19.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 104/21
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
(Kawża C-20/18)
(2018/C 104/27)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Hottiaux, J. Samnadda, G. von Rintelen, aġenti)
Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tikkonstata li billi ma adottax, sa mhux iktar tard mill-10 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva;
—
timponi fuq il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 12 920,00 għal kull jum mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża talli naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE;
—
tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Istati Membri kienu meħtieġa, skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/26/UE li jadottaw il-miżuri nazzjonali neċessarji għat-traspożizzjoni tal-obbligi ta’ din id-direttiva mhux iktar tard mill-10 ta’ April 2016. Fl-assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva mil-Lussemburgu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 12 920,00 jiġu imposti fuq il-Lussemburgu. L-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ġie kkalkolat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur kif ukoll l-effett dissważiv skont il-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru.
Full & Egal Universal Law Academy