Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fil‑25 ta’ Settembru 2019 (1)
Kawża C‑785/18
GAEC Jeanningros
vs
Institut national de l’origine et de la qualité (INAO),
Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,
Ministre de l’Économie et des Finances,
bl-intervent ta’:
Comité interprofessionnel de gestion du Comté
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))
“Domanda preliminari — Agrikoltura — Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel — Emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott — Emenda mhux minuri — Emenda minuri — Applikazzjoni għal emenda minuri kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali — Ġurisprudenza nazzjonali li tiċħad l-appell kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’”
1. Konformement mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (2), id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (iktar ’il quddiem id-“DOP”) għandhom jikkonformaw ma’ dak stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jinkludu ismu, id-deskrizzjoni tal-prodott, il-metodu kif jinkiseb, id-delimitazzjoni taż-żona ġeografika u dettalji rilevanti oħrajn.
2. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott jistgħu jiġu emendati permezz ta’ proċeduri amministrattivi komposti, simili għal dawk li jirregolaw ir-reġistrazzjoni inizjali tad-DOP, fejn jintervjenu kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. L-iskema tagħhom hija ddefinita f’regolament ta’ delega (3), kif ukoll f’regolament ta’ implimentazzjoni (4) u tvarja daqsxejn skont l-importanza ta’ dawn l-emendi.
3. Id-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-funzjoni tal-qrati msejħa sabiex jistħarrġu l-validità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali mogħtija f’dawn il-proċeduri.
4. B’mod partikolari, għandu jiġi ċċarat jekk, meta l-Kummissjoni tkun laqgħet applikazzjoni għal emenda “minuri” tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, approvata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ dan l-Istat għandhomx jiddeċiedu l-appelli pendenti kontra d-deċiżjonijiet nazzjonali li permezz tagħhom tkun twettqet din l-emenda.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 1151/2012
5. Konformement mal-Artikolu 7:
“1. Denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, għandha tkun konformi ma’ speċifikazzjoni li għandu jkun fiha mill-inqas:
(a) l-isem li għandu jiġi protett bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika […];
(b) deskrizzjoni tal-prodott, inkluża materja prima, jekk ikun opportun, kif ukoll il-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tal-prodott;
(c) id-definizzjoni taż-żona ġeografika […] u, fejn ikun opportun, id-dettalji li jindikaw konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3);
(d) evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fl-Artikolu 5(1) jew (2);
(e) deskrizzjoni tal-metodu kif jinkiseb il-prodott u, fejn ikun opportun, tal-metodi lokali awtentiċi u li ma jinbidlux kif ukoll informazzjoni dwar l-ippakkjar […];
(f) dettalji li jistabbilixxu dan li ġej:
(i) ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 5(1); jew
ii) fejn ikun oppoprtun, ir-rabta bejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra speċifika tal-prodott u l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 5(2);
[…]
h) kwalunkwe regola ta’ ttikkettar speċifika għall-prodott ikkonċernat.
[…]”
6. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) jipprovdi li:
“L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell”.
7. L-Artikolu 53 jindika li:
“1. Grupp li jkollu interess leġittimu jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda fi speċifikazzjoni ta’ prodott.
L-applikazzjonijiet għandhom jiddeskrivu u jagħtu raġunijiet għall-emendi mitlubin.
2. Fejn l-emenda tkun tinvolvi emenda waħda jew aktar għall-ispeċifikazzjoni li ma jkunux minuri, l-applikazzjoni għall-emenda għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 49 sa 52.
Madankolllu, jekk l-emendi proposti jkunu minuri, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta l-applikazzjoni. Fil-każ ta’ approvazzjoni ta’ emendi li jimplikaw modifika tal-elementi msemmija fl-Artikolu 50(2), il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-elementi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Biex emenda titqies bħala waħda minuri fil-każ tal-iskema tal-kwalità deskritta fit-Titolu II, din ma għandhiex:
(a) tkun marbuta mal-karatteristċi essenzjali tal-prodott;
(b) tibdel ir-rabta msemmija fil-punt (f)(i) jew (ii) tal-Artikolu 7(1);
(c) tinkludi bidla fl-isem, jew f’xi parti tal-isem, tal-prodott;
(d) taffettwa ż-żona ġeografika definita; jew
(e) tirrappreżenta żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-prodott jew il-materja prima tiegħu.
[…]”
2. Ir-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014
8. L-Artikolu 6(2) (“Emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott”) jistabbilixxi li:
“L-applikazzjonijiet għal emenda minuri għal speċifikazzjoni ta’ prodott dwar denominazzjonijiet protetti tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom jitressqu quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru li ż-żona ġeografika tad-denominazzjoni jew indikazzjoni tirreferi għalih. […]
L-applikazzjoni għal emenda minuri għandha tipproponi biss emendi minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament [Nru 1151/2012]. Din għandha tiddeskrivi dawk l-emendi minuri, tesprimi fil-qosor ir-raġuni għaliex hija meħtieġa emenda, u turi li l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala minuri skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din għandha tqabbel, għal kull emenda, l-ispeċifikazzjoni oriġinali tal-prodott u, fejn rilevanti, dokument uniku oriġinali bil-verżjoni emendata proposta. L-applikazzjoni għandha tkun awtosuffiċjenti u għandha tinkludi l-emendi kollha għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u fejn rilevanti, għad-dokument uniku li għalihom tkun qiegħda titfittex l-approvazzjoni.
