30.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal correctionnel de Saint-Brieuc – Chambre détachée de Guingamp (Franza) fit-12 ta’ Frar 2018 – Procureur de la République vs Tugdual Carluer et
(Kawża C-115/18)
(2018/C 152/21)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal correctionnel de Saint-Brieuc – Chambre détachée de Guingamp
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Procureur de la République
Konvenuti: Tugdual Carluer, Yann Latouche, Dominique Legeard, Thierry Leleu, Dimitri Pinschof, Brigitte Plunian, Rozenn Marechal
Domandi preliminari
1)
Ir-Regolament Ewropew Nru 1107/2009 (1) huwa konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni meta jonqos milli jiddefinixxi preċiżament x’jikkostitwixxi sustanza attiva u jħalli lill-applikant jagħżel dak li huwa jiddeskrivi bħala sustanza attiva fil-prodott tiegħu u jħallilu l-possibbiltà li jorjenta l-fajl tal-applikazzjoni tiegħu kollu fuq sustanza unika minkejja li l-prodott finali kkummerċjalizzat jinkludi diversi sustanzi?
2)
Il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-imparzjalità tal-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni huma żgurati meta t-testijiet, l-analiżijiet u l-evalwazzjonijiet neċessarji għall-kumpilazzjoni tal-fajl jitwettqu biss mill-applikanti li jistgħu jkunu parzjali fil-preżentazzjoni tagħhom, mingħajr ebda kontroanaliżi indipendenti?
3)
Il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-imparzjalità tal-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni huma żgurati mingħajr pubblikazzjoni tar-rapporti tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni taħt il-pretest tal-protezzjoni tas-sigriet industrijali?
4)
Ir-Regolament Ewropew Nru 1107/2009 huwa konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni meta ma jiħux inkunsiderazzjoni li jkun hemm diversi sustanzi attivi u l-użu kumulattiv tagħhom, b’mod partikolari meta ma jipprevedi ebda analiżi speċifika kompleta fuq il-livell Ewropew tal-akkumulazzjoni ta’ sustanzi attivi fl-istess prodott?
5)
Ir-Regolament Ewropew Nru 1107/2009 huwa konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni meta fil-Kapitoli 3 u 4 tiegħu jeżenta mill-analiżijiet ta’ tossiċità (ġenotossiċità, eżami ta’ karċinoġeniċità, eżami tal-perturbazzjonijiet endokrinali …), il-prodotti pestiċidi fil-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom hekk kif imqiegħda fis-suq u hekk kif il-konsmaturi u l-ambjent huma esposti għalihom, u jimponi biss testijiet sommarji li huma dejjem imwettqa mill-applikant?
(1) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy