30.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos teismas (il-Litwanja) fit-3 ta’ Jannar 2018 – TE, UD, YB, ZC vs Luminor Bank AB
(Kawża C-8/18)
(2018/C 152/03)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Vilniaus apygardos teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: TE, UD, YB, ZC
Konvenuta: Luminor Bank AB
Domandi preliminari
1)
Persuna fiżika li, qabel id-data tal-1 ta’ Novembru 2007 imsemmija fl-Artikolu 70 tad-Direttiva 2004/39/KE (1), kisbet strument finanzjarju derivattiv mingħand bank permezz ta’ self mogħti minn dan l-istess bank u kkostitwixxiet ipoteka favur il-bank bħala garanzija, hija meqjusa bħala konsumatur fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 3(3)(d) tad-Direttiva 2011/83/UE (2) jippreċiża li din ma tapplikax għall-kuntratti “għas-servizzi finanzjarji”?
2)
Persuna fiżika li, qabel id-data tal-1 ta’ Novembru 2007 imsemmija fl-Artikolu 70 tad-Direttiva 2004/39/KE (3), kisbet strument finanzjarju derivattiv mingħand bank permezz ta’ self mogħti minn dan l-istess bank u kkostitwixxiet ipoteka favur il-bank bħala garanzija, hija meqjusa bħala klijent mhux professjonali u investitur mhux professjonali fi strumenti finanzjarji fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u hemm lok li jiġu applikati f’dan il-każ ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jimponu obbligu li l-klijenti jiġu informati u li jipprojbixxu s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi matul l-offerta u l-bejgħ ta’ strument finanzjarju minn bank, bħal dawk previsti mid-Direttiva 2003/6/KE (4), mid-Direttiva 2003/71/KE (5), mid-Direttiva 2001/34/KE (6), mir-Regolament Nru 809/2004/KE (7) u mid-Direttiva 2014/65/UE (8), kif ukoll ir-regoli l-oħra stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li jipproteġu d-drittijiet tal-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji?
3)
Id-Direttiva 2003/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) għandha tiġi interpretata fis-sens li n-nuqqas ta’ żvelar tal-fatt li l-fornitur tal-istrument finanzjarju ma huwiex awtorizzat li jipprovdi dan is-servizz finanzjarju, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni essenzjali fil-prospett jew fl-anness tal-prospett, kif ukoll ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi tal-fornitur tal-istrument finanzjarju matul il-konklużjoni ta’ kuntratti li jirrigwardaw dan l-istrument finanzjarju jistgħu jinfluwenzaw direttament (f’direzzjoni speċifika) il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati u li l-parti l-oħra f’dawn il-kuntratti hija għalhekk intitolata li titlob l-annullament jew l-emenda tal-kuntratti jew kumpens għad-dannu sostnut minnha?
(1) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).
(2) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).
(3) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).
(4) Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367).
(5) Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356).
(6) Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk il-titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 24).
(7) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b’referenza u l-pubblikazzjoni ta’ prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 307).
(8) Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349).
Full & Egal Universal Law Academy