L-emendi minuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitqiesu approvati jekk il-Kummissjoni ma tinformax lill-applikant mod ieħor fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni.
Applikazzjoni għal emenda minuri li ma tikkonformax mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tkun ammissibbli. L-approvazzjoni taċita msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għal applikazzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant jekk l-applikazzjoni hix meqjusa bħala inammissibbli fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblika l-emenda minuri approvata għal speċifikazzjoni ta’ prodott li ma timplikax modifika tal-elementi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012”.
3. Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2014
9. L-Artikolu 10 (“Ir-rekwiżiti proċedurali għall-emendi għal speċifikazzjoni ta’ prodott”) jipprovdi li:
“1. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti li mhijiex minuri għandhom jitfasslu skont il-formola stabbilita fl-Anness V. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jimtlew skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Id-dokument uniku emendat għandu jitfassal skont il-formola stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fid-dokument uniku emendat għandha twassal għall-verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott proposta.
[…]
2. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitfasslu skont il-formola stabbilita fl-Anness VII għal dan ir-Regolament.
L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri li tikkonċerna denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokument uniku aġġornat, jekk jiġi emendat, li għandu jitfassal skont il-formola stabbilita fl-Anness I. Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fid-dokument uniku emendat għandha twassal għall-verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott proposta.
Għall-applikazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinkludu dikjarazzjoni li huma tal-fehma li l-applikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati b’konformità miegħu, kif ukoll ir-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata […]. L-applikazzjonijiet għal emenda minuri fil-każijiet imsemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 664/2014 għandhom jinkludu r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata, għall-applikazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Membri, flimkien mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata għall-applikazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi.
[…]”
B. Id-dritt nazzjonali. Id-digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017, tal-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel u tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi, dwar l-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté” (5)
10. L-Artikolu 1 jipprovdi li:
“L-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’, emendati bi proposta tal-Kummissjoni permanenti tal-Kumitat Nazzjonali għad-denominazzjonijiet tal-ħalib, agroalimentari u forestali tal-Istitut Nazzjonali tal-oriġini u tal-kwalità, ġew approvati sabiex jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea.”
11. Konformement mal-Artikolu 2:
“Dan id-digriet għandu jkun applikabbli mid-data ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-emendi fl-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’.
Id-data ta’ approvazzjoni tal-emendi min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel, flimkien ma’, jekk ikun meħtieġ, il-verżjoni approvata tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott.”
II. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12. Fis‑16 ta’ Novembru 2017, il-Groupement agricole d’exploitation en commun (iktar ’il quddiem “GAEC”) Jeanningros ikkontesta d-Digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017 quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), fejn talab l-annullament tal-klawżola 5.1.18 tal-ispeċifikazzjonijiet emendati, li tipprojbixxi l-“magna tat-taħlib”.
13. Permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fl‑1 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni approvat l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté” (6), konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tielet subparagrafu l-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014.
14. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu dubju dwar jekk għandux jiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat kontra d-Digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017, li għadu pendenti, jew jekk, għall-kuntrarju, ma hemmx lok li jagħti deċiżjoni, bħalma ġara f’każijiet oħrajn (7).
15. Sa issa, il-pożizzjoni meħuda mill-qorti tar-rinviju hija li, meta tkun adita bil-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Gvern Franċiż jibgħat lill-Kummissjoni applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ DOP flimkien mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott approvati u, fil-mument li tingħata s-sentenza, il-Kummissjoni tkun diġà inkludiet din id-denominazzjoni fir-reġistru (8), din il-kontestazzjoni tispiċċa mingħajr skop.
16. Skont din il-ġurisprudenza, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ma għandux jeżamina l-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott irreġistrati mill-Kummissjoni, anki jekk, kif jiġri f’dan il-każ, tkun ġiet ikkontestata d-deċiżjoni nazzjonali li hija l-bażi tagħha. Dan jiġri wkoll fir-rigward tal-emendi ta’ importanza minuri.
17. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan il-mod ta’ kif wieħed jipproċedi huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni jew jekk, għall-kuntrarju, fil-konfront tal-konsegwenza li l-annullament eventwali tal-att nazzjonali kkontestat jista’ jkollu fuq il-validità tar-reġistrazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità ta’ dan l-att.
18. Id-dubji tagħha wasslu lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) sabiex jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji, u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat‑13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-ipoteżi partikolari li fiha l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ talba tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru intiża għal bidla fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ isem u tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata, filwaqt li din it-talba tkun għadha s-suġġett ta’ rikors pendenti quddiem il-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma jkunx hemm iktar lok li tinqata’ l-kwistjoni pendenti quddiemhom jew, fid-dawl tal-effetti marbuta ma’ annullament eventwali tal-att ikkontestat dwar il-validità tar-reġistrazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, huma jkollhom jagħtu deċiżjoni dwar il-legalità tal-att tal-awtoritajiet nazzjonali?”
19. Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li taqta’ l-kawża mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali.
III. Analiżi
20. Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, jidhirli li, minn naħa waħda, għandha tiġi analizzata l-iskema tal-proċeduri amministrattivi previsti sabiex jitwettqu l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom.
