Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fid‑29 ta’ Lulju 2019(1)
Kawża C‑385/18
Arriva Italia Srl,
Ferrotramviaria SpA
Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi (CO.TRA.P)
vs
Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,
fil-preżenza ta’:
Ferrovie dello Stato Italiane SpA,
Ferrovie del Sud Est e Servizi Automobilistici Srl,
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija lill-operatur ta’ infrastruttura ferrovjarja lokali f’diffikultajiet finanzjarji — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Iż-żmien li fih l-għajnuna titqies li tkun ingħatat — Kriterju ta’ investitur privat — Benefiċjarju tal-vantaġġ — Distorsjoni tal-kompetizzjoni”
Werrej
I. Id-dritt Taljan
A. Il-Liġi tal2016 dwar l-Istabbiltà
B. Id-Digriet Nru 9/2016
C. Id-Digriet Nru 264/2016
D. L-att ta’ trasferiment
E. Id-Digriet-Liġi Nru 50/2017
II. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari magħmula
III. Analiżi
A. L-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun
1. Intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat
2. L-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
3. Vantaġġ selettiv mogħti lill-benefiċjarju
4. Distorsjoni tal-kompetizzjoni jew theddida għaliha
B. It-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE
1. Intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat
2. L-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
3. Vantaġġ selettiv mogħti lill-benefiċjarju
a) Ingħata vantaġġ lil FSI?
b) Ingħata vantaġġ lil FSE?
4. Disorsjoni tal-kompetizzjoni, jew theddida għaliha
IV. Konklużjoni
1. It-tilwima f’din il-kawża qamet minħabba l-miżuri meħuda fl‑2016 mill-Istat Taljan, li permezz tagħhom ingħata sussidju kbir, mingħajr ma jitħallas lura, lill-operatur tal-Istat ta’ infrastruttura ferrovjarja lokali u fornitur ta’ servizzi ta’ trasport lokali għal passiġġieri, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja serja tiegħu. Barra minn hekk, it-tiżmim tal-azzjonijiet kollha tal-Istat għand dak l-operatur kien ittrasferit, mingħajr korrispettiv, lill-operatur tal-Istat tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun obbligat jirriprestina l-vijabbiltà finanzjarja tal-kumpannija ttrasferita. Il-legalità ta’ dawk il-miżuri kienet ikkontestata minn fornituri oħra ta’ servizzi ta’ trasport lokali għal passiġġieri li kienu esprimew, inutilment, interess fit-trasferiment. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tgħid jekk dawk il-miżuri jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.
2. Dan il-kawża tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-opportunità li tipprovdi gwida dwar il-kunċetti ta’ vantaġġ u distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-fini ta’ klassifikazzjoni ta’ intervent mill-Istat bħala għajnuna mill-Istat. Domanda li għandu jkun hemm risposta għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk kienx ingħata vantaġġ lix-xerrej, minkejja li kien intrabat jirripristina l-vijabbiltà tal-operatur lokali, u jekk il-benefiċjarju tat-trasferiment huwiex ix-xerrej (jekk il-vijabbiltà tal-kumpannija ttrasferita tista’ tiġi rripristinata u terġa’ tibda tagħmel qligħ) jew il-kumpannija ttrasferita (li tibbenefika mill-obbligu tax-xerrej li jirripristina l-vijabbiltà tagħha). Domanda oħra għall-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk il-fatt li l-benefiċjarju (jew il-benefiċjarji) ta’ għajnuna, ikun jopera fi swieq suġġetti għal monopolji legali u, għalhekk, ma jkunux miftuħa għall-kompetizzjoni, jipprekludix li jinstab li l-għajnuna tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
I. Id-dritt Taljan
A. Il-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà
3. Fl-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà (2), l-Istat Taljan ipprovda sabiex Ferrovie del Sud Est e Servizi Automobilistici Srl (iktar ’il quddiem “FSE”) kellha titqiegħed għall-proċedura ta’ insolvenza minħabba “s-sitwazzjoni finanzjarja serja” tagħha. Din kellha titwettaq permezz ta’ digriet tal-Ministro delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“MIT”).
4. It-tieni u l-ħames sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà jitolbu lill-kummissarju speċjali, rispettivament, sabiex “iħejji pjan għal ristrutturar industrijali” li tikkonċentra fuq it-tnaqqis ta’ spejjeż operattivi, u jissottometti proposti lill-MIT “għat-trasferiment jew għat-tneħħija [ta’ FSE] skont kriterji u proċeduri ddefiniti b’digriet” mill-MIT. Barra minn hekk, is-sitt u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà jipprovdu li “sakemm jitwettaq il-pjan ta’ ristrutturar imsemmi diġà, sabiex ikun żgurat li [FSE] tkompli taħdem, tkun awtorizzata n-nefqa ta’ [EUR 70 miljun] għas-sena 2016”.
B. Id-Digriet Nru 9/2016
5. L-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 9/2016 (3) jipprovdi li FSE kellha titqiegħed għall-proċedura ta’ insolvenza u stabbilixxa li s-somma ta’ EUR 70 miljun allokata skont il-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà kienet intiża bħala żieda tal-kapital ta’ FSE, li seta’ jintuża anki mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-azzjonist pubbliku “sabiex ikun żgurat li s-servizz pubbliku pprovdut [minn FSE] jitkompla b’mod regolari billi jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikun żgurat li n-negozju jibqa’ għaddej u sabiex jiġi rripristinat il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju [ta’ FSE]”.
C. Id-Digriet Nru 264/2016
6. Id-Digriet Nru 264/2016 (4) jipprovdi għat-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet kollha tal-MIT fil-kapital ta’ FSE lil Ferrovie dello Stato Italiane SpA (iktar ’il quddiem “FSI”), kumpannija li min-naħa tagħha hija proprjetà kollha hemm hija tal-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“MEF”).
7. Ix-xerrej kien magħżul abbażi tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Digriet Nru 264/2016, jiġifieri: (a) “l-effiċjenza tat-tiżmim tal-azzjonijiet pubbliċi fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni f’entità ekonomika waħda miżmuma mill-istess sid (korp tal-Istat)”; (b) “il-pussess, mix-xerrej, ta’ kapaċità u assi industrijali biżżejjed sabiex ikun żgurat li jitkomplew l-impjiegi u s-servizzi u sabiex tingħata garanzija lil kredituri […]” u (c) “ir-ristrutturar tal-kumpannija, filwaqt li jitqies il-valur nett negattiv tal-ishma [ta’ FSE]”.
8. Meqjusa dawk il-kriterji, l-Artikolu 2(2) tad-Digriet Nru 264/2016 jgħid li t-trasferiment lil FSI jkun “mingħajr korrispettiv”.
D. L-att ta’ trasferiment
9. Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Novembru 2016, iċċertifikat minn nutar, (iktar ’il quddiem l-“att ta’ trasferiment”), il-MIT ittrasferixxa lil FSI t-tiżmim tal-azzjonijiet kollha tiegħu fil-kapital ta’ FSE.
10. B’memorandum fl-istess jum (iktar ’il quiddiem il-“memorandum ministerjali”), il-MIT stabbilixxa li kienu tħarsu l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) tad-Digriet Nru 264/2016. B’mod partikolari, skont dak il-memorandum, FSI ntrabtet li tirrimedja s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi ta’ FSE. Madankollu, skont il-memorandum ministerjali, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) kienet iddeċidiet li ma tibdiex il-proċedura ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 16(4) tal-Liġi Nru 287/1990 (5) b’rabta mat-trasferiment.
11. Barra minn hekk, il-memorandum ministerjali jgħid li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun skont l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà “għandha tintuża – bla ħsara għal restrizzjoni esklużiva ta’ użu – sabiex tkopri l-ħtiġijiet finanzjarji tal-infrastruttura ferrovjarja [ta’ FSE], f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni”.
E. Id-Digriet-Liġi Nru 50/2017
12. Wara t-trasferiment, l-Artikolu 47(7) tad-Digriet-Liġi Nru 50/2017 (6) ħa post l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà bil-kliem li ġej: “Bla ħsara għall-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu, għandha tkun awtorizzata n-nefqa ta’ EUR 70 miljun għall‑2016. Ir-riżorsi korrispondenti għandhom jiġu ttrasferiti għall-kapital [ta’ FSE], li għandhom jintużaw, skont ir-regoli [tal-Unjoni] f’dan il-qasam u b’rabta mal-pjan għar-ristrutturar tal-kumpannija, sabiex ikopru biss l-obbligazzjonijiet, fejn applikabbli u li kienu diġà jeżistu, u għall-ħtiġijiet finanzjarji tas-settur tal-infrastruttura. L-atti, il-miżuri u l-operazzjonijiet diġà implimentati skont [id-Digriet Nru 264/2016] ma għandhomx jintlaqtu.”
II. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari magħmula
13. FSE, impriża dak iż-żmien proprjetà kollha tal-MIT, tħaddem infrastruttura ferrovjarja li hija proprjetà tar-Regione Puglia (ir-Reġjun tal-Puglia, l-Italja) u tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju pubbliku għal passiġġieri u servizzi relatati mat-trasport bit-triq f’żona tal-Puglia (fis-Salento).
14. Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja serja tagħha FSE tqiegħdet għall-proċedura ta’ insolvenza mill-Istat Taljan, skont l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà u tad-Digriet Nru 9/2016. L-Istat Taljan awtorizza wkoll allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun sabiex jiggarantixxi li s-servizzi mħaddma minn FSE jkomplu joperaw matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.
