ta’ materji primi u ta’ prodotti enerġetiċi. Ara .
12 Eni twettaq esplojtazzjonijiet tal-gass kemm fuq l-art, kif ukoll taħt il-baħar. Shell tagħmel dan esklużivament fuq l-art, fir-reġjun tal-Basilicata.
13 B’mod partikolari, il-Ministero dello Sviluppo Economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja), il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi, l-Italja) u l-Awtorità Superviżorja.
14 Comunicato del 24 marzo 2016 – Indice QE 2015. Quota energetica costo materia prima del gas naturale per l’anno 2015, disponibbli fuq .
15 Legge 11 gennaio 1957, n. 6, Ricerca e coltivazione degli idrocarburi liquidi e gassosi (GURI Nru 25 tad-29 ta’ Jannar 1957).
16 Il-perċentwali kien żdied għal 7 % tal-kwantità ta’ idrokarburi likwidi u gassużi estratti mill-art; għal 7 % tal-kwantità ta’ idrokarburi gassużi estratti fil-baħar (għalkemm din iċ-ċifra għoliet għal 10 % skont l-Artikolu 45(1) tal-Liġi Nru 99 tat‑23 ta’ Lulju 2009); u għal 4 % tal-kwantità ta’ idrokarburi likwidi estratti mill-baħar.
17 Deliberazione 28 maggio 2009 – ARG/gas 64/09 Approvazione del Testo integrato delle attività di vendita al dettaglio di gas naturale e gas diversi da gas naturale distribuiti a mezzo di reti urbane (TIVG), fuq . Skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni tal-Awtorità Superviżorja, il-parametru QE jiġi stabbilit b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet taż-żejt Brent, taż-żejt tal-gass u taż-żejt kombustibbli b’livell baxx ta’ kubrit.
18 Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-attivitajiet ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ żejt u ta’ gass naturali huma suġġetti għal kundizzjonijiet simili u għandhom jiġu ttrattati f’kuntest komuni, differenti minn dak tal-attivitajiet sussegwenti. Dan jiġi indikat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi, COM (92) 110 finali tal‑11 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1992, C 139, p. 12).
19 Snam Rete Gas tmexxi l-hub virtwali PSV (“Punto di Scambio Virtuale”), fejn isiru t-trasferimenti u l-iskambji bilaterali ta’ kuljum tal-gass injettat fin-netwerk nazzjonali ta’ gassdotti fl-Italja. L-Awtorità Superviżorja kklassifikat lil PSV bħala “suq irregolat tal-kapaċitajiet u tal-gass”. Ara .
20 Fir-rigward ta’ dan is-suq, ingħatat is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205). “Klijent protett” huwa klijent domestiku li jkun konness ma’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass u li għalih għandha tiġi żgurata l-provvista, kif stabbilit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU 2017, L 280, p. 1).
21 Gigajoule (GJ) hija ekwivalenti għal 109 joules (J), fejn il-joule hija l-unità li tirriżulta mis-Sistema Internazzjonali tal-Unitajiet użata għall-kejl tal-enerġija, ix-xogħol u s-sħana. Bħala unità ta’ enerġija u ta’ xogħol, il-joule hija ddefinita bħala l-kwantità ta’ xogħol imwettaq minn forza kostanti ta’ newton, f’metru ta’ tul fl-istess direzzjoni tal-forza.
22 Comunicato del 24 marzo 2016 – Indice QE 2015. Quota energetica costo materia prima del gas naturale per l’anno 2015, disponibbli fuq .
23 L-informazzjoni tinsab fuq il-portal tal-Awtorità Superviżorja: .
24 Fis-seduta, Shell affermat li sofriet dannu ta’ EUR 1 237 538 u Eni dannu ta’ EUR 8 114 895 matul is-sena finanzjarja 2015.
25 Id-Direttiva 94/22 tat ftit lok għal kontenzjuż: ġie ppreżentat biss rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Polonja għat-traspożizzjoni żbaljata min-naħa tagħha, riżolt permezz tas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑569/10, EU:C:2013:425.
26 Ir-raba’ premessa: “[L-]Istati Membri għandhom is-sovranità u drittijiet ta’ sovranità fuq ir-riżorsi ta’ idrokarburi fit-territorji tagħhom”.
27 Ara, b’mod partikolari, is-sitt premessa u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/22.
28 Ara, b’mod partikolari, is-seba’ premessa u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/22.
29 Ara, b’mod partikolari, it-tmien premessa u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/22.
30 “[S]kont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward tal-aċċess għal u l-eżerċitar tal-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni tal-idrokarburi, fiż-żoni li huma disponibbli għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet” (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑569/10, EU:C:2013:425, punt 50).
31 Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 18(1)(2)(b) tal-Liġi Pollakka dwar il-Ġeoloġija u l-Minjieri kienet teżiġi li operatur ekonomiku li jinsab fi Stat Membru ieħor li jixtieq li jikseb konċessjoni ta’ pprospettar, ta’ esplorazzjoni jew ta’ esplojtazzjoni ta’ idrokarburi fil-Polonja għandu jkollu sede jew stabbiliment fit-territorju Pollakk, inkluż qabel ma tingħatalu l-konċessjoni. Id-dispożizzjoni ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22 (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑569/10, EU:C:2013:425, punti 51 u 52) minħabba li kienet tagħmel l-aċċess għall-attività ta’ esplojtazzjoni ta’ idrokarburi iktar diffiċli għall-operaturi barranin milli għal dawk stabbiliti prinċipalment fil-Polonja.
32 L-impriżi konċessjonarji għandhom jixtru l-lottijiet tal-gass tagħhom fl-irkantijiet tas-suq bl-ingrossa PSV bi prezz li jirriżulta mill-parametru QE, li għandhom iħallsu lill-Istat bħala tariffa. Sussegwentement, dawn għandhom ibigħu dan il-gass bl-iktar prezz baxx predominanti fis-suq bl-ingrossa PSV u fis-suq bl-imnut protett għal klijenti vulnerabbli, fejn jiġi applikat l-indiċi Pfor għall-istabbiliment tal-prezz tal-bejgħ tal-gass naturali, li huwa inqas minn dak tal-parametru QE.
33 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/18, EU:C:2018:961, punt 66; u tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23).
34 Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 “[H]ija l-qorti tar-rinviju, hija u tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tivverifika, fl-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi marbuta mal-għoti tal-liċenzji l-ġodda, jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħha” (sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers, C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 40; u tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 37).
36 Il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa applikabbli għall-Istati Membri meta jiżviluppaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, li jobbligahom sabiex l-aġir tagħhom ikun xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija u ma jaqbżux il-limiti li hemm bżonn sabiex jagħmlu dan. Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2018, Spika et (C‑540/16, EU:C:2018:565), punti 45 u 46; tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985), punt 52; u tas‑26 ta’ Marzu 2015, Macikowski (C‑499/13, EU:C:2015:201), punti 47 u 48.
37 Għal darba oħra hija s-sentenza Nru 290/2018 tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li fil-punt 66, in fine, tittratta din il-kwistjoni. Sabiex jiġi deċiż jekk kienx seħħ “żbilanċ fil-kundizzjonijiet integrali tal-konċessjonijiet [tal-gass] stess”, kien ikollu jitwettaq “eżami sħiħ tal-klawżoli kollha [ta’ dawn il-konċessjonijiet] u […] [tar-]responsabbiltajiet u [l-]vantaġġi konsegwenti”, li jmur lil hinn mit-tilwima ppreżentata quddiem din il-qorti.