A. Il-proċeduri għall-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP
21. L-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, bħar-reġistrazzjoni tagħhom, issir permezz ta’ proċedura amministrattiva komposta, b’intervent tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru u tal-Kummissjoni. Il-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012 tindika din iċ-ċirkustanza (9).
22. L-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ emendi, jiġifieri dawk “li ma jkunux minuri” u dawk minuri.
23. L-emendi mhux minuri huma:
– dawk marbuta mal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott;
– dawk li jibdlu r-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku, jew ir-rabta bejn ċerta kwalita, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu (inċiżi (i) jew (ii) tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 1151/2012);
– dawk li jinkludu bidla fl-isem tal-prodott jew fi kwalunkwe parti tal-isem tiegħu;
– dawk li jaffettwaw iż-żona ġeografika ddefinita; u
– dawk li jirrappreżentaw żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-prodott jew il-materja prima tiegħu.
24. Emendi minuri huma dawk li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 ma jqisx li huma importanti.
25. B’mod parallel, l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jikkunsidra żewġ proċeduri sabiex jitwettqu l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott. Għal dawk mhux minuri, isir riferiment fl-Artikoli 49 sa 52 (jiġifieri, għall-proċedura applikabbli għar-reġistrazzjoni tad-DOP); għal dawk minuri, tiġi stabbilita proċedura ssemplifikata.
1. Proċedura (ordinarja) għall-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP
26. Il-proċedura għal reġistrazzjoni tad-DOP tirregola, għalhekk, l-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott (10). Din tikkonsisti fl-ewwel fażi (Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1151/2012) li tibda permezz tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-DOP, ippreżentata minn grupp ta’ produtturi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ġeografikament tinsab iż-żona ta’ produzzjoni.
27. Dawn l-awtoritajiet għandhom janalizzaw l-applikazzjoni bil-mezzi xierqa sabiex jivverifikaw li hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti mir-regolament imsemmi. Għandha tiġi żgurata l-pubblikazzjoni xierqa tal-applikazzjoni, flimkien mat-terminu raġonevoli li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni (11).
28. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevalwaw id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni rċevuti u jiddeċiedu jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1151/2012. Jekk l-evalwazzjoni tagħhom tkun pożittiva, jadottaw deċiżjoni u għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni u l-aċċess permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li fuqhom ikunu bbażaw id-deċiżjoni favorevoli tagħhom.
29. F’dan il-mument huwa ta’ rilevanza partikolari l-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, li skontu “[l-]Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell”.
30. Jekk id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti hija favorevoli, il-fażi nazzjonali tintemm billi jintbagħat il-fajl lill-Kummissjoni, li tiġi informata wkoll dwar l-oppożizzjoni ammissibbli li tkun saret (12).
31. Il-fażi “Ewropea” ta’ din il-proċedura tibda bl-eżami li għandha twettaq il-Kummissjoni, ladarba tirċievi d-deċiżjoni nazzjonali, sabiex tivverifika jekk l-applikazzjoni hijiex iġġustifikata u tissodisfax il-kundizzjonijiet imniżżla għad-DOP. Jekk, wara dan l-eżami (li ma għandux idum iktar minn sitt xhur), il-Kummissjoni tagħżel li tapprova l-applikazzjoni (13), din għandha tippubblika d-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fil-ĠUUE (14).
32. Wara l-pubblikazzjoni fil-ĠUUE, l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012 jindika li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tinsab stabbilita f’pajjiż terz, ikunu jistgħu jippreżentaw l-avviż ta’ oppożizzjoni tagħhom (15). Il-Kummissjoni għandha tibgħat mingħajr dewmien dan l-avviż lill-awtorità tal-Istat Membru li tkun ippreżentat l-applikazzjoni (16), filwaqt li, sussegwentment, jekk din l-oppożizzjoni tiġi kkonfermata, tiftaħ proċedura (17).
33. Jekk ma tirċievi l-ebda avviż ta’ oppożizzjoni (jew l-ebda dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli), il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott, mingħajr ma tapplika l-proċedura li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1151/2012.
34. Il-Kummissjoni għandha tipproċedi bl-istess mod jekk, wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li tkun ammissibbli, ikun intlaħaq qbil wara l-konsultazzjonijiet indikati fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 1151/2012. Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni għar-reġistrazzjoni jew l-emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP, skont il-proċedura ta’ eżami tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 (18).
35. Fi kwalunkwe każ, l-atti ta’ emenda mhux minuri ta’ DOP u d-deċiżjonijiet ta’ rifjut għandhom jiġu ppubblikati fil-ĠUUE (19).
2. Il-proċedura (issemplifikata) għall-emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP
36. Ir-Regolament Nru 1151/2012 irregola b’mod konċiż din il-proċedura ssemplifikata. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) sempliċement jistabbilixxi li “jekk l-emendi proposti jkunu minuri, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta l-applikazzjoni”. Iżid li, jekk l-emenda tad-dokument uniku jew tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tiġi approvata, il-Kummissjoni għandha tippubblikaha fil-ĠUUE.