15. Fl‑4 ta’ Awwissu 2016 id-Digriet Nru 264/2016 ipprovda għat-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet kollha tal-MIT fil-kapital ta’ FSE għal FSI, impriża proprjetà kollha tal-MEF u l-kumpannija holding ta’ grupp li (permezz tar-Rete Ferroviaria SpA, sussidjarja ta’ FSI) tħaddem l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali u (permezz ta’ Trenitalia SpA [iktar ’il quddiem “Trenitalia”], sussidjarja proprjetà kollha ta’ FSI), tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju u bit-triq għal passiġġieri u merkanzija. It-trasferiment kien mingħajr korrispettiv. Hija kienet obbligata minn FSI, tirrimedja s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi ta’ FSE. Ma saret ebda proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti għall-għażla tax-xerrej ta’ FSE.
16. Fit‑12 ta’ Ottubru 2016, skont l-Artikoli 20 u 21 tal-Liġi Nru 287/1990, l-AGCM bagħtet avviż lill-Gvern Taljan dwar it-trasferiment ippjanat tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE u dwar l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun minħabba li, fil-fehma tagħha, dik l-operazzjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (7).
17. Arriva Italia Srl (iktar ’il quddiem “Arriva Italia”), Ferrotramviaria SpA (“Ferrotramviaria”) u Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi (CO.TRA.P) (iktar ’il quddiem il-“Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi”), li kollha joperaw fis-settur tat-trasport pubbliku ferrovjarju u bit-triq, kienu wrew interess li jakkwistaw FSE. Fl‑24 ta’ Ottubru 2016, dawk il-kumpanniji fetħu kawża għall-annullament tad-Digriet Nru 264/2016 quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja). Huma ssottomettew li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun u t-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijet fi FSE kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, u li, meta naqas li jinforma lill-Kummissjoni dwar tali miżuri u fl-implimentazzjoni tagħhom, l-Istat Taljan aġixxa bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.
18. Fil‑21 ta’ Novembru 2016 l-AGCM, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tawtorizza konċentrazzjonijiet, iddeċidiet li ma tibdiex il-proċedura ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 16(4) tal-Liġi Nru 287/1990 b’rabta mal-avviż tat-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE (8).
19. Fit‑28 ta’ Novembru 2016 kien implimentat it-trasferiment permezz tal-att ta’ trasferiment imsemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq.
20. F’Jannar 2017, FSE ppreżentat rikors mat-Tribunale di Bari (il-Qorti Distrettwali ta’ Bari, l-Italja) fejn talbet sabiex tidħol f’arranġament mal-kredituri.
21. B’sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017 it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) ċaħad it-talba miġjuba quddiemu.
22. Arriva Italia, Ferrotramviaria u Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi ressqu appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).
23. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) issospenda l-proċeduri quddiemu u għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) Fiċ-ċirkustanzi fattwali u legali esposti iktar ’il fuq, miżura li tikkonsisti fl-allokazzjoni permezz ta’ liġi ta’ somma ta’ EUR 70 miljun lil operatur fis-settur tat-trasport ferrovjarju, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti [bl-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-istabbiltà], kif emendata bid-[Digriet‑Liġi Nru 50/2017], segwita bit-trasferiment minn dan l-operatur favur operatur ekonomiku ieħor, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr korrispettiv, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE?
(2) Jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi stabblilit jekk l-għajnuna inkwistjoni hijiex madankollu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u liema huma l-konsegwenzi fattwali tan-nuqqas ta’ notifika tagħha konformement mal-Artikolu 10[8](3) TFUE?” (9)
24. Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ssottomessi kollettivament minn Arriva Italia, Ferrotramviaria u Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi. FSI, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea wkoll issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019.
III. Analiżi
25. Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn il-konklużjonijiet ser nillimita lili nnifsi għall-eżami tal-ewwel domanda magħmula.
26. Permezz ta’ dik id-domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-allokazzjoni statutorja ta’ EUR 70 miljun lil operatur lokali fis-settur tat-trasport ferrovjarju, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà, kif emendata bid-Digriet-Liġi Nru 50/2017, u t-trasferiment sussegwenti mingħand dak l-operatur lokali għall-operatur proprjetà tal-Istat tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali, mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti u mingħajr korrispettiv, jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.
27. L-ewwel nett, ser nevalwa jekk l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, u, it-tieni nett, jekk it-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (10).
A. L-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun
28. Kif imsemmi iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà awtorizza l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun għall-benefiċċju ta’ FSE.
29. Skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat” teħtieġ li jitħarsu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju. Ir-raba’, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (11).
30. Ser neżamina hawn taħt jekk hijiex titħares kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.
1. Intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat
31. Skont il-ġurisprudenza, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u jkunu attribwibbli lill-Istat (12).
32. L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar li jkunu qegħdin jingħataw riżorsi tal-Istat, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “għajnuna” jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħal sussidji, iżda wkoll miżuri li, f’forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, ikunu simili fin-natura tagħhom u jkollhom l-istess effett (13).
33. F’dan il-każ ma hemmx dubju li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun għandha titqies bħala trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat minħabba li dik in-nefqa kienet awtorizzata minn liġi finanzjarja, jiġifieri l-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà, u, kif qalet il-qorti tar-rinviju, għandha titħallas mill-baġit tal-Istat.
34. It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-miżura hija attribwibbli lill-Istat, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kellhomx x’jaqsmu fl-adozzjoni ta’ dik il-miżura (14).
35. F’dan il-każ dawn kellhom x’jaqsmu minħabba li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kienet awtorizzata bl-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà, kif emendata bl-Artikolu 47(7) tad-Digriet-Liġi Nru 50/2017.
36. Madankollu, qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun tħares l-ewwel kundizzjoni fil-punt 29 iktar ’il fuq, jeħtieġ li tkun eżaminata l-oġġezzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tqis li huwa dubjuż jekk l-għajnuna tistax titqies li ngħatat minħabba li ma hemmx prova li nħarġu flus mill-baġit tal-Istat u l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun ma tidhirx li kienet tħallset.
37. Ninnota li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għajnuna għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt ta’ min jirċeviha jkun ingħatalu skont ir-regoli nazzjonali applikabbli. Huwa għall-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, meta dik l-għajnuna għandha titqies li tkun ingħatat. Għal dan l-għan dik il-qorti għandha tqis il-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali sabiex tinkiseb l-għajnuna inkwistjoni (15).
38. Għalhekk għajnuna ma titqiesx li tkun ingħatat fil-mument li hija titħallas lill-benefiċjarju (16), u huwa irrilevanti li, kif kien evidenti fis-seduta, l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kienet għadha ma tħallsitx (17).
39. Madankollu, għandu jiġi aċċertat jekk id-dritt li wieħed jirċievi dik l-allokazzjoni jkunx ingħata skont il-liġi Taljana. Għal dak l-għan il-qorti tar-rinviju għandha, kif ingħad fil-punt 37 iktar ’il fuq, tiddetermina jekk FSE kinitx ingħatat dritt inkundizzjonat li tirċievi l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun, jew jekk kinitx ingħatat dritt kundizzjonat u, jekk huwa hekk, kinux tħarsu l-kundizzjonijiet li għalihom dak id-dritt kien suġġett.
40. Dwar dan, ninnota li fis-seduta FSI indikat li, skont l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà u d-Digriet Nru 9/2016, id-dritt għall-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kien suġġett, l-ewwel nett, għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar għall-konferma tal-vijabbiltà ta’ FSE, u, it-tieni nett, għall-approvazzjoni tal-baġit ta’ FSE għall-2015. Madankollu ma kienx iffinalizzat pjan ta’ ristrutturar minħabba li, wara iktar stħarriġ mill-kummissarju speċjali, l-istrutturar sempliċi ta’ FSE ma kienx għadu jidher bħala għażla vijabbli. Minflok, kien adottat id-Digriet Nru 264/2016, li kien jipprovdi għat-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE u għall-obbligu korrispondenti fuq FSI li tirripristina l-vijabbiltà ta’ FSE. Għalhekk, qatt ma tħarset il-kundizzjoni għall-adozzjoni u l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar li għaliha kien suġġett id-dritt għall-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun, sabiex b’hekk, skont FSI, FSE qatt ma kisbet dak id-dritt. Sabiex isostni l-pożizzjoni ta’ FSI l-Gvern Taljan iddikjara, fis-seduta, li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kienet ġiet “sospiża”.
41. Kuntrarju għal dan, Arriva Italia ssostni, fis-seduta, li l-kummissarju speċjali seta’ jħallas l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun mill-jum li fih beda japplika d-Digriet Nru 9/2016, li jimplimenta l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà. Barra minn hekk, hija sostniet li dik is-somma kienet iddaħħlet fil-karta tal-bilanċ ta’ FSE bħala linja ta’ kreditu favur l-Istat, sabiex b’hekk FSE għandha titqies li għandha dritt għall-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun. Il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni ta’ Arriva Italia.
42. Filwaqt li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi bejn dawk il-pożizzjonijiet, jiena pjuttost inqis li l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà jagħti lil FSE dritt inkundizzjonat għall-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun.
