7.5.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/21
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fid-9 ta’ Frar 2018 – Sociale Verzekeringsbank, partijiet oħra fil-proċedura: F. van den Berg u H.D. Giesen
(Kawża C-95/18)
(2018/C 161/24)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Sociale Verzekeringsbank (Svb)
Partijiet oħra fil-proċedura: F. van den Berg, H.D. Giesen
Domandi preliminari
1)
a.
L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu, f’każijiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, regola nazzjonali bħall-parti inizjali tal-Artikolu 6a, u l-Artikolu 6a(b), tal-AOW (1)? Din ir-regola timplika li resident tal-Pajjiż l-Pajjiżi ma huwiex assigurat taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat ta’ residenza, jekk jaħdem fi Stat Membru ieħor u huwa suġġett, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 (2) għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Il-karatteristika ta’ dawn il-kawżi hija li taħt is-sistema legali tal-Istat ta’ impjieg il-persuni kkonċernati ma humiex eliġibbli għal pensjoni tax-xjuħija minħabba l-volum limitat tal-attività tagħhom f’dan l-Istat.
b.
L-assenza ta’ obbligu, għal resident ta’ Stat mhux kompetenti abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, li jħallas kontribuzzjonijiet taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat għandha effett fuq ir-risposta għad-domanda 1(a)? Fil-fatt, għall-perijodi ta’ xogħol imwettqa fi Stat Membru ieħor, dan ir-resident jaqa’ esklużivament, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg u f’tali każ il-leġiżlazzjoni nazzjonali Olandiża lanqas ma tipprevedi obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni.
2)
Il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jidħlu f’assigurazzjoni volontarja taħt l-AOW, jew li jitolbu lill-Svb li jistabbilixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 għandha effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?
3)
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi li persuna bħall-konjuġi ta’ H.D. Giesen li, qabel l-1 ta’ Jannar 1989, kienet, abbażi biss tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, assigurata taħt l-AOW fl-Istat ta’ residenza tagħha, il-Pajjiżi l-Baxxi, takkumula dritt għal benefiċċji tax-xjuħija taħt din l-assigurazzjoni, sa fejn jirrigwarda perijodi li matulhom, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament, hija kienet taqa’, minħabba l-attività li hija kienet teżerċita fi Stat Membru ieħor, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat ta’ impjieg? Jew inkella, id-dritt għal benefiċċju taħt l-AOW għandu jitqies bħala dritt għal benefiċċju li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni, b’mod konformi mas-sentenza Bosmann (3), b’tali mod li r-raġunament segwit f’din is-sentenza jista’ japplika fil-każ tagħha?
(1) Algemene ouderdomswet (liġi dwar l-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija)
(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).
(3) EU:C:2008:290
Full & Egal Universal Law Academy