37. Ir-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 żviluppa din il-proċedura ssemplifikata billi ġabha eqreb għal dik ordinarja tal-Artikolu 6(2) tiegħu. Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-applikazzjonijiet għal emenda minuri: i) għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni; ii) għandhom jiddeskrivu dawn l-emendi, billi jispjegaw għaliex jiġu kkunsidrati minuri, u jqabbluhom mat-test oriġinali; iii) ma għandhomx jipprevedu proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-proċedura ordinarja (20).
38. Fl-aħħar nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 jistabbilixxi li, jekk l-Istat Membru jqis li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tiegħu, jista’ jippreżenta fajl ta’ applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP lill-Kummissjoni.
39. Il-fażi “Ewropea” ta’ din il-proċedura hija wkoll issemplifikata. F’dan il-livell ma hemmx il-proċedura ta’ oppożizzjoni u l-Kummissjoni għandha s-setgħa ta’ deċiżjoni, li tista’ tiġi espressa jew preżunta (emendi minuri jiġu meqjusa bħala approvati jekk il-Kummissjoni ma tinformax lill-applikant mod ieħor, fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni) (21). Jekk il-Kummissjoni tqis l-applikazzjoni bħala inammissibbli, għandha tavża lill-applikant fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tagħha. Jekk tapprovaha, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP.
B. L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati fil-proċeduri għal emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP
40. Skont dak li għadni kif spjegajt, kemm il-proċedura ordinarja, kif ukoll dik issemplifikata, huma proċeduri amministrattivi komposti fejn jintervjenu, suċċessivament, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni.
41. Dan it-tip ta’ proċeduri komposti huma rregolati każ b’każ fid-dritt tal-Unjoni (22) u ġew studjati b’mod estensiv mid-duttrina, minħabba li qajmu diversi kwistjonijiet legali (23).
42. L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati f’dawn il-proċeduri ġie indirizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, każ b’każ u b’mod mhux eżawrjenti wkoll (24), għalkemm diversi kawżi reċenti, fil-qasam tal-unjoni bankarja, qegħdin jikkontribwixxu sabiex jifformaw il-ġurisprudenza tagħha (25).
43. Fil-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża Berlusconi u Fininvest, analizzajt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri amministrattivi komposti tal-Unjoni Ewropea, fejn issir distinzjoni skont jekk is-setgħa deċiżjonali tkunx f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (26).
44. Fis-sentenza Berlusconi u Fininvest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-qosor, li l-Artikolu 263 TFUE jipprekludi li l-qrati nazzjonali jeżerċitaw il-kontroll tal-legalità tal-atti promoturi, preparatorji u ta’ proposta mhux vinkolanti mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi ħdan il-proċedura amministrattiva komposta ta’ awtorizzazzjoni għall-akkwist jew iż-żieda fil-parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fi stabbilimenti ta’ kreditu. Min-naħa tagħha, id-dikjarazzjoni kienet ibbażata fuq żewġ premessi:
– Meta l-atti tal-awtoritajiet nazzjonali huma stadju tal-proċedura fejn istituzzjoni tal-Unjoni teżerċita, waħedha, is-setgħa deċiżjonali finali, mingħajr ma tkun marbuta mill-atti preparatorji jew mill-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn ikunu atti tal-Unjoni (27).
– Meta d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi s-setgħa deċiżjonali esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha konformement mal-Artikolu 263 TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata mill-istituzzjoni tal-Unjoni. Esklużivament il-qorti tal-Unjoni għandha teżamina, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet ikkonċernati, id-difetti eventwali li jivvizzjaw l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li huma ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni finali (28).
45. Kif esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (29), fil-proċeduri amministrattivi komposti fejn jipparteċipaw awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni, l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali huwa l-element kruċjali sabiex jiġi stabbilit jekk l-istħarriġ ġudizzjarju għandux jiġi eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali. Meta s-setgħa deċiżjonali tkun f’idejn organu tal-Unjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun f’idejn il-qorti tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 263 TFUE. Jekk l-awtorità nazzjonali għandha setgħa deċiżjonali speċifika, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jikkontrollaw il-legalità tal-atti tagħhom (30).
46. Fl-ewwel fażi tal-proċedura komposta għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom setgħa deċiżjonali proprja? Jekk dan huwa l-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni interna għandu jikkonċerna l-qrati nazzjonali, irrispettivament minn jekk il-Kummissjoni tadottax id-deċiżjoni għal reġistrazzjoni tal-emenda fit-tieni fażi tal-proċedura jew le.
47. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa xieraq li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri għal reġistrazzjoni tad-DOP (31). Kif ser nispjega sussegwentement, din il-ġurisprudenza turi, fl-opinjoni tiegħi, li l-awtoritajiet tal-Istat Membru korrispondenti għandhom setgħa deċiżjonali speċifika u awtonoma fil-fażi nazzjonali tal-proċedura.
48. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-proċedura ordinarja għal reġistrazzjoni ta’ DOP:
– “teżisti kondiviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni. Issa jekk tkunx reġistrazzjoni skont il-proċedura normali jew skont il-proċedura simplifikata, ir-reġistrazzjoni tista’ sseħħ biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel applikazzjoni f’dan ir-rigward u jekk ikun ikkomunika l-kundizzjonijiet u t-termini kif ukoll l-informazzjoni neċessarja għar-reġistrazzjoni” (32).
