Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
10 ta’ April 2019 (*)
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Termini – Notifika b’mod elettroniku – Kalkolu tat-termini”
Fil-Kawża C‑282/18 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ April 2018,
The Green Effort Limited, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Ziehm, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
Fédération internationale de l’automobile (FIA), stabbilita f’Vernier (l-Isvizzera), irrappreżentata minn M. Hawkins, solicitor, kif ukoll minn T. Dolde, Rechtsanwalt, u K. Lüder, Rechtsanwältin,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, The Green Effort Limited qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Frar 2018, The Green Effort vs EUIPO – Fédération Internationale de l’Automobile (Formula E) (T‑794/17, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2018:115), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-11 ta’ Settembru 2017 (Każ R 1827/2016-2), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn The Green Effort u l-Fédération internationale de l’automobile (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009
2 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), ġie sussegwentement ikkodifikat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), li, skont l-Artikolu 212 tiegħu, huwa applikabbli b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017.
3 L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu, li sar l-Artikolu 72(5) tar-Regolament 2017/1001:
“Il-kawża għandha tinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.”
4 L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “In-notifikazzjoni”, li sar l-Artikolu 98 tar-Regolament 2017/1001, jipprovdi:
“L-Uffiċċju għandu, fil-prattika [ex officio], jinnotifika lil dawk ikkonċernati dwar id-deċiżjonijiet u ċ-ċitazzjonijiet u dwar kull notifika jew kull komunikazzjoni oħra li minnhom jiġi ikkalkulat terminu ta’ żmien, jew li dwarhom dawk konċernati għandhom jiġu notifikati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jew li tagħhom tkun ġiet ordnata n-notifika mill-President tal-Uffiċċju.”
Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95
5 Ir-Regola 65(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), tipprovdi:
“Dettalji tal-avviż b’mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni oħra għandhom ikunu stabbiliti mill-President tal-Uffiċċju.”
Id-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013
6 L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru EX-13-2 tal-President tal-Uffiċċju, tas-26 ta’ Novembru 2013, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi ma’ u mill-Uffiċċju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013”), intitolat “Żona tal-Utent u sistemi ristretti oħra”, huwa fformulat hekk:
“(1) L-Uffiċċju għandu jagħmel disponibbli pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika li għandha tippermetti lill-utenti jirċievu, jaraw, jistampaw u jżommu d-dokumenti u n-notifiki kollha disponibbli b’mod elettroniku mibgħuta mill-Uffiċċju u jwieġbu għan-notifiki u għat-talbiet għal fajls u dokumenti oħra. Din il-pjattaforma elettronika għandha tkun sistema ristretta u għandha tissejjaħ ‘Żona tal-Utent’.
[...]
(4) Iż-Żona tal-Utent għandha tipprovdi l-possibbiltà li l-utent jirċievi l-komunikazzjonijiet kollha mill-Uffiċċju f’forma elettronika. Jekk l-utent jagħżel din il-possibbiltà, l-Uffiċċju għandu jibgħat in-notifiki kollha b’mod elettroniku permezz ta’ din il-pjattaforma elettronika, ħlief fil-każ li dan ikun impossibbli għal raġunijiet tekniċi.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Komunikazzjoni mill-Uffiċċju permezz taż-Żona tal-Utent”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:
“(1) Ladarba l-utent jagħżel il-possibbiltà li jikkomunika mal-Uffiċċju b’mod elettroniku, in-notifiki uffiċjali kollha tal-Uffiċċju disponibbli f’format elettroniku għandhom bħala prinċipju jintbagħtu permezz tal-pjattaforma elettronika.
(2) L-utenti jistgħu wkoll jagħżlu li jirċievu twissija għal kull notifika li tintbagħtilhom permezz tal-pjattaforma. It-twissija sservi esklużivament sabiex il-partijiet jiġu informati li dokument intbagħat fl-inbox tagħhom; it-twissija ma tikkostitwixxix notifika u ma għandha ebda valur legali.
(3) Id-data li fiha d-dokument jitqiegħed fl-inbox ta’ utent hija rreġistrata mill-Uffiċċju u hija indikata fiż-Żona tal-Utent.