43. Huwa minnu li l-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà, li tgħid li dik l-allokazzjoni kienet awtorizzata “nelle more dell’attuazione del piano di risanamento” (“sakemm jitwettaq il-pjan ta’ ristrutturar”). Fis-seduta Arriva Italia ssottomettiet li l-frażi “nelle more” kellha tinftiehem bħala li tfisser li l-allokazzjoni kienet awtorizzata “minnufih”, filwaqt li FSI argumentat li kienet tfisser “matul” (l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar) (18). Filwaqt li nifhem li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà hija kemxejn ambigwa, ninnota li r-referenza “biex ikun żgurat li [FSE] tkompli topera” tissuġġerixxi li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun tfittex li tiżgura li FSE setgħet twettaq l-attivitajiet tagħha u tibqa’ fis-suq waqt li l-kummissarju speċjali jħejji l-pjan ta’ ristrutturar. Għalhekk jidhirli li, kif argumentat Arriva Italia, FSE kisbet dritt għall-allokazzjoni meta daħal fis-seħħ id-Digriet Nru 9/2016, li jimplimenta l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà.
44. Dan għandu jkun għall-qorti tar-rinviju li tivverifika. Ikolli ninnota, madankollu, li kieku dik il-qorti kellha ssib li d-dritt għall-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kien kundizzjonat u li l-kundizzjonijiet li għalihom dak id-dritt kien suġġett ma jkunux tħarsu, ma kienx jinkiseb id-dritt għall-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun. Konsegwentement, dik l-allokazzjoni ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.
2. L-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
45. Dwar it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-fini ta’ klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, jeħtieġ, mhux li jkun stabbilit li l-għajnuna jkollha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew li attwalment ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda biss li jkun eżaminat jekk dik l-għajnuna tkunx tista’ tolqot il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax ikun purament ipotetiku jew preżunt. Għalhekk, jeħtieġ li tkun stabbilita r-raġuni għaliex il-miżura inkwistjoni toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkun jista’ jkollha, mill-effetti prevedibbli tagħha, impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (19).
46. Dwar dan ma jeħtieġx li l-impriża benefiċjarja nnifisha jkollha x’taqsam fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni. Fejn Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tkun tista’ tibqa’ tinżamm jew tiżdied minħabba f’hekk, sabiex b’hekk l-opportunitajiet għal impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra sabiex jidħlu fis-suq f’dak l-Istat Membru jitnaqqsu bħala riżultat (20) .
47. FSI, bl-appoġġ tal-Gvern Taljan u tal-Gvern Pollakk, issostni li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun ma tistax tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li l-infrastruttura ferrovjarja inkwistjoni hija purament lokali. Il-Kummissjoni hija ta’ fehma kuntrarja.
48. Fil-fehma tiegħi l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun lil FSE tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ċertament, ma jidhirx li FSE għandha x’taqsam fil-kummerċ ma’ Stati Membri oħra. Madankollu, dik l-allokazzjoni naqqset il-possibbiltà għal Arriva Italia, sussidjarja tal-grupp Ġermaniż Deutsche Bahn, li tħaddem l-infrastruttura ferrovjarja fdata lil FSE jew li tipprovdi servizzi ta’ trasport lil passiġġieri fuq dik l-infrastruttura.
3. Vantaġġ selettiv mogħti lill-benefiċjarju
49. Dwar it-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżuri li, tkun xi tkun l-għamla tagħhom, x’aktarx jiffavorixxu ċerti impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb b’kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat (21).
50. Fil-każ ta’ impriżi pubbliċi dik l-evalwazzjoni ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat. Sabiex ikun evalwat jekk l-istess miżura kinitx tkun adottata f’kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun simili għal dik tal-Istat, għandhom jitqiesu biss il-benefiċċji u l-obbligi relatati mas-sitwazzjoni tal-Istat bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mas-sitwazzjoni tiegħu bħala awtorità pubblika. Minn dan isegwi li għandha ssir distinzjoni bejn il-funzjonijiet tal-Istat bħala azzjonist ta’ impriża, minn naħa, u dawk tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika, min-naħa l-oħra. Jekk il-kriterju ta’ investitur privat jistax jiġi applikat jiddependi finalment, għalhekk, minn jekk l-Istat Membru konċernat ikunx ta, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, vantaġġ ekonomiku lil impriża li tkun tiegħu (22).
51. F’din il-kawża għandu jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà, li awtorizza li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun ma titħallasx mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ FSE, tax vantaġġ lil dik l-impriża.
52. Jiena tal-fehma li, f’dan il-każ, mhux probabbli li jista’ jiġi applikat il-kriterju ta’ investitur privat.
53. Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza, jekk ikun hemm dubju, għandha tingħata prova oġġettiva u verifikabbli li l-miżura inkwistjoni għandha tiġi attribwita lill-Istat li jaġixxi bħala azzjonist. Dwar dan jista’ jkun meħtieġ, b’mod partikolari, li tinġieb prova li tkun turi li d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi li jkunu jistgħu jitqabblu, fiċ-ċirkustanzi, ma’ dawk ta’ investitur privat razzjonali f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun simili għal dik tal-Istat Membru kien jagħmel, qabel ma jinvesti, sabiex jiddetermina kemm ikun ser jagħmel qligħ fil-ġejjieni. Ma huwiex biżżejjed li wieħed joqgħod fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata l-vantaġġ (23).
54. Għandi ninnota li ma hemmx prova li kienet saret evalwazzjoni ekonomika mill-Istat Taljan, qabel l-adozzjoni, fit‑28 ta’ Diċembru 2015, tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà, ta’ kemm dak l-investiment seta’ jkollu qligħ. Bla dubju, ir-rapport tekniku mehmuż mal-Liġi jagħmel referenza għal “analiżi ekonomika u finanzjarja” li kienet twettqet mit-tmexxija ta’ FSE (24). Madankollu, ma hemmx indikazzjoni li dik l-analiżi kellha l-għan li tiddetermina kemm seta’ jkun il-qligħ ta’ dak l-investiment. Kif issottomettiet il-Kummissjoni fis-seduta, meta l-Gvern Taljan iddeċieda li jagħmel dak l-investiment, ma kellux stampa ċara tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FSE, meqjus li l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà jitlob ukoll li l-kummissarju speċjali jħejji rapport iddettaljat dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FSE. Minn dan isegwi li l-Istat Taljan ma kellux l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiddetermina jekk l-investiment setax jagħmel qligħ. Konsegwentement, jidhirli li, meta ddeċieda dwar l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun, l-Istat Taljan ma aġixxiex bħala azzjonist, bir-riżultat li l-kriterju ta’ investitur privat ma jistax jiġi applikat.
55. Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju tqis, b’mod partikolari, abbażi ta’ informazzjoni addizzjonali, li l-kriterju ta’ investitur privat seta’ jiġi applikat, dak il-kriterju, fil-fehma tiegħi, ma jkunx tħares. Huwa dubjuż li investitur privat kien jagħti EUR 70 miljun lill-kumpannija f’sitwazzjoni finanzjarja serja bħal dik ta’ FSE, li, fl-aħħar tal-2015, kellha ishma b’valur negattiv li kien jammonta għal madwar EUR 200 miljun (25).
56. Nikkonkludi li, meta FSE ngħatat allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun, l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà ta vantaġġ lil dik l-impriża. Dak il-vantaġġ huwa mingħajr dubju selettiv, minħabba li l-allokazzjoni qiegħda tingħata lil impriża partikolari waħda, jiġifieri FSE.
4. Distorsjoni tal-kompetizzjoni jew theddida għaliha
57. Dwar ir-raba’ kundizzjoni għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, nirreferi għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq u għall-ġurisprudenza li skontha meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża mqabbla ma’ impriżi oħra fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu milquta minn dik l-għajnuna (26).
58. FSI u l-Gvern Taljan isostnu li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun għandha tintuża biss għall-finanzjament tal-infrastruttura ferrovjarja mħaddma minn FSE, u li, konsegwentement, ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: L-ewwel nett, it-tħaddim tal-infrastruttura inkwistjoni huwa suġġett għal monopolju legali skont il-liġi Taljana, sabiex ma jkunx hemm kompetizzjoni fis-suq għat-tħaddim ta’ dik l-infrastruttura jew għal dak is-suq. Għalhekk hija eskluża d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. It-tieni nett, ma jitħallhiex ikun hemm sussidjar reċiproku ta’ attivitajiet ekonomiċi bħall-għoti ta’ servizzi ta’ trasport lil passiġġieri fuq l-infrastruttura inkwistjoni, b’mod partikolari l-fatt li FSE żżomm kontijiet separati għal, minn naħa, it-tħaddim tal-infrastruttura ferrovjarja u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ dawk is-servizzi. Il-Gvern Pollakk jaqbel li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni.
59. Arriva Italia, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, tieħu l-pożizzjoni kuntrarja u tissottometti li dik l-allokazzjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun għandha tintuża sabiex ikun żgurat li FSE tibqa’ topera. Hija tisħaq, madankollu, li, jekk kellu jitqies li dik l-allokazzjoni kellha tintuża biss sabiex tkun iffinanzjata l-infrastruttura ferrovjarja, xorta waħda setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni dan huwa minħabba li, għalkemm ma hemmx kompetizzjoni fis-suq għat-tħaddim ta’ dik l-infrastruttura u fis-suq għall-għoti ta’ servizzi ta’ trasport lil passiġġieri, hemm kompetizzjoni għal dawk is-swieq. Minn dan isegwi li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun setgħat toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba li ħalliet lil FSE tibqa’ fis-suq, u b’hekk żammet lil partijiet oħra milli jkunu fdati biż-żewġ attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq.
