30.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/13
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja
(Kawża C-69/18)
(2018/C 152/14)
Lingwa tal-kawża: is-Sloven
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Støvlbæk, G. von Rintelen, M. Žebre)
Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiddikjara li billi ma adottatx, sas-17 ta’ Ġunju 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (ĠU 2014 L 158, p. 196) jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx il-miżuri tagħha lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva;
—
timponi fuq ir-Repubblika tas-Slovenja, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 260 TFUE, il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 7 986,60 kuljum b’effett mill-jum li tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti;
—
tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, ir-Repubblika tas-Slovenja kellha tadotta u tippubblika, sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2016 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva. Peress li sal-iskadenza ta’ dan it-terminu r-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx informat lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar iddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha timponi fuq ir-Repubblika tas-Slovenja il-pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 7 986,60 kuljum. Meta kkalkolat dan il-pagament ta’ penalità, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-effett dissważiv b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika tas-Slovenja.
It-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva skada fis-17 ta’ Ġunju 2016.
Full & Egal Universal Law Academy