(4) Bla ħsara għad-determinazzjoni preċiża tad-data ta’ notifika, in-notifika hija meqjusa li saret fil-ħames jum ċivili wara l-jum li fih l-Uffiċċju jqiegħed id-dokument fl-inbox tal-utent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Skont l-Artikolu 11 tagħha, l-imsemmija deċiżjoni daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2013.
9 Id-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013 tħassret permezz tad-Deċiżjoni Nru EX-17-4 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO, tas-16 ta’ Awwissu 2017, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru EX-18-1 tal-15 ta’ Mejju 2018, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2017 u li l-Artikolu 3(4) tagħha jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
10 The Green Effort akkwistat id-drittijiet fuq it-trade mark verbali Formula E (iktar ’il quddiem it-“trade mark kontenzjuża”), li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha kienet ġiet ippreżentata fis-17 ta’ Novembru 2010, skont ir-Regolament Nru 207/2009.
11 Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 25, 38 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
– Klassi 25: “Ħwejjeġ”;
– Klassi 38: “Xandir bir-radju, bit-televiżjoni u bis-satellita”;
– Klassi 41: “Organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi”.
12 L-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Diċembru 2010 u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Marzu 2011.
13 Fil-15 ta’ Marzu 2016, il-Fédération internationale de l’automobile (FIA) ressqet talba għar-revoka tat-trade mark kontenzjuża fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, għar-raġuni li l-imsemmija trade mark ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin matul perijodu mingħajr waqfien ta’ ħames snin.
14 Fil-21 ta’ Marzu 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO stiednet lil The Green Effort tippreżenta, sal-21 ta’ Ġunju 2016, prova tal-użu ġenwin tat-trade mark kontenzjuża. Peress li ġiet ippreżentata fit-22 ta’ Ġunju 2016, bi ksur tat-terminu mogħti, din il-prova ma ttiħditx inkunsiderazzjoni.
15 Fis-27 ta’ Lulju 2016, The Green Effort ippreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO talba għal restitutio in integrum, sabiex terġa’ tingħata d-dritt tagħha li tippreżenta l-imsemmija prova.
16 Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet din it-talba u ddikjarat ir-revoka tat-trade mark kontenzjuża fl-intier tagħha.
17 Fil-5 ta’ Ottubru 2016, The Green Effort ippreżentat appell quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.
18 It-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) ċaħad l-imsemmi appell permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.
19 Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell qies li la l-proprjetarju tat-trade mark kontenzjuża u lanqas ir-rappreżentant tiegħu ma stabbilixxew li kienu effettivament aġixxew bl-ikbar viġilanza sabiex josservaw it-terminu mogħti għall-preżentata ta’ dokumenti li jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark kontenzjuża. Huwa qies li, għalkemm fil-fajl hemm provi ta’ tentattivi repetuti ta’ trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ faks min-naħa ta’ The Green Effort lill-EUIPO, il-komunikazzjonijiet kollha tagħha waslu, skont il-ħin Spanjol, fit-22 ta’ Ġunju 2016, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu mogħti, u l-ispjegazzjonijiet mogħtija dwar dan il-punt ma setgħux jitqiesu li huma “eċċezzjonali”.
20 Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar iċ-ċaħda tat-talba għal restitutio in integrum u, fir-rigward tat-talba għar-revoka tat-trade mark kontenzjuża, qies li, fl-assenza ta’ prova tal-użu ġenwin tagħha fl-Unjoni Ewropea matul il-perijodu rilevanti jew ta’ indikazzjonijiet ta’ raġunijiet ġusti għaliex ma ntużatx, id-drittijiet ta’ The Green Effort kellhom jiġu ddikjarati li huma nulli fl-intier tagħhom u kellhom jitqiesu li ma kellhomx effett b’effett mill-15 ta’ Marzu 2016.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
21 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2017, The Green Effort ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, fejn allegat li t-talba tagħha għal restitutio in integrum kienet ġiet miċħuda b’mod żbaljat sa fejn kienet sabet ruħha f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli għaliha li tibgħat id-dokumenti li jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark kontenzjuża minħabba nuqqasijiet tekniċi fis-sistema ta’ komunikazzjoni tal-EUIPO. The Green Effort sostniet ukoll li l-FIA kienet aġixxiet in mala fide meta ressqet it-talba għal revoka.