60. Jiena tal-fehma li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, għar-raġunijiet li ġejjin.
61. L-ewwel nett, ma naqbilx mal-pożizzjoni ta’ FSI u tal-Gvern Taljan, li jsostnu li dik l-allokazzjoni tista’ tintuża biss għall-finanzjament tal-infrastruttura ferrovjarja.
62. Infakkar li l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jgħid li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kellha tintuża sabiex ikun żgurat li FSE tibqa’ topera. Madankollu, wara emenda bl-Artikolu 47(7) tad-Digriet-Liġi Nru 50/2017, dik l-istess dispożizzjoni issa tgħid li dik l-allokazzjoni tista’ tintuża biss sabiex tkopri d-djun u l-ħtiġijiet finanzjarji tal-infrastruttura ferrovjarja. Kif urejt fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, jidhirli li dik l-allokazzjoni għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li fih kien daħal fis-seħħ id-Digriet-Liġi Nru 9/2016, li jimplimenta l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà. Isegwi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kienet ngħatat għall-iskop imsemmi f’dik il-liġi u f’dak id-digriet, jiġifieri, sabiex ikun żgurat li FSE tibqa’ topera.
63. Dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni għandi nindika li t-tħaddim, minn FSE, tal-infrastruttura ferrovjarja u l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport lil passiġġieri huma bla ħsara għal monopolju legali, fi kliem il-qorti tar-rinviju (jew, kif tissottometti l-Kummissjoni, huma għandhom jitqiesu bħala sistema ta’ drittijiet esklużivi mogħtija mir-Regione Puglia.
64. Tabilħaqq, FSE topera, skont ftehim ta’ konċessjoni mogħti direttament mir-Regione Puglia, tmien linji ferrovjarji (27) li huma proprjetà ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk FSE tipprovdi wkoll, skont ftehim ta’ konċessjoni mogħti direttament mir-Regione Puglia, l-ewwel, servizzi ta’ trasport ferrovjarju lil passiġġieri fuq dawk it-tmien linji, u, it-tieni, servizzi ta’ trasport bit-triq lil passiġġieri fiż-żona korrispondenti. FSE hija l-uniku operatur tat-tmien linji ferrovjarji, u hija biss tagħti servizzi ta’ trasport lil passiġġieri fuq dik l-infrastruttura. Kif innotat fid-deċiżjoni tal-AGCM, l-erba’ l-oħra li jagħtu servizzi ta’ trasport ferrovjarju reġjonali lil passiġġieri fil-Puglia, jiġifieri, Trenitalia, Ferrovie del Gargano SpA, Ferrovie Apulo-Lucane Srl u Ferrotramviaria, joperaw fuq netwerks ferrovjarji oħra (28).
65. Jidher, għalhekk, li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba li s-swieq li fihom il-benefiċjarju, jiġifieri, FSE, huma attiv ma humiex miftuħa għall-kompetizzjoni.
66. Madankollu, fil-fehma tiegħi, wieħed ma jistax jiddeduċi, minħabba li jeżisti monopolju legali biss, li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija eskluża. Dak jista’ jkun il-każ biss jekk ikun hemm prova, l-ewwel nett, li l-attivitajiet ta’ FSE huma suġġetti għal monopolju legali u li, konsegwentement, ma jkunx hemm kompetizzjoni effettiva fis-swieq fejn topera FSE, iżda wkoll, it-tieni nett, li ma jkunx hemm kompetizzjoni potenzjali f’dawk is-swieq.
67. Dwar dan ninnota li, pereżempju, fil-kawża ASM Brescia (29), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li għajnuna mogħtija lil kumpanniji li jipprovdu servizzi pubbliċi fis-setturi tal-ilma, gass u elettriku ma setgħetx toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba li dawk il-kumpanniji ma kinux joperaw fi swieq kompetittivi. Raġuni waħda għaliex dak l-argument kien ġie miċħud kienet li l-kumpanniji li jipprovdu dawk is-servizzi kienu kkompetew għall-għoti ta’ konċessjonijiet sabiex ikunu jingħataw servizzi pubbliċi lokali f’diversi muniċipalitajiet, bir-riżultat li dawk is-swieq għal dawk il-konċessjonijiet kienu miftuħa għall-kompetizzjoni (30).
68. Ninnota wkoll li dan l-approċċ huwa konsistenti man-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (31), li tgħid li “jekk it-tħaddim tal-infrastruttura jkun suġġett għal monopolju legali u jekk tkun eskluża l-kompetizzjoni għas-suq sabiex titħaddem l-infrastruttura, vantaġġ mogħti lill-operatur tal-infrastruttura mill-Istat ma jistax joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Dik in-nota ta’ qiegħ il-paġna tirreferi għall-punt 188 tal-istess avviż, li jgħid li jekk servizz ikun suġġett għal monopolju legali, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tkun eskluża jekk, b’mod partikolari, “il-monopolju legali jeskludi, mhux biss il-kompetizzjoni fis-suq, iżda wkoll għas-suq, minħabba li jeskludi kull kompetizzjoni possibbli sabiex wieħed jagħti b’mod esklużiv is-servizz inkwistjoni”.
69. F’dan il-każ jidhirli li jista’ jkun hemm kompetizzjoni fis-swieq għat-tħaddim tal-infrastruttura ferrovjarja fdata lil FSE u sabiex jingħataw servizzi ta’ trasport lil passiġġieri fuq dik l-infrastruttura.
70. Dwar dan, ninnota li, fis-seduta, Arriva Italia spjegat li, meta jiskadu l-konċessjonijiet sabiex jingħataw servizzi lokali ta’ trasport lil passiġġieri, ikunu jistgħu jsiru sejħiet kompetittivi għal offerti għat-tiġdid ta’ dawk il-konċessjonijiet (32). Meta ma jsirux sejħiet għal offerti, u konċessjonijiet jingħataw direttament mill-awtoritajiet pubbliċi, kif kien il-każ għat-tmien linji ferrovjarji mħaddma minn FSE, impriżi jikkompetu għall-għoti ta’ konċessjonijiet. Fil-fehma tiegħi, operaturi attivi f’partijiet oħra tal-Puglia (jiġifieri, Trenitalia, Ferrovie del Gargano, Ferrovie Apulo-Lucane u Ferrotramviaria) għandhom jitqiesu bħala kompetituri potenzjali ta’ FSE. Barra minn hekk, operaturi li kienu esprimew l-interess tagħhom li jakkwistaw FSE (b’mod partikolari r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali) ikunu jistgħu jitqiesu bħala kompetituri potenzjali (33).
71. Minn dan isegwi li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun lil FSE tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ dik l-impriża fir-rigward ta’ kompetituri potenzjali. Kif sostniet il-Kummissjoni, meta dik l-allokazzjoni ppermettiet lil FSE tibqa’ fis-suq, hija ma ħallietx l-infrastruttura ferrovjarja inkwistjoni u l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport lil passiġġieri fuq dik l-infrastruttura milli jiġu fdati lil kumpanniji oħra bħal Arriva Italia.
72. It-tieni, jekk ikollu jitqies li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun tista’ tintuża biss għall-finanzjament ta’ infrastruttura, fil-fehma tiegħi dan ma jwassalx għall-konklużjoni li hija eskluża d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.
73. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom la FSI u lanqas il-Gvern Taljan ma jsostnu li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun għandha tintuża biss għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura. Huma jsostnu biss li għandha tintuża għall-infrastruttura. Madankollu, skont il-punt 211 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, “distorsjoni tal-kompetizzjoni hija normalment eskluża [meta għajnuna tingħata] għall-kostruzzjoni ta’ […] infrastruttura” (34). Għall-kuntrarju, meta għajnuna tingħata għat-tħaddim ta’ infrastruttura, u, bħalma huwa dan il-każ, it-tħaddim ta’ dik l-infrastruttura jkun suġġett għal monopolju legali, tkun eskluża d-distorsjoni tal-kompetizzjoni biss jekk tkun eskluża l-kompetizzjoni għas-suq, skont il-punt 188 tal-istess avviż. Għalhekk, jekk kellu jitqies li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun tista’ tintuża biss għall-finanzjament ta’ tħaddim ta’ infrastruttura ferrovjarja, dan ma jbiddilx il-konklużjoni tiegħi fil-punt 71 iktar ’il fuq.
74. Madankollu, għas-saħħa tal-kompletezza, irrid nispeċifika li, minkejja li FSI ma sostnitx fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kienet ingħatat għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura, fis-seduta, hija ssottomettiet li dik l-allokazzjoni kellha tintuża “fil-parti l-kbira, forsi kollha kemm hi” għal skopijiet ta’ kostruzzjoni. FSI argumentat li, fiż-żona qrib Bari, kellhom jinbidlu t-traversini tal-linji tal-ferrovija u, fiż-żoni l-oħra, kien jeħtieġ isiru x-xogħlijiet sabiex jgħaddi l-elettriku, u li titjib bħal dan tal-infrastruttura eżistenti kellu jitqies bħala “kostruzzjoni” ta’ infrastruttura.
