19.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 104/19
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Jannar 2018 minn Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-23 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-712/14, Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR) vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-3/18 P)
(2018/C 104/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR) (rappreżentant: P. A. Benczek, Rechtsanwalt)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, LVMH Moët Hennessy-Louis Vuitton SA, Rolex, SA, The Swatch Group SA
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla d-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali; u
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża AT.39097 – Watch Repair;
—
sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħhom u għal dawk ta’ CEAHR, sostnuti fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza tagħha kif ukoll fil-kuntest tal-appell odjern;
—
sussidjarjament, tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħhom sostnuti kemm fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza tagħha kif ukoll fil-kuntest tal-appell odjern.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet analoġija bejn l-evalwazzjoni ġurisprudenzjali tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva u l-evalwazzjoni adegwata tas-sistema ta’ tiswija selettiva inwkistjoni.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet serje ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li s-sistemi ta’ tiswija selettiva u r-rifjut ta’ provvista inkwistjoni fil-kawża kienu ġġustifikati u proporzjonati. Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali b’mod manifest wettqet żball meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kellha raġuni tqis li l-arloġġi ta’ prestiġju huma oġġetti kumplessi u li din il-konstatazzjoni tiġġustifika s-sistema ta’ tiswija selettiva u r-rifjut ta’ provvista inkwistjoni fil-kawża odjerna. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li kien jeżisti riskju ta’ imitazzjoni illegali tal-arloġġi ta’ prestiġju li jiġġustifika s-sistema ta’ tiswija selettiva u r-rifjut ta’ provvista inkwistjoni. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali żbaljat b’mod manifest meta kkonstatat li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li l-kundizzjonijiet imposti mill-produtturi ta’ arloġġi ta’ prestiġju probabbilment ma kinux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju.
Permezz tat-tielet u r-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-Qorti Ġenerali fuq l-impatt tar-rifjut ta’ provvista ta’ partijiet tal-bdil, fuq l-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva fuq is-swieq tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-arloġġi inkwistjoni; bl-istess mod hija tikkontesta l-konklużjoni naxxenti minhha dwar il-probabbiltà dgħajjfa li jiġi stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-każ ineżami. L-appellanti ssosnti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn dawk li persuni approvati li joffru t-tiswija kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u ċ-ċentri ta’ tiswija interni tal-produtturi.
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi ċaħditha milli tippreżenta risposti għan-noti tal-intervenjenti, peress li hija ma kinitx osservat terminu minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, u billi ċaħditha milli tiftaħ id-dibattiti mill-ġdid wara t-talba tagħha sabiex tippreżenta provi ġodda.
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tiddeċiedi jekk l-intervenjenti għandhomx ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza.
Full & Egal Universal Law Academy