22 Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, wara talba għal regolarizzazzjoni magħmula mir-Reġistru dwar il-komunikazzjoni tad-data tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, The Green Effort wieġbet li din kienet ġiet innotifikata fid-19 ta’ Settembru 2017.
23 Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ikkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet innotifikata lil The Green Effort fid-19 ta’ Settembru 2017, b’tali mod li, konformement mal-Artikolu 58 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, previst fl-Artikolu 65(5) tar-Regolament Nru 207/2009, kien skada fid-29 ta’ Novembru 2017. Issa, peress li kien ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2017, ir-rikors kien ġie ppreżentat tard.
24 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li The Green Effort la kienet stabbilixxiet u lanqas ma kienet invokat l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri li kienu jippermettu deroga mit-terminu inkwistjoni, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut.
25 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu bħala manifestament inammissibbli.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26 The Green Effort titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-digriet appellat u d-deċiżjoni kontenzjuża;
– tilqa’ t-talbiet imressqa fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, u
– tikkundanna lill-EUIPO kif ukoll lill-FIA għall-ispejjeż.
27 L-EUIPO u l-FIA jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell, u
– tikkundanna lil The Green Effort għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
Fuq l-ammissibbiltà
28 Il-FIA ssostni li l-appell huwa manifestament inammissibbli sa fejn The Green Effort qiegħda tipprova tikkontesta konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-data tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, peress li l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-punti ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti.
29 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li The Green Effort ma hijiex qiegħda tikkontesta d-data tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali, iżda qiegħda tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni.
30 Minn dan isegwi li l-appell huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
31 Insostenn tal-appell tagħha, The Green Effort tqajjem l-ewwel nett aggravju bbażat fuq determinazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013. Hija tallega, it-tieni nett, fir-rigward tal-fondatezza tat-talba għal revoka, li l-FIA kienet aġixxiet in mala fide meta ressqet din it-talba u li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark kontenzjuża kienet intbagħtet lill-EUIPO fit-terminu meħtieġ. Jekk l-EUIPO ma rċeviex din il-prova, dan kien dovut għal nuqqasijiet tekniċi fis-sistema ta’ komunikazzjoni tal-EUIPO, b’tali mod li t-talba tagħha għal restitutio in integrum kien imissha ntlaqgħet.
L-argumenti tal-partijiet
32 Fir-rigward tal-aggravju bbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, The Green Effort issostni li l-Qorti Ġenerali kkalkolat b’mod żbaljat it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, in-notifika hija meqjusa li saret fil-ħames jum ċivili wara d-data tal-ħolqien tad-dokument mis-sistema tal-EUIPO.
33 Peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tqiegħdet fl-inbox tal-kont elettroniku tar-rappreżentant tagħha fid-19 ta’ Settembru 2017, in-notifika għandha titqies li saret fil-25 ta’ Settembru 2017, sa fejn l-24 ta’ Settembru 2017 kien il-Ħadd. Għalhekk, it-terminu ta’ xahrejn, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża kien jiskadi fil-5 ta’ Diċembru 2017. Issa, ir-rikors kien wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2017, b’tali mod li d-digriet appellat għandu jiġi annullat.
34 L-EUIPO jirrikonoxxi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013 ma hijiex mingħajr ċerta ambigwità. Huwa jsostni li, skont l-interpretazzjoni użata għall-kalkolu tat-termini fil-proċedimenti amministrattivi tiegħu stess, l-espressjoni “bla ħsara għad-determinazzjoni preċiża tad-data ta’ notifika” tinftiehem bħala li tfisser “irrispettivament minn kull data oħra li fiha n-notifika tista’ tiġi stabbilita b’ċertezza” jew “minkejja kull data oħra li fiha notifika tista’ tiġi stabbilita b’ċertezza”. B’hekk, meta l-EUIPO jinnotifika dokument b’mod elettroniku, huwa jinkludi awtomatikament estensjoni ta’ ħamest ijiem tal-kalendarju wara l-jum li fih id-dokument jitqiegħed fiż-Żona tal-Utent (pjattaforma ta’ skambju ta’ dokumenti), fit-terminu li huwa jiffissa għal kwalunkwe tweġiba jew għal kwalunkwe stadju proċedurali segwenti.