75. Anki li kieku kellu jitqies li l-attivitajiet imsemmija fil-punt preċedenti kellhom jitqiesu bħala “kostruzzjoni” ta’ infrastruttura għall-finijiet tal-punt 211 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, mhux bilfors minn dan isegwi li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
76. Tabilħaqq, il-punt 219 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jgħid li “l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura li ssir għal dawk li potenzjalment jużawha skont kundizzjonijiet ugwali u mhux diskriminatorji […] tipikament ma […] toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Barra minn hekk, il-punt 212 tal-istess avviż jitlob li l-Istati Membri “jiżguraw li l-finanzjament mogħti għall-kostruzzjoni ta’ [infrastruttura] […] ma jkunx jista’ jintuża sabiex jissussidja b’mod reċiproku […] attivitajiet ekonomiċi oħra, inkluż it-tħaddim ta’ […] infrastruttura”. Dak il-punt jgħid ukoll li sussidjar reċiproku jista’ jiġi eskluż billi jkun żgurat li jinżammu kontijiet separati li jallokaw spejjeż u dħul b’mod korrett.
77. Irrid nenfasizza li, f’dan il-każ huwa ċar li l-infrastruttura ferrovjarja inkwistjoni ma ssirx għal dawk li potenzjalment jużawha skont kundizzjonijiet ugwali u mhux diskriminatorju, minħabba li FSE biss tagħti servizzi ta’ trasport lil passiġġieri fuq it-tmien linji tal-ferrovija li hija topera. Irrid ninnota wkoll li sussidjar reċiproku jista’ jiġi eskluż jekk FSE żżomm kontijiet separati minħabba li, minn naħa, il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura, u, min-naħa l-oħra, it-tħaddim ta’ infrastruttura u l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport, huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika.
78. Nikkonkludi li ma jistax jiġi eskluż li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
B. It-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE
79. Kif imsemmi iktar ’il fuq, it-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet kollha l-MIT fil-kapital ta’ FSE lil FSI, kumpannija proprjetà kollha hemm hija tal-MEF, sar skont id-Digriet Nru 264/2016 u permezz tal-att ta’ trasferiment. Dak it-trasferiment sar mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti u mingħajr korrispettiv. Madankollu, huwa kien suġġett għall-obbligu, min-naħa ta’ FSI, li tissewwa s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi ta’ FSE.
80. Kif għamilt dwar l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun, ser neżamina hawn taħt jekk it-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet fi FSE jħarisx kull waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 29 iktar ’il fuq.
1. Intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat
81. Nagmel referenza għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31, 32 u 34 iktar ’il fuq.
82. L-ewwel, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, FSE għandha fondi pubbliċi (35) u ministeru, jiġifieri l-MIT, li huwa l-uniku azzjonist ta’ dik il-kumpannija. Konsegwentement, it-trasferiment tal-ishma miżmuma mill-MIT fil-kapital ta’ FSE għandu jitqies bħala trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (36).
83. It-tieni, dwar il-kundizzjoni li l-miżura hija attribwibbli lill-Istat, l-awtoritajiet pubbliċi kellhom x’jaqsmu fl-adozzjoni tal-miżura li tipprovdi għat-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet fi FSE, minħabba li dak it-trasferiment kien previst fid-Digriet Nru 264/2016 u twettaq permezz ta’ att notarili, iffirmat mill-MIT.
84. Irrid nenfasizza li ma naqsamx id-dubji tal-qorti tar-rinviju li tqis li ma għandux ikun hemm klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat minħabba l-fatt li t-tiżmim tal-azzjonijiet fi FSE jgħaddi bejn żewġ entitajiet proprjetajiet kollha kemm huma tal-Istat li ma għandhomx baġits indipendenti, iżda li l-istimi tal-infiq tagħhom jgħaddu għall-baġit tal-Istat. Il-qorti tar-rinviju tisħaq li dak it-trasferiment huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ newtralità tal-Unjoni b’rabta mas-sistemi ta’ proprjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 345 TFUE.
85. Filwaqt li FSI u l-Gvern Taljan jaqblu ma’ dan l-argument, Arriva Italia u l-Kummissjoni ma jaqblux. Il-Kummissjoni ssostni li, kieku kellu jiġi aċċettat dak l-argument, dan jipperikola l-effikaċja tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat u jkun inkonsistenti mal-Artikolu 345 TFUE minħabba li jġib miegħu trattament mhux ugwali ta’ benefiċjarji pubbliċi u privati ta’ għajnuna.
86. Ninnota li għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw FSI u l-Gvern Taljan, it-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet fi FSE ma huwiex riorganizzazzjoni sempliċi fis-settur pubbliku. Tabilħaqq, it-trasferiment ta’ ishma jġib miegħu obbligu għal FSI li tirripristina l-vijabbiltà finanzjarja ta’ FSE.
87. Barra minn hekk, irrid nenfasizza li l-Artikolu 345 TFUE bl-ebda mod ma jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli dwar għajnuna mill-Istat lil impriżi pubbliċi bħal FSI. Fil-fatt, l-Artikolu 345 TFUE, li jgħid li t-TUE u t-TFUE “għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”, jippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jistabbilixxu proprjetà pubblika għal ċerti impriżi. L-Artikolu ma jeżentax sistemi ta’ proprjetà pubblika minn regoli dwar għajnuna mill-Istat minħabba li, skont l-Artikolu 106(1) TFUE, regoli tal-kompetizzjoni, inkluż l-Artikolu 107(1) TFUE, japplikaw għal impriżi pubbliċi. Kieku dan ma kienx il-każ, sidien pubbliċi u privati ta’ impriżi ma kinux jingħataw trattament identiku (37). Kieku kellu jkun aċċettat li, minħabba li FSI hija kollha proprjetà ta’ korp tal-Istat, hija ma tistax tirċievi għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevadu r-regoli dwar għajnuna mill-Istat billi jafdaw it-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi lill-korpi tal-Istat, milli lil impriżi b’personalità ġuridika.
88. Nikkonkludi li t-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet fi FSE jħares l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq.
2. L-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
89. Nagħmel referenza għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq.
90. Jiena tal-fehma li t-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li, kif tissottometti l-Kummissjoni, FSI hija attiva fi Stati Membri oħra, u li dak it-trasferiment naqqas il-possibbiltà għal Arriva Italia, sussidjarja tal-grupp Ġermaniż Deutsche Bahn, li topera fis-swieq fdati lil FSE.
3. Vantaġġ selettiv mogħti lill-benefiċjarju
91. Għandu jiġi stabbilit jekk it-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE kienx ta vantaġġ lil min irċieva dik il-miżura ta’ għajnuna. Għal dan l-għan, jien ser neżamina, fl-ewwel lok, jekk it-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet tax vantaġġ lix-xerrej, jiġifieri lil FSI, meqjus li FSI kisbet kumpannija f’diffikultajiet finanzjarji u ntrabtet li tirripristina l-vijabbiltà finanzjarja ta’ dik il-kumpannija. Dan ikun il-każ jekk FSE kellha prospetti ta’ qligħ. Imbagħad, fit-tieni lok, inqis jekk it-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet tax vantaġġ lil FSE, meqjus li FSI ntrabtet li tirripristina l-vijabbiltà ta’ FSE.
a) Ingħata vantaġġ lil FSI?
92. Nagħmel referenza għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 49, 50 u 53 ikktar ’il fuq.
93. Abbażi tal-informazzjoni limitata mogħtija mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet fil-kawżi prinċipali, jidhirli li l-kriterju ta’ investitur privat ma jistax japplika hawn. Dan għaliex ma hemmx indikazzjoni li twettqet eżaminazzjoni minn espert dwar il-valutazzjoni ta’ FSE u kemm it-trasferiment seta’ jġib profitt qabel ma l-Istat Taljan iddeċieda, fl‑4 ta’ Awwissu 2016, li jittrasferixxi lil FSI t-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE.
94. Dwar dan FSI toqgħod, fl-ewwel lok, fuq ir-rapport tal-kummissarju speċjali li jikkonkludi li, kieku FSE ma kinitx ittrasferita lil FSI, x’aktarx li kienet tfalli; fit-tieni lok, fuq “stħarriġ tas-suq” magħmul minn FSI, li wera li żewġ impriżi biss kienu interessati jakkwistaw FSE (iżda naqsu jissottomettu offerti sodi), u fit-tielet lok, fuq l-approvazzjoni mit-Tribunale di Bari (il-Qorti Distrettwali ta’ Bari), tal-arranġament ma’ kredituri fl‑2018, li, fil-fehma ta’ FSI, turi li t-trasferiment ta’ FSE lil FSI kien l-għażla t-tajba. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan jirreferi għal rapport ta’ diliġenza dovuta mħejji fuq talba tal-kummissarju speċjali.
95. Fil-fehma ta’ Arriva Italia u tal-Kummissjoni, ma kinux saru evalwazzjonijiet ekonomiċi dwar x’seta’ jkun il-qligħ.
96. Ninnota li jidher li ma saritx stima ta’ x’seta’ jkun il-qligħ għall-quddiem ta’ FSE la fir-rapport dwar diliġenza dovuta li tħejja minn ditta ta’ awdituri indipendenti fuq talba tal-kummissarju speċjali, u lanqas fir-rapport tal-kummissarju speċjali fejn dan tal-aħħar kien ippropona, abbażi tar-rapport ta’ diliġenza dovuta, li FSE tiġi ttrasferita lil FSI. Ninnota wkoll li ma ngħatatx prova lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-qligħ li seta’ jkun hemm bit-trasferiment kien stmat fi studji ekonomiċi oħra. F’dak ir-rigward għandi nenfasizza li, fl-avviż tagħha, l-AGCM qalet espressament li “ma jirriżultax li kienet saret evalwazzjoni preventiva sabiex tkun ivverifikata l-konformità mal-hekk imsejjaħ kriterju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq” u li “ma jirriżultax li kienet identifikata b’mod preventiv referenza valida għall-valur fis-suq ta’ FSE li setgħet tiġġustifika t-termini ekonomiċi li għalihom kienet iddefinita l-operazzjoni bid-[Digriet Nru 264/2016]”.