– “[…] Stat Membru li tkun saritlu applikazzjoni għal reġistrazzjoni fil-kuntest tal-proċedura normali għandu jivverifika li din l-applikazzjoni tkun iġġustifikata u, meta jqis li r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 2081/92 ikunu sodisfatti, jibgħatha lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, […] il-Kummissjoni tagħmel sempliċi eżami formali sabiex tivverifika jekk l-imsemmija rekwiżiti jkunux sodisfatti” (33).
49. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li “d-deċiżjoni li jiġi rreġistrat isem bħala DOP […] ma tistax tittieħed mill-Kummissjoni ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun bagħtilha applikazzjoni għal dan il-għan u li tali applikazzjoni tista’ ssir biss jekk l-Istat Membru jkun ivverifika li hija ġġustifikata. Din is-sistema ta’ kondiviżjoni ta’ kompetenzi hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li r-reġistrazzjoni tippresupponi l-verifika li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, li tirrikjedi, sa ċertu punt, għarfien dettaljat ta’ elementi li jkunu marbuta mal-Istat Membru kkonċernat, elementi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jivverifikaw” (34).
50. Inqis li din il-ġurisprudenza dwar il-proċedura għal reġistrazzjoni ta’ DOP tista’ tiġi estiża għall-proċedura ordinarja ta’ emendi mhux minuri għall-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott: kif diġà spjegajt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jagħmel riferiment għall-Artikoli 49 sa 52 tiegħu, li jittrattaw ġustament din il-proċedura għal reġistrazzjoni.
51. Nikkunsidra li tista’ tiġi estiża wkoll għall-proċedura ssemplifikata, minħabba li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 ittrattaha b’mod simili għal dik ordinarja (li, min-naħa tagħha, hija dik imsemmija għar-reġistrazzjoni tad-DOP), għalkemm bi tħassir tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni fiż-żewġ fażijiet.
52. Il-ġurisprudenza ċċitata tirrigwarda l-proċedura ordinarja għal reġistrazzjoni tad-DOP, stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92, li huwa l-predeċessur ta’ dak attwali (Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament Nru 1151/2012). Kif diġà spjegajt, kienet tirrigwarda wkoll il-proċedura ta’ dak li kien l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, il-proċedura ssemplifikata u tranżitorja għar-reġistrazzjoni fl-Unjoni tad-DOP eżistenti, protetti jew stabbiliti permezz tal-użu fl-Istati Membri (35).
53. Dawn il-proċeduri kienu jinkludu wkoll fażi nazzjonali u oħra Ewropea, ta’ natura simili għal dawk attwali ta’ reġistrazzjoni u ta’ emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP. Nirrepeti li, konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li analizzathom tista’ tiġi estiża għall-emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP.
54. Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, l-awtorità nazzjonali għandha l-kontroll tal-proċedura għal emenda minuri, li huwa ġġustifikat, inter alia (36), għar-raġunijiet li ġejjin:
– Il-gruppi ta’ produtturi huma obbligati li jibdew din il-proċedura quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab id-DOP. Dawn il-gruppi ma jistgħux jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom direttament lill-Kummissjoni.
– L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivverifikaw il-kompatibbiltà tal-proposta mar-rekwiżiti sostantivi tar-Regolament Nru 1151/2012, minħabba li huma dawn li għandhom l-għarfien l-iktar b’saħħtu sabiex jivverifikaw l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn l-emendi minuri.
– L-awtorità tal-Istat Membru hija kompetenti sabiex tapprova jew tirrifjuta l-applikazzjoni għal emenda minuri fil-fażi nazzjonali. Għalhekk, hija għandha l-muftieħ sabiex tiftaħ jew ma tiftaħx l-istadju sussegwenti tal-proċedura, permezz tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni lill-Kummissjoni. Mingħajr deċiżjoni favorevoli tal-awtorità nazzjonali, il-Kummissjoni ma tistax tintervjeni.
– Il-Kummissjoni tevalwa jekk l-applikazzjoni għal emenda minuri hijiex konformi mar-Regolament Nru 1151/2012, mar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2014, jiġifieri, jekk tinkludix l-elementi meħtieġa u jekk hijiex ivvizzjata bi żbalji manifesti (37).
– L-awtorità nazzjonali jibqa’ jkollha l-possibbiltà li tirtira l-applikazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni qabel ma din tirreġistraha.
55. Dawn is-setgħat jenfasizzaw li l-awtorità nazzjonali għandha setgħa deċiżjonali awtonoma wiesgħa fil-fażi nazzjonali tal-proċedura komposta għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP (38). Din is-setgħa hija suġġetta biss għall-kontroll tal-qrati nazzjonali, u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-fażi Ewropea tal-proċedura (39).
56. Din l-affermazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, li għamilt riferiment għalih iktar ’il fuq (40). Fil-fatt, permezz tar-regola bażika proprja, il-leġiżlatur Ewropew irrikonoxxa, b’mod individwali, li, fil-konfront tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membru favur l-emenda tal-ispeċifikazzjoni, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata b’mod leġittimu għandu jkollha “opportunità biex tagħmel appell”.
