Kawża C-124/18 P: Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 minn Red Bull GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-30 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-101/15 u T-102/15 – Red Bull GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
C2002018MT2110120180215MT0027211222
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 minn Red Bull GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-30 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-101/15 u T-102/15 – Red Bull GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-124/18 P)2018/C 200/27Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Red Bull GmbH (rappreżentanti: A. Renck, Rechtsanwalt, S. Petivlasova, abogada)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Optimum Mark sp. z o.o.
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata tat-30 ta’ Novembru 2017 fil-Kawżi magħquda T-101/15 u T-102/15,
—
tannulla d-deċiżjonijiet adottati mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-appellat tat-2 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawżi R 2037/2013-1 u R 2036/2013-1, u
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-interpretazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“QĠ”) tal-Artikolu 7(1)(a) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni Ewropea ( 1 ), fil-kuntest ta’ trade marks komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Il-QĠ imponiet b’mod żbaljat rekwiżit ġdid u sproporzjonat għar-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade marks li huma komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri, ibbażat fuq il-premessa żbaljata li dawn it-trade marks huma intrinsikament inqas preċiżi fin-natura tagħhom. L-ewwel nett, din il-premessa ma għandha ebda bażi legali, hija ma tikkorrispondi għal ebda waħda mill-għanijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni, u hija għandha l-effett li tiddiskrimina b’mod illegali u sproporzjonat kontra t-trade marks komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri meta mqabbla mat-tipi l-oħra ta’ trade marks, bħat-trade marks komposti minn kulur wieħed, it-trade marks verbali, it-trade marks grafiċi u trade marks oħra. It-tieni nett, il-kriterji li jinsabu fis-sentenza appellata jmorru kontra n-natura stess tat-trade marks komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri, li, kif kjarament aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Libertel ( 2 ), huma mingħajr delimitazzjoni ta’ spazju. Is-sentenza appellata effettivament tillimita t-trade marks komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri bħala tali għat-trade marks figurattivi, trade marks ta’ pożizzjoni jew trade marks ta’ pattern, bil-kulur. It-tielet nett, is-sentenza appellata potenzjalment tinvalida iktar minn 85 % tat-trade marks li huma rreġistrati fir-reġistru tal-konvenut u li huma komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri tat-tip tat-trade marks inkwistjoni.
Fit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-QĠ kisret l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni Ewropea minħabba li għamlet interpretazzjoni żbaljata u inammissibbli tas-sentenza Heidelberger Bauchemie ( 3 ) sa fejn eżiġiet li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi għar-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri, jiġifieri (i) id-dellijiet preċiżi tal-kuluri inkwistjoni, (ii) il-proporzjonijiet tal-kuluri inkwistjoni u (iii) l-arranġament mill-perspettiva ta’ spazju ta’ dawn il-kuluri. Dawn il-kundizzjonijiet ma kinux essenzjali f’din il-kawża u għandhom effett eċċessivament sever biss fuq il-kategorija jew il-klassi tat-trade marks jew sinjali komposti minn kombinazzjoni ta’ kuluri, jew dik tas-sinjali komposti minn kulur bħala tali. Barra minn hekk, it-tielet kundizzjoni kumulattiva ġdida hija ġġustifikata mill-allegata “kapaċità intrinsika limitata tal-kuluri li jagħtu tifsira preċiża”. Madankollu, din tal-aħħar kienet sa issa evalwata fil-kuntest tal-parti relattiva tal-karattru reġistrabbli ta’ trade mark u mhux fil-kuntest tar-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika, li jfisser li jkun hemm invalidità ab initio mingħajr il-possibbiltà li jiġi stabbilit karattru distintiv miksub jew rimedju ieħor. Id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni Ewropea billi teżiġi deskrizzjoni “espressa” għat-tip ta’ trade marks inkwistjoni u billi tirriduċi illegalment id-definizzjoni effettiva ta’ dawn it-trade marks għal dawk li għandhom arranġament mill-perspettiva ta’ spazju (fi kliem ieħor figurattiv) li jikkorrispondi għall-allegat użu reali sussegwenti tat-trade mark.
Fit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-QĠ kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi naqset milli tevalwa u tieħu inkunsiderazzjoni fis-sentenza tagħha l-fatt li l-ewwel trade mark ikkontestata kienet ġiet ippreżentata qabel l-adozzjoni tas-sentenza Heidelberger Bauchemie, u b’hekk injorat l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipji stipulati fis-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Lambretta ( 4 ) u Cactus ( 5 ). Hija kisret ukoll dan il-prinċipju billi ma għamlitx evalwazzjoni globali tas-sorsi awtorizzati u affidabbli, tad-dispożizzjonijiet u tar-regoli applikabbli, tal-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea u tal-Linji Gwida tal-konvenut, sabiex tiddetermina jekk iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ setgħux b’mod kumulattiv iwasslu għall-konstatazzjoni li l-konvenut ta lill-appellanti assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u sostanzjali, li fuqhom l-appellanti bbażat ruħha u osservathom, b’mod li nħolqu aspettattivi leġittimi validi għall-appellanti.
Fir-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-QĠ kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura sproporzjonata tal-kanċellazzjoni taż-żewġ trade marks ikkontestati fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ. Il-QĠ naqset b’mod partikolari milli tqis li l-għanijiet ta’ preċiżjoni u ta’ kjarezza, kif ukoll taċ-ċertezza legali, setgħu b’mod leġittimu jiġu rrispettati li kieