9.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 123/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Jannar 2018 – “Elektrorazpredelenie Jug” EAD vs Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)
(Kawża C-31/18)
(2018/C 123/18)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti:“Elektrorazpredelenie Jug” EAD
Konvenuta: Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR)
Domandi preliminari
1)
Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-uniku kriterju sabiex issir distinzjoni bejn in-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku u n-netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku, jiġifieri bejn l-attivitajiet ta’ “distribuzzjoni” u ta’ “trażmissjoni” tal-elettriku, huwa l-livell tal-vultaġġ u fis-sens li l-Istati Membri, minkejja l-libertà tagħhom li jaġixxu sabiex jallokaw lill-utenti tan-netwerks lil tip jew ieħor ta’ netwerk (trażmissjoni jew distribuzzjoni), ma jistgħux jintroduċu bħala kriterju addizzjonali, sabiex issir distinzjoni bejn attivitajiet ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, min huwa l-proprjetarju tal-assi li jintużaw sabiex jitwettqu dawn l-attivitajiet?
2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-utenti tal-elettriku, konnessi man-netwerk tal-elettriku b’vultaġġ medju għandhom jiġu ttrattati f’kull każ bħala klijenti tal-operatur tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li jkollu liċenzja għat-territorju inkwistjoni, irrispettivament minn min ikun il-proprjetarju tal-faċilitajiet li magħhom ikunu direttament konnessi l-installazzjonijiet tal-elettriku ta’ dawn il-klijenti u irrispettivament mir-relazzjonijiet kuntrattwali li l-klijenti jkollhom direttament mal-operatur tan-netwerk tat-trażmissjoni?
3)
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: is-sens u l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72 jippermettu l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 44 tal-Artikolu 1, ikkunsidrat flimkien mal-punt 20 tal-istess artikolu, tad-Dopalnitelnite razporedbi na Zakona za energetikata (Dispożizzjonijiet addizzjonali għal-Liġi dwar l-Enerġija), li minnhom jirriżulta li l-espressjoni “trażmissjoni tal-elettriku” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq in-netwerk tat-trażmissjoni, filwaqt li n-“netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku” huwa kkostitwit mill-interkonnetturi u mill-installazzjonijiet tal-elettriku li jintużaw għat-trażmissjoni, għat-trasformazzjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju u għar-ridistribuzzjoni tal-flussi tal-elettriku? F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija permissibbli l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 88(1) taż-Zakona za energetikata (Liġi dwar l-Enerġija), li jipprovdi: “Id-distribuzzjoni tal-elettriku u l-operazzjoni tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku għandhom jitwettqu mill-operaturi tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku – li jkunu l-proprjetarji ta’ tali netwerks f’territorju partikolari u li jkunu lliċenzjati sabiex jiddistribwixxu l-elettriku fit-territorju inkwistjoni”?
(1) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).
Full & Egal Universal Law Academy