57. Ċertament, dan l-appell—li, naturalment, jiġi ppreżentat quddiem il-qrati nazzjonali— huwa previst espressament għad-deċiżjonijiet dwar l-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP. Madankollu, minħabba l-prossimità tal-proċeduri li jirregolaw dawn l-emendi u dawk minuri, naħseb li d-dritt għall-preżentata ta’ appell japplika bl-istess mod għal dawn tal-aħħar.
58. Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar l-emendi minuri ma humiex fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Unjoni, fir-rigward tal-atti awtonomi indispensabbli sabiex, sussegwentement, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwarhom. Fir-realtà, mill-perspettiva materjali u minħabba l-marġini ta’ diskrezzjoni verament limitat li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, huma d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dawk li, fil-verità, jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġġustifikaw l-approvazzjoni ta’ dawn il-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet.
59. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali dawk li għandhom jirrikonoxxu l-irregolaritajiet ta’ att nazzjonali, fejn xieraq wara li jkunu ressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ stħarriġ applikabbli għal kull att definittiv li, adottat mill-istess awtorità nazzjonali, ikun jista’ jippreġudika lil partijiet terzi, u jikkunsidraw l-appell ippreżentat għal dan il-għan bħala ammissibbli, fl-interess tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, anki jekk ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura ma jippreveduhx (41).
C. L-effett ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fuq il-kawża prinċipali
60. Il-partijiet qegħdin jittrattaw, quddiem il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat), emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tal-ġobon “Comté”. Ma hemmx dubju li l-klawżola ġdida kkontestata (numru 5.1.18), li tintroduċi l-projbizzjoni tal-magni tat-taħlib, hija ta’ natura minuri.
61. Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk ir-regolamenti li diġà sar riferiment għalihom u l-Artikolu 47 tal-Karta jippermettulhiex tikkonferma l-ġurisprudenza preċedenti tagħha (li skontha ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għall-appelli pendenti, ladarba l-Kummissjoni tkun approvat l-emenda) jew għandhomx iwassluha għall-korrezzjoni tagħha.
62. Il-kunsiderazzjonijiet li esprimejt sa issa, ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri għal reġistrazzjoni tad-DOP u fuq ir-regoli relatati ma’ dan il-qasam (b’attenzjoni speċjali għall-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012), iwassluni sabiex niffavorixxi t-tieni waħda minn dawn iż-żewġ pożizzjonijiet.
63. Għal dan il-għan, inqis li, il-fatt li ma tingħatax deċiżjoni dwar appell ippreżentat minn min jista’ jagħmel dan b’mod leġittimu, fil-każ ta’ emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, huwa inkompatibbli mad-dritt li r-Regolament Nru 1151/2012 jagħti lill-persuni kkonċernati u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri komposti għal reġistrazzjoni tad-DOP. B’dan l-istess mod, ma jikkonformax mal-Artikolu 47 tal-Karta.
64. Fir-realtà, b’dan tiġi risposta d-domanda preliminari, minħabba li l-qorti tar-rinviju tibbaża din tal-aħħar fuq l-obbligu, jew in-nuqqas ta’ obbligu, li tittieħed deċiżjoni dwar l-appell, minflok fuq il-konsegwenzi li s-sentenza tagħha jista’ jkollha fuq id-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Kummissjoni. Madankollu, ser nagħmel riferiment anki għal dawn tal-aħħar.
65. Fil-fehma tiegħi, l-annullament tal-att nazzjonali li permezz tiegħu ġiet approvata l-emenda minuri, għat-trasferiment tagħha lill-Kummissjoni, iwassal, bħala reazzjoni ta’ katina, għan-nuqqas ta’ bażi legali għad-deċiżjoni proprja tal-Kummissjoni.
66. Sabiex tiġi evitata din il-konsegwenza mhux mixtieqa, ikun xieraq li l-Kummissjoni tissospendi l-ipproċessar tal-fażi tal-proċedura li tkun għaddejja quddiemha, meta jkun hemm appelli pendenti quddiem il-qrati nazzjonali kontra d-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li approvat l-emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott (42). B’dan il-mod, minn naħa waħda, ikun hemm iktar konformità mad-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, maċ-ċertezza legali, b’tali mod li jiġi evitat li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jibqgħu, a posteriori, mingħajr bażi legali (43).
67. L-obbligu li jiġi żgurat l-effett utli tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-appellanti quddiem il-qrati nazzjonali, awtorizzati b’regola tad-dritt tal-Unjoni, u, possibbilment, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (44), għandhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex, fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, tinkludi ċ-ċirkustanza fejn ikun hemm appelli pendenti kontra d-deċiżjoni nazzjonali quddiem il-qrati tal-Istat Membru (45).
68. Bl-istess mod, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jippreżentaw l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP quddiem il-Kummissjoni, jekk hemm appelli pendenti quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-approvazzjoni tagħha jew, a fortiori, jekk tkun ingħatat sentenza ta’ annullament minn qorti nazzjonali, anki jekk ma tkunx definittiva.
69. Fil-qosor, il-Kummissjoni jkollha tastjeni milli tipproċessa l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, kemm jekk hija tkun taf bl-eżistenza ta’ appelli pendenti kontra d-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni, kif ukoll jekk hemm sentenzi li jagħmluha totalment jew parzjalment invalida. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-annullament eventwali ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali permezz ta’ sentenza definittiva tal-qrati tal-Istat Membru, li għandhom l-obbligu li ma jiddeċidux dwar l-appelli pendenti quddiemhom, iwassal għat-telf mhux mistenni fil-validità tad-deċiżjoni proprja tal-Kummissjoni.