35 Madankollu, f’dan il-każ, l-EUIPO jqis li, sa fejn, fit-tweġiba mogħtija minn The Green Effort sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, The Green Effort indikat id-19 ta’ Settembru 2017 bħala d-data li fiha d-deċiżjoni kontenzjuża kienet innotifikata lilha, il-Qorti Ġenerali ma kinitx meħtieġa titlob iktar informazzjoni dwar il-mezzi ta’ notifika, u għalhekk id-digriet appellat ma huwa vvizzjat b’ebda irregolarità.
36 Min-naħa tagħha, il-FIA tqis li l-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta mid-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, b’tali mod li l-ommissjoni li tapplika d-dispożizzjonijiet tagħha ma tistax tiġġustifika l-annullament tad-digriet appellat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 Mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 65 u 79 tar-Regolament Nru 207/2009, li l-kontenut tagħhom huwa essenzjalment riprodott fl-Artikoli 72 u 98 tar-Regolament 2017/1001, jirriżulta li rikors jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.
38 Konformement mar-Regola 65(2) tar-Regolament Nru 2868/95, il-modalitajiet tan-notifika permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni, minbarra l-faks, għandhom jiġu stabbiliti mill-President tal-Uffiċċju, li sar id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO.
39 Għaldaqstant, id-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, li ġiet adottata mid-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO u li tirregola l-komunikazzjonijiet elettroniċi ma’ u mill-EUIPO u b’mod partikolari t-trażmissjoni tan-notifiki b’mod elettroniku, hija applikabbli fil-kawża ineżami.
40 Skont l-Artikolu 4(4) ta’ din id-deċiżjoni, bla ħsara għad-determinazzjoni preċiża tad-data ta’ notifika, din hija meqjusa li saret fil-ħames jum ċivili wara l-jum li fih l-EUIPO jkun qiegħed id-dokument fl-inbox tal-utent.
41 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi ddeterminata b’mod inekwivoku l-portata li għandha tingħata lill-kliem “bla ħsara”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
42 Madankollu, l-interpretazzjoni proposta mill-EUIPO tal-espressjoni “bla ħsara għad-determinazzjoni preċiża tad-data ta’ notifika” li tinsab fl-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, bħala li tfisser “minkejja d-determinazzjoni preċiża tad-data ta’ notifika” jew “irrispettivament” minnha, ma ssib ebda sostenn fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, li ma għandhom ebda differenza fir-rigward tal-espressjoni “bla ħsara”. Tali interpretazzjoni ċċaħħad minn kull rilevanza reali r-referenza magħmula f’din id-dispożizzjoni għad-determinazzjoni preċiża tad-data ta’ notifika, peress li notifika titqies, fiċ-ċirkustanzi kollha, li saret fil-ħames jum ċivili wara l-jum li fih l-EUIPO jkun qiegħed id-dokument fl-inbox tal-utent.
43 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li notifika għandha titqies li saret fil-ħames jum ċivili wara l-jum li fih l-EUIPO qiegħed id-dokument fl-inbox tal-utent, sakemm id-data effettiva tan-notifika ma tkunx tista’ tiġi stabbilita b’mod preċiż f’data differenti f’dan l-intervall.
44 Tali interpretazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali billi tevita l-kontestazzjoni indefinita ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell sa fejn, jekk wara t-tqegħid tad-dokument ikkonċernat fl-inbox tad-destinatarju ma tkun saret ebda talba għal aċċess, in-notifika titqies li saret fil-ħames jum ċivili wara dan it-tqegħid.
45 Għaldaqstant, peress li huwa stabbilit li r-rappreżentant ta’ The Green Effort talab l-aċċess għad-deċiżjoni kontenzjuża fid-19 ta’ Settembru 2017, li huwa niżżilha u kiseb għarfien tagħha fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet innotifikata fid-19 ta’ Settembru 2017, it-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar kien skada fid-29 ta’ Novembru 2017. Għaldaqstant, l-aggravju bbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, la hemm lok li jiġu eżaminati l-aggravji bbażati fuq il-fondatezza tat-talba għal revoka u lanqas ma hemm lok li jiġu eżaminati r-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata ċ-ċaħda tat-talba għal restitutio in integrum.
47 Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
48 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li The Green Effort tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-FIA.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) The Green Effort Limited hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u dawk tal-Fédération internationale de l’automobile (FIA).
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.