97. Fir-rigward “tal-istħarriġ tas-suq” magħmul minn FSI, li, fil-fehma tagħha, juri li ebda parti terza ma kienet interessata takkwista FSE, minħabba li kien hemm biss żewġ espressjonijiet ta’ interess (li waħda minnhom kienet mingħand it-tliet rikorrenti fil-kawżi prinċipali), u ebda waħda minnhom ma rriżultat f’offerta soda, irrid ninnota li dak l-istħarriġ ma jistax jitqies bħala stima ta’ x’seta’ jkun il-qligħ mill-investiment. Irrid ninnota wkoll li, fis-seduta, Arriva Italia spjegat li r-raġuni għaliex hija ma tefgħetx offerta soda kienet li hija ma kinitx parti fil-proċess ta’ diliġenza dovuta u, għalhekk, hija ma kellhiex id-data finanzjarja li abbażi tagħha hija setgħet tiddeċiedi jekk tagħmilx offerta.
98. Barra minn hekk, dwar l-għan segwit mill-Gvern Taljan, li jista’ jitqies sabiex jiġi stabbilit jekk japplikax il-kriterju ta’ investitur privat (38), ninnota li l-Gvern Taljan jissottometti li huwa pprova jevita s-sensji u li s-servizzi ta’ trasport jieqfu. Id-Deċiżjoni tal-AGCM issemmi wkoll l-intenzjoni li “tkun żgurata l-kontinwità tas-servizzi ta’ trasport u li jinżammu l-livelli tal-impjiegi” (39). Dawn ma jidhrux li huma għanijiet li azzjonist privat iqis. Madankollu, jidher li, kif issostni l-Kummissjoni, għan ieħor tal-Gvern Taljan kien li jtejjeb il-valur tat-tiżmim tal-azzjonijiet tiegħu fi FSE. Ikun għall-qorti tar-rinviju li tibbilanċja dawk l-għanijiet.
99. Għalhekk, inqis li, meta naqas jagħmel evalwazzjonijiet ekonomiċi ta’ x’seta’ jkun il-qligħ qabel ma ddeċieda dwar it-trasferiment, l-Istat Taljan ma aġixxiex fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist, bir-riżultat li l-kriterju ta’ investitur privat ma jistax jiġi applikat.
100. Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju tqis, b’mod partikolari, abbażi ta’ informazzjoni addizzjonali, li l-kriterju ta’ investitur privat japplika, jiena nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.
101. Skont il-ġurisprudenza, l-aġir ta’ investitur privat, li miegħu għandu jitqabbel l-intervent ta’ investitur pubbliku, ma jeħtiġlux ikun l-aġir ta’ investitur ordinarju li joħroġ il-kapital bil-ħsieb li jikseb qligħ fi żmien relattivament qasir. Dan l-aġir għandu, tal-inqas, ikun dak ta’ kumpannija holding jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwu politika strutturali, ġenerali jew settorjali, u jkollhom bħala gwida prospetti ta’ qligħ fuq medda itwal ta’ żmien (40).
102. Huwa minnu li, bħalma ssostni FSI, hija ġurisprudenza stabbilita li kumpannija omm tista’ tagħmel tajjeb għat-telf ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha. Madankollu, meta investitur pubbliku joħroġ kapital mingħajr ma jqis il-possibbiltà li jagħmel qligħ, anki fit-tul, dak it-tali ħruġ ta’ kapital għandu jitqies skont it-tifsira tal-Artikolu 107 TFUE (41).
103. Dwar dan ninnota li FSI kellha l-obbligu li tirripristina s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FSE, li, sa tmiem l‑2015, kellha ishma b’valur negattiv li kien jammonta għal madwar EUR 200 miljun. Għalhekk il-qorti tar-rinviju jkollha teżamina jekk FSE kellhiex prospetti ta’ qligħ anki fit-tul.
104. Irrid ninnota wkoll li, skont il-ġurisprudenza, fatturi li jirriżultaw wara li tkun adottata l-miżura inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat prudenti (42). Għalhekk, huwa irrilevanti li, sa tmiem l‑2016, il-valur negattiv tal-ishma ta’ FSE kien naqas u kien jammonta biss għal madwar EUR 140 miljun; li l-proċedura għal arranġament ma’ kredituri kienet tlestiet fl‑2018 u li, malli kienet tlestiet dik il-proċedura, id-djun mhux iggarantiti tħassru (43); jew li (skont FSI) l-obbligu li tissewwa s-sistema ta’ żbilanċ fl-assi ta’ FSE kienet tħarset f’Ottubru 2018.
105. Għalhekk, jidhirli li investitur privat ma kienx jadotta l-miżura inkwistjoni, u li, għaldaqstant, kien ingħata vantaġġ lil FSI. Dan il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li l-MIT ittrasferixxiet it-tiżmim tal-azzjonijiet tagħha lil impriża partikolari, jiġifieri FSI. Madankollu, intenni li huwa għall-qorti tar-rinviju li tagħmel dik l-evalwazzjoni, u li dik il-qorti kienet tat informazzjoni limitata, dwar dan.
106. Issa ngħaddi sabiex inqis jekk ingħatax vantaġġ lil FSE, minħabba li FSI ntrabtet li ssewwi s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi ta’ FSE.
b) Ingħata vantaġġ lil FSE?
107. Skont il-ġurisprudenza l-Artikolu 107 KE jipprojbixxi għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, mingħajr ma ssir distinzjoni jekk il-vantaġġi relatati mall-għajnuna jingħatawx direttament jew indirettament (44). Għalhekk, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jkunu impriżi (45).
108. Dwar dan, intbagħtet mistoqsija lil Arriva Italia u lil FSI li kellha titwieġeb fis-seduta, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet, f’każ li t-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-FSI lil MIT jitqies li jagħti vantaġġ, jekk dak il-vantaġġ ingħatax lil FSI, lil FSE, jew lit-tnejn.
109. Arriva Italia wieġbet li, minħabba n-nuqqas ta’ evalwazzjoni ekonomika, kien diffiċli jiġi stabbilit il-benefiċjarju tat-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet. FSI ssottomettiet li ma kienx ingħata vantaġġ la lil FSI u lanqas lil FSE. Il-Kummissjoni sostniet li ma setax jiġi eskluż li kien ingħata vantaġġ lil FSE minħabba li FSI ntrabtet li ssewwi s-s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi ta’ din tal-aħħar.
110. Jiena tal-fehma li l-obbligu impost fuq FSI li ssewwi s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi ta’ FSE jista’ jitqies bħala vantaġġ għal din tal-aħħar.
111. Ninnota li, skont l-Artikolu 1(1)(c) tad-Digriet Nru 264/2016, it-tneħħija tal-iżbilanċ fl-assi ta’ FSE hija wieħed mill-kriterji li abbażi tiegħu FSI ntgħażlet sabiex takkwista dik il-kumpannija; u li, skont l-Artikolu 2(4) tal-istess digriet, l-implimentazzjoni tat-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet huwa suġġett għall-kundizzjoni li FSI tiddikjara li ssewwi s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-assi ta’ FSE.
112. Ninnota wkoll li kemm l-att ta’ trasferiment, kif ukoll il-memorandum ministerjali jgħidu li d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt preċedenti nħarġet minn FSI. Għalhekk, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li FSE kisbet id-dritt li s-sitwazzjoni tagħha ta’ żbilanċ fl-assi tissewwa minn FSI, f’konformità mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq. Dan ifisser li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni FSI, xejn ma sewa li l-obbligu ta’ FSI li tirripristina dik is-sitwazzjoni tħares biss f’Ottubru 2018, jiġifieri, wara li ttieħdet id-deċiżjoni sabiex it-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT jgħaddi għal għand FSI.
113. Ovvjament, sabiex jiġi stabbilit jekk FSE ngħatatx vantaġġ, jeħtieġ jitqiesu t-termini tad-dikjarazzjoni li biha FSI ntrabtet li ssewwi l-iżbilanċ fl-assi ta’ FSE. Dan għandu jkun għall-qorti tar-rinviju li tevalwa minħabba li dik id-dikjarazzjoni ma ngħatatx lill-Qorti tal-Ġustizzja.
114. Madankollu, jidhirli li FSE ngħatat vantaġġ minħabba li FSI ntrabtet li tneħħi l-iżbilanċ fl-assi tagħha. Dan il-vantaġġ huwa differenti minn dak miksub minn FSI li jikkonsisti fl-akkwist ta’ kumpannija bi prospetti ta’ qligħ. Dak il-vantaġġ joħroġ mit-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet, minħabba li, kif imsemmi fil-punt 111 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ FSI li tneħħi l-iżbilanċ fl-assi ta’ FSE huwa kundizzjoni sabiex dak it-trasferiment jitwettaq.
115. Minn dan isegwi li t-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE seta’ ta vantaġġ lil FSI u vantaġġ ieħor lil FSE; jew li seta’ ta vantaġġ lil FSE iżda (jekk it-trasferiment ma kienx jista’ jġib qligħ) ma ta xejn lil FSI. Jekk tali vantaġġi fil-fatt ingħatawx ikun għall-qorti tar-rinviju li tevalwa fid-dawl tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq u ta’ informazzjoni addizzjonali.