IV. Konklużjoni
70. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej:
“L-Artikoli 49(4) u 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, u l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jiddikjaraw li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appelli pendenti quddiemhom kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità nazzjonali dwar l-emendi minuri għall-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta, fuq il-bażi li l-Kummissjoni, ladarba dawn l-appelli kienu pendenti, kienet evalwat u ppubblikat din l-applikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1151/2012 tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 216, p. 40, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2013, L 55, p. 27).
3 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU 2014, L 179, p. 17).
4 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat‑13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2014, L 179, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 19, p. 20, fil-ĠU 2017, L 67, p. 121, fil-ĠU 2016, L 68, p. 20, u fil-ĠU 2015, L 39, p. 23).
5 Arrêté du 8 septembre 2017 du ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation et du ministre de l’Économie et des Finances relatif à la modification du cahier des charges et de l’appellation d’origine protégée “Comté” (JORF Nru 217, tas‑16 ta’ Settembru 2017; iktar ’il quddiem, id-“Digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017”).
6 Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2018, C 187, p. 7).
7 Conseil d’Etat, “Syndicat de défense et de promotion des fabricants et affineurs du Morbier”, 5 novembre 2003, req. n.º 0230438.
8 Ir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti huwa pprovdut fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1151/2012. Dan jista’ jiġi aċċessat fuq .
9 “Sabiex ikun żgurat li l-ismijiet irreġistrati ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi kif ukoll ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet minimi komuni, li jinkludu proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-applikazzjonijiet biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball evidenti u li jkun ittieħed kont tal-liġi tal-Unjoni u tal-interessi tal-partijiet interessati barra l-Istat Membru tal-applikazzjoni”.
10 L-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Delega Nru 684/2014 jestendi wkoll din il-proċedura ordinarja għall-każ ta’ annullament tar-reġistrazzjoni ta’ DOP meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott jew meta prodott ma jiġix ikkummerċjalizzat taħt id-DOP għal mill-inqas seba’ snin.
11 Artikolu 49(3) tar-Regolament Nru 1151/2012.
12 Jiġifieri, dawk li ġew mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu kkummerċjalizzaw legalment il-prodott inkwistjoni bl-użu kontinwu tal-ismijiet korrispondenti għal mill-inqas ħames snin qabel (Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012).
13 Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta l-applikazzjoni, minħabba li ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet, din għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti għar-rifjut tal-applikazzjoni (Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012).
14 Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament Nru 1151/2012.
15 Fi kwalunkwe każ, dan l-avviż għandu jinkludi dikjarazzjoni li tindika li l-applikazzjoni tista’ tikser il-kundizzjonijiet imsemmija fir-regolament fir-rigward tal-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott.
16 Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.
17 L-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jiġi akkumpanjat, fi żmien xahrejn, minn dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni, li l-ammissibbiltà tagħha tiġi analizzata mill-Kummissjoni. Jekk tikkunsidraha ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtorità jew persuna li jressqu l-oppożizzjoni u lill-awtorità nazzjonali li ppreżentat l-applikazzjoni sabiex jidħlu f’konsultazzjonijiet adegwati għal terminu raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur.
18 Artikolu 52(2) u (3) tar-Regolament Nru 1151/2012.
19 Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1151/2012.
20 Madankollu, meta l-applikazzjoni għal emenda minuri ma ssirx mill-grupp li jkun ippreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-isem jew l-ismijiet li jsir riferiment għalihom fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott, l-Istat Membru jagħti lil dan il-grupp (jekk jibqa’ jeżisti) l-opportunità li jwettaq osservazzjonijiet.
21 Madankollu, l-approvazzjoni taċita ma għandhiex tapplika għall-emendi minuri li ma humiex konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014.
22 Proposta duttrinali ambizzjuża ta’ kodifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi tal-Unjoni hija dik ta’ Mir, O., Hofmann, H.C.H., Schneider, J.‑P., Ziller, J. et (edituri), Código ReNEUAL de procedimiento administrativo de la Unión Europea, INAP, Madrid, 2015. L-Artikolu I‑4(4) tal-Código ReNEUAL jiddefinixxi “proċedura komposta” bħala proċedura amministrattiva li fiha l-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk ta’ Stat Membru, jew ta’ diversi Stati Membri, għandhom kompiti distinti li huma interdipendenti. Proċedura komposta hija wkoll waħda li tikkonsisti fl-ikkombinar ta’ żewġ proċeduri amministrattivi relatati direttament.
23 Alonso de León, S., Composite administratives procedures in the European Union, Iustel, Madrid, 2017; Eliantonio, M., “Judicial Review in an Integrated Administration: the Case of ‘Composite Procedures’”, Review of European Administrative Law, 2014 n.º 2, pp. 65 sa 102; Della Cananea, G., “I procedimenti amministrativi composti dell’Unione europea”, f’Bignami, F. u Cassese, S. (dirs.), Il procedimento amministrativo nel diritto europeo, Milano, Giuffrè, 2004; Mastrodonato, G., I procedimenti amministrativi composti nel diritto comunitario, Bari, Cacucci, 2007; Hofmann, H.C.H., “Composite decision‑making procedures in EU administrative law”, f’Hofmann, H.C.H. u Türk, A., Legal Challenges in EU Administrative Law. Towards an Integrated Administration, Edward Elgar, Cheltenham, 2009, p. 136.
24 Brito Bastos, F., “Derivative illegality in European composite administrative procedures”, Common Market Law Review, 2018, n.º 1, pp. 101 sa 134.
25 Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Berlusconi u Finivest”, EU:C:2018:1023). Il-kawża Iccrea Banca, fejn tajt il-konklużjonijiet tiegħi fid‑9 ta’ Lulju 2019 (C‑414/18, EU:C:2019:574), għadha pendenti.
26 Konklużjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2018 (C‑219/17, EU:C:2018:502), punti 64 sa 79.
27 Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802), punti 93 u 94; u s-sentenza Berlusconi u Fininvest, punt 43.
28 Sentenza Berlusconi u Fininvest, punt 44. B’analoġija, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto‑Frost (314/85, EU:C:1987:452), punt 17.
29 Konklużjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2018 (C‑219/17, EU:C:2018:502), punti 60 sa 63.
30 Fil-konklużjonijiet tiegħi tad‑9 ta’ Lulju 2019, Iccrea Banca (C‑414/18, EU:C:2019:574), ikkunsidrajt li d-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ordinarji fil-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) titwettaq anki permezz ta’ proċedura amministrattiva komposta fejn jintervjenu l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, iżda li d-deċiżjoni finali tagħhom tikkorrispondi għall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“BUR”). Għaldaqstant, nirrikonoxxi li l-istħarriġ ġudizzjarju jikkonċerna esklużivament il-Qorti tal-Ġustizzja u mhux il-qrati nazzjonali.
31 Sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et (C‑269/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Carl Khüne et”, EU:C:2001:659), u tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bavaria u Bavaria Italia”, EU:C:2009:415). Hija rilevanti wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208), li ser nagħmel riferiment għaliha iktar ’il quddiem.
32 Sentenzi Carl Kühne et, punti 50 u 51, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 64. Din tal-aħħar irreferiet għall-kondiviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni fil-proċedura komposta minn dak li kien l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), li kienet il-proċedura ssemplifikata u tranżitorja għar-reġistrazzjoni fl-Unjoni tad-DOP eżistenti, protetti jew stabbiliti permezz tal-użu mill-Istati Membri.
33 Sentenzi Carl Kühne et, punt 52, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 65.
34 Sentenzi Carl Kühne et, punt 53, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 66.
35 Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.
36 L-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fid-dritt intern tagħhom, protezzjoni nazzjonali tranżitorja għad-DOP, limitata għat-territorju tagħhom, mit-tmiem tal-fażi nazzjonali tal-proċedura għal reġistrazzjoni, sa ma l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni. Għalkemm din il-possibbiltà tissemma fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1151/2012 esklużivament għar-reġistrazzjoni ta’ DOP u mhux għall-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott, tirrifletti wkoll il-kontroll tal-awtorità nazzjonali fuq il-fażi interna ta’ dawn il-proċeduri komposti.
37 Sentenzi Carl Kühne et, punt 54, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 67.
38 Fil-proċeduri għal emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tal-inbid, irregolati b’regoli sussegwenti, is-setgħa tal-awtorità nazzjonali hija kważi esklużiva, ħlief għall-pubblikazzjoni fil-ĠUUE li tagħmel il-Kummissjoni. Fihom tiġi identifikata tendenza għat-tisħiħ tas-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, possibbilment minħabba d-diffikultajiet amministrattivi tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-fażi Ewropea.
Il-proċeduri għall-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tal-inbid huma rregolati prinċipalment fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671), kif ukoll fl-Artikoli 14 sa 18 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas‑17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU 2019, L 9, p. 2).
39 Sentenza Bavaria u Bavaria Italia, punti 70 u 71.
40 Punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
41 F’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 9 sa 13; Carl Kühne et, punt 58; Bavaria u Bavaria Italia, punt 57; u Berlusconi u Fininvest, punti 45 u 46.
42 Għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiġi estiż, f’dan il-każ eċċezzjonali, it-terminu sabiex tittieħed deċiżjoni, b’tali mod li ma jkunx hemm lok għal aċċettazzjoni impliċita tal-applikazzjoni.
43 Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208) ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tirreġistra l-IĠP Piadina Romagnola ladarba l-awtorità Taljana kienet approvat u bagħtet l-applikazzjoni lill-Kummissjoni sitt ijiem wara l-annullament parzjali tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott permezz ta’ sentenza tal-qorti nazzjonali tal-appell. Il-Kummissjoni approvat din l-IĠP u ppubblikat id-deċiżjoni tagħha fil-ĠUUE, mingħajr ma stenniet id-deċiżjoni tal-appell ippreżentat quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kontra s-sentenza ta’ annullament tal-qorti tal-appell.
44 Artikolu 41 tal-Karta. Il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għalih fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208), punti 67 sa 83.
45 Il-Kummissjoni għandha twettaq din l-evalwazzjoni fil-kuntest tas-setgħat ta’ analiżi li jkollha fil-fażi Ewropea tal-proċedura, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.
Full & Egal Universal Law Academy