4. Disorsjoni tal-kompetizzjoni, jew theddida għaliha
116. Nagħmel referenza għall-ġurisprudenza msemmija fil-punti 45 u 57 iktar ’il fuq.
117. Arriva Italia u l-Kummissjoni jsostnu li t-trasferiment tat-tiżmim ta’ azzjonijiet jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, targumenta li FSE kienet waħda mill-ftit operaturi li jipprovdu servizzi ta’ trasport fil-Puglia li ma kinitx proprjetà tal-grupp FSI; li FSI kienet diġà l-operatriċi ewlenija fis-suq u li operaturi oħra kienu interessati jakkwistaw FSE. FSI, il-Gvern Taljan u l-Gvern Pollakk huma tal-fehma kuntrarja.
118. Jiena tal-fehma li t-trasferiment lil FSI tat-tiżmim tal-azzjonijiet tal-MIT fi FSE jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE għar-raġuni msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq. It-trasferiment ta’ FSE lil FSI ma ħalliex lil kompetituri potenzjali ta’ FSE u ta’ FSI fil-Puglia, bħal Arriva Italia, jiġu fdati bit-tħaddim tal-infrastruttura ferrovjarja inkwistjoni u bl-għoti ta’ servizzi ta’ trasport lil passiġġieri fuq dik l-infrastruttura.
119. Ma jistax ikun hemm dubju dwar din il-konklużjoni minħabba l-fatt li, fid-deċiżjoni msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, l-AGCM approvat it-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet u qisitu li ma kienx jirrestrinġi l-kompetizzjoni.
120. Tabilħaqq, il-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jingħata definizzjoni estremament wiesgħa fil-kuntest tal-Artikolu 107(1) TFUE (46). Kif imsemmi fil-punt 57 iktar ’il fuq, ikun biżżejjed, sabiex vantaġġ mogħti mill-Istat jitqies bħala li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, li huwa jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarju f’suq fejn ikun hemm kompetizzjoni (effettiva jew potenzjali) (47). Skont il-ġurisprudenza l-Kummissjoni ma jeħtiġilhiex, għal finijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ intervent mill-Istat bħala għajnuna mill-Istat, tagħmel analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni attwali tas-swieq rilevanti, tas-sehem tas-suq tal-impriżi li jirċievu l-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u ta’ kif jimxi l-kummerċ bejn l-Istati Membri (48). Fi kliem ieħor, il-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jingħata definizzjoni usa’ fil-kuntest tal-Artikolu 107(1) TFEU milli fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFEU jew f’dak ta’ kontroll ta’ għaqda.
121. Barra minn hekk, fl-avviż imsemmi fil-punt 16 iktar ’il fuq, li bih l-AGCM għarrfet lill-Gvern Taljan li t-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet fi FSE seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dak it-trasferiment jitqies li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-AGCM tinnota li kienu jeżistu sitwazzjonijiet alternattivi. Pereżempju, it-tħaddim tal-infrastruttura ferrovjarja seta’ tfassal u ġie fdat lil Rete Ferroviaria SpA; jew l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport lil passiġġieri seta’ ngħata wara sejħa għal offerti sabiex jitħalla jkun hemm għażla ta’ operatur li seta’ jikseb għanijiet fit-tul (bħalma huma l-effiċjenza u l-kwalità ta’ servizzi ta’ trasport u li l-ispejjeż ikunu mill-inqas u, għalhekk, jitnaqqsu n-nollijiet imħallsa minn dawk li jużaw it-trasport).
122. Nikkonkludi li t-trasferiment tat-tiżmim tal-azzjonijiet jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
IV. Konklużjoni
123. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja):
(1) Allokazzjoni statutorja għall-benefiċċju ta’ operatur tal-Istat ta’ infrastruttura ferrovjarja lokali u wieħed li jagħti servizzi ta’ trasport lokali lil passiġġieri, li jkollha titħallas mill-baġit tal-Istat u li kienet awtorizzata b’liġi finanzjarja, tikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u tista’ tkun attribwita lill-Istat;
tali allokazzjoni għandha titqies li tkun ingħatat jekk id-dritt inkundizzjonat li wieħed jirċeviha jkun ingħata lill-benefiċjarju skont id-dritt nazzjonali, jew jekk dak id-dritt ikun ingħata bla ħsara għal kundizzjonijiet u dawk il-kundizzjonijiet jitħarsu, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika;
tali allokazzjoni, li tnaqqas il-possibbiltà li kompetitur attiv fi Stati Membri oħra jidħol fis-suq, tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri;
tali allokazzjoni għandha titqies bħala adottata mill-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika jekk ma tkunx ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi preċedenti, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika; u
tali allokazzjoni għandha titqies bħala li tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk, l-ewwel nett, tkun tista’ tintuża sabiex tiżgura li l-benefiċjarju jibqa’ jopera, u, it-tieni nett, l-attivitajiet tal-benefiċjarju jkunu suġġetti għal monopolju legali li jkun jeskludi l-kompetizzjoni fis-suq, iżda mhux għas-suq, bir-riżultat li b’hekk l-allokazzjoni tħalli lill-benefiċjarju jibqa’ fis-suq u b’hekk it-tħaddim tal-infrastruttura ferrovjarja lokali u l-għoti ta’ servizzi lokali ta’ trasport lil passiġġieri ma jitħallewx jiġu fdati lill-impriżi oħra, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika;
(2) It-trasferiment, lill-operatur tal-Istat tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali, tat-tiżmim ta’ azzjonijiet tal-Istat fil-kapital ta’ operatur ta’ infrastruttura ferrovjarja lokali u fornitur ta’ servizzi ta’ trasport lokali lil passiġġieri, li jkun ipprovdut b’fondi pubbliċi u li jkollu lill-Istat bħala l-azzjonist waħdieni tiegħu, għandu jitqies bħala trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat;
tali trasferiment, li kien previst fid-digriet ta’ ministeru, jista jkun attribwit lill-Istat;
tali trasferiment, li jkun għall-benefiċċju ta’ impriża attiva fi Stati Membri oħra u li jnaqqas il-possibbiltà li kompetitur attiv fi Stati Membri oħra jidħol fis-suq, jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri;
tali trasferiment għandu jitqies bħala adottat mill-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika jekk ma jkunx ibbażat fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi preċedenti, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika;
tali trasferiment li bih operatur lokali f’diffikultajiet finanzjarji jakkwistah, mingħajr korrispettiv, operatur nazzjonali, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar jintrabat li jirripristina l-vijabilità finanzjarja ta’ dak tal-ewwel, jista’ jitqies bħala li jagħti vantaġġ kemm lill-operatur nazzjonali, jekk ikun hemm prospetti ta’ qligħ għall-operatur lokali, kif ukoll/jew għall-operatur lokali, jekk dan ikun kiseb dritt li l-vijabilità finanzjarja tiegħu tkun irripristinata, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika; u
tali trasferiment, li jippermetti lill-operatur lokali jibqa’ fis-suq u b’hekk ma jħallix li t-tħaddim tal-infrastruttura ferrovjarja lokali u l-għoti ta’ servizzi lokali ta’ trasport lil passiġġieri jiġu fdati lil impriżi oħra, jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Legge 28 dicembre 2015, n. 208 — Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriannuale dello Stato (legge di stabilità 2016) (il-Liġi tat‑28 ta’ Diċembru 2015, Nru 208, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet sabiex Jitħejja l-Baġit Annwali u Pluriannwali tal-Istat) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà”).
3 Decreto del Ministro delle Infrastrutture e dei Trasporti del 12 gennaio 2016, n. 9 (id-Digriet tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport tat‑12 ta’ Jannar 2016, Nru 9) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 9/2016”).
4 Decreto del Ministro delle Infrastrutture e dei Trasporti del 4 agosto 2016, n. 264 (id-Digriet tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport tal‑4 ta’ Awwissu 2016, Nru 264) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 264/2016”).
5 Legge 10 ottobre 1990, n. 287 – Norme per la tutela della concorrenza e del mercato (il-Liġi tal‑10 ta’ Ottubru 1990, Nru 287, li Tadotta Dispożizzjonijiet għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tas-Suq) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 287/1990”).
6 Decreto-legge 24 aprile 2017, n. 50 – Disposizioni urgenti in materia finanziaria, iniziative a favore degli enti territoriali, ulteriori interventi per le zone colpite da eventi sismici e misure per lo sviluppo (id-Digriet-Liġi tal‑24 ta’ April 2017, Nru 50 – Dispożizzjonijiet finanzjarji urġenti, inizjattivi favur entitajiet territorjali, interventi għaż-żoni milquta minn ċaqliq sismiku, u miżuri għall-iżvilupp) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 50/2017). Dak id-digriet-liġi wara nbidel f’liġi.
7 Segnalazione dell’AGCM del 12 ottobre 2016, n. AS1309 – Trasporto ferroviario regionale (Notifika mill-AGCM tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Nru AS1309 – Trasport ferrovjarju reġjonali) (iktar ’il quddim in-“notifika tal-AGCM”).
8 Decisione dell’AGCM del 16 novembre 2016, C12067 – Ferrovie dello Stato Italiane / Ferrovie del Sud-Est e Servizi Automobilistici, provvedimento n. 26234 – Non avvio istruttoria (Deċiżjoni tal-AGCM tas‑16 ta’ Novembru 2016, C12067 – Ferrovie dello Stato Italiane / Ferrovie del Sud-Est e Servizi Automobilistici, Digriet Nru 26234 – Ebda ftuħ ta’ investigazzjoni) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-AGCM”).
9 Ir-referenza, fit-tieni domanda magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), għall-Artikolu 107(3) TFUE ovvjament għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 108(3) TFUE.
10 Jeħtieġ li nispeċifika li, għalkemm it-talba tal-azzjoni fil-kawżi prinċipali hija għall-annullament tad-Digriet Nru 264/2016, li jipprevedi t-trasferiment ta’ FSE iżda li ma jikkonċernax l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun, huwa ċar mid-domandi magħmula u mir-raġunijiet għat-talba għal deċiżjoni preliminari li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk din l-aħħar miżura kif ukoll dik tal-ewwel jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.
11 Sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 36), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 46).
12 Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 47).
13 Sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 33), u tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea (C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 15).
14 Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 21), u tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 49).
15 Sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2001, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑99/98, EU:C:2001:94, punti 38 u 39), u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke (C‑129/12, EU:C:2013:200, punti 40 u 41); digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2016, Diputación Foral de Bizkaia vs Il-Kummissjoni (C‑426/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:757, punt 30), u s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2017, Nerea (C‑245/16, EU:C:2017:521, punti 32 u 33).
16 Huwa minnu li fil-kawża France Télécom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għajnuna għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li fih il-benefiċjarju jirċeviha (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 82)). Madankollu, is-soluzzjoni adottata fil-kawża France Télécom tapplika biss fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna tul ħafna snin, minħabba li dawk l-iskemi jinvolvu ħlasijiet jew vantaġġi mogħtija minn żmien għal żmien, bir-riżultat li d-data li fiha l-att li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-għajnuna hija adottata u d-data li fiha l-impriża fil-fatt tingħata l-għajnuna jkunu dati kunsiderevolment ’il bogħod minn xulxin. Is-soluzzjoni adottata fil-kawża France Télécom ma tapplikax jekk l-għajnuna ma tingħatax skont skema abbażi ta’ ħafna snin, kif huwa l-każ hawnhekk (ara d-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2016, Diputación Foral de Bizkaia vs Il‑Kummissjoni (C‑426/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:757, punt 29) u s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, ARFEA vs Il‑Kummissjoni (T‑720/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:853, punti 179 sa 182)).
17 Fis-seduta FSI u l-Gvern Taljan iddikjaraw, mingħajr ma ġew ikkontradetti, li l-allokazzjoni ma kinitx tħallset.
18 B’sostenn għall-pożizzjoni ta’ FSI, għandu jitqies ukoll il-memorandum ministerjali li jgħid li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun “titħallas wara li [FSE] tegħleb il-kriżi tagħha”. Dan jissuġġerixxi li l-fatt li l-vijabbiltà finanzjarja ta’ FSE tkun irripristinata hija kundizzjoni sabiex tingħata l-allokazzjoni.
19 Sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 140); tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam (C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 50); tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65); tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea (C‑150/16, EU:C:2017:388, punti 29 u 30), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 124).
20 Sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 67), u tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea (C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 32).
21 Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 75).
22 Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 78 sa 81), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France (C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punti 30 u 31).
23 Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 sa 86).
24 Skont il-Kummissjoni dik l-analiżi probabbilment saret bejn l-aħħar ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru 2015.
25 Skont il-karta ta’ bilanċ ta’ FSE għall‑2015, kif approvata (tardivament) mill-bord tagħha fit‑3 ta’ April 2017.
26 Sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punt 11); tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 141); tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam (C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 52); tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 66), u tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea (C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 31).
27 It-tmien linji ferrovjarju mħaddma minn FSE huma dawn li ġejjin: Bari–Taranto (113‑il km), Mungivacca–Putignano (44 km), Martina Franca–Lecce (103 km), Novoli–Garigliano (75 km), Casarano–Gallipoli (23 km), Lecce–Gallipoli (53 km), Zollino–Garigliano (47 km) u Maglie–Otranto (19‑il km) (ara l-punt 11 tad-deċiżjoni tal-AGCM).
28 Ara l-punt 14 tad-deċiżjoni tal-AGCM. Skont FSI, Ferrovie del Gargano tħaddem il-linji S.Severo–Peschici u Foggia–Lucera; Ferrovie Apulo-Lucane. tħaddem il-linji Bari–Altamura–Pellicciari–Potenza, Altamura–Marinella–Matera u Maglie–Otranto; u Ferrotramviaria tħaddem il-linja Bari–Barletta.
29 Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, ASM Brescia vs Il‑Kummissjoni (T‑189/03, EU:T:2009:193).
30 Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, ASM Brescia vs Il‑Kummissjoni (T‑189/03, EU:T:2009:193, punt 76). Ara wkoll is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulu 2014, Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il‑Kummissjoni (T‑309/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:676; punti 196 sa 207); tas‑26 ta’ Novembru 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑461/13, EU:T:2015:891, punt 92), u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Abertis Telecom Terrestre u Telecom Castilla-La Mancha vs Il‑Kummissjoni (T‑37/15 u T‑38/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:743, punt 153), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Azienda Napoletana Mobilità (C‑659/17, EU:C:2019:475, punt 35).
31 Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 107(1) TFEU (ĠU 2016, C 262, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat”).
32 Pereżempju, Arriva Italia semmiet li, ftit snin ilu, hija kienet ikkompetiet ma’ FSI fis-sejħa għall-offerti għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku f’Torino (l-Italja).
33 Kuntrarjament għal dak li ssottomettiet FSI fis-seduta, huwa irrilevanti li, f’dan il-każ, il-konċessjonijiet kienu ngħataw direttament mir-Regione Puglia, flok permezz ta’ sejħa għal offerti, minħabba li impriżi jikkompetu għall-għoti ta’ konċessjonijiet. Ara dwar dan il-punt 67 iktar ’il fuq.
34 Enfasi miżjuda.
35 Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, FSE ma għandhiex baġit indipendenti, u l-istimi tal-nfiq tagħha jidħlu fil-baġit tal-Istat.
36 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57), fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-integrazzjoni ta’ Wohnungsbauförderungsanstalt des Landes Nordrhein-Westfalen (“WfA”) fi Westdeutsche Landesbank Girozentrale (“WestLB”) kellha titqies bħala trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. WestLB kienet istituzzjoni bankarja rregolata mid-dritt pubbliku u kienet 100 % proprjetà pubblika. WfA, istituzzjoni għall-promozzjoni ta’ akkomodazzjoni billi tagħti self b’interessi baxxi jew mingħajr interessi, kienet ukoll irregolata mid-dritt pubbliku. WfA kellha personalità ġuridika u kellha bħala l-azzjonist waħdieni tagħha l-Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja). WfA kienet ittrasferita lil WestLB, li b’riżultat ta’ dan WfA saret istituzzjoni tad-dritt pubbliku indipendenti mil-lat organizzattiv u ekonomiku mingħajr kapaċità ġuridika fi WestLB. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li riżorsi tal-Istat kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha f’dak it-trasferiment, meqjus li WfA “kienet entità pubblika li kellha fondi pubbliċi u li l-uniku azzjonist tagħha kien [il-Land Nordrhein-Westfalen] (punt 182).
37 Sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑305/89, EU:C:1991:142, punt 24), tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 192 sa 195), u tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09, EU:T:2014:683, punti 387 sa 389).
38 Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 86), u tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 102).
39 Ara l-punt 6 tad-deċiżjoni tal-AGCM.
40 Sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑305/89, EU:C:1991:142, punt 20); tal‑14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑42/93, EU:C:1994:326, punt 14), u tat‑22 ta’ Mejju 2019, Real Madrid Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑791/16, EU:T:2019:346, punt 85).
41 Sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑303/88, EU:C:1991:136, punti 21 u 22), u tal‑4 ta’ Settembru 2014 SNCM u Franza vs Corsica Ferries France (C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 39).
42 Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 85), u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange (C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 139).
43 Fis-seduta l-Kummissjoni referiet għar-relazzjoni tal-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja) tal‑31 ta’ Mejju 2018, dwar is-sena 2016, li jgħid li “malli titlesta l-proċedura għall-approvazzjoni tal-arranġament mal-kredituri, [FSI] tirreġistra fuq il-karta tal-bilanċ ta’ FSE u fuq il-karta tal-bilanċ konsolidat tal-grupp, bħala dħul straordinarju pożittiv, ammont li jirriżulta mill-kanċellament ta’ djun mhux garantiti, li bħalissa huwa kkwantifikati għal madwar, l-iktar, EUR 63.5 miljun”. Ara Corte dei conti, determinazione e relazione n. 54/2018 sul risultato del controllo eseguito sulla gestione finanziaria di Ferrovie dello Stato Italiane SpA (il-Qorti tal-Awdituri, Rapport Nru 54/2018 dwar ir-riżultat tal-istħarriġ tat-tmexxija finanzjarja tal-Ferrovie dello Stato Italiane SpA), p. 41. Dan ir-rapport jinsab fis-sit tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri).
44 Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 75).
45 Sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2002, L‑Olanda vs Il‑Kummissjoni (C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 60 sa 66); tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑457/00, EU:C:2003:387, punti 55 sa 60); tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 81); tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 37) u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 75).
46 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2002:188, punt 103), u tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Azienda Napoletana Mobilità (C‑659/17, EU:C:2019:475, punt 30).
47 Ara wkoll il-punt 187 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.
48 Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 73); tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 145), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Athletic Club vs Il‑Kummissjoni (T‑679/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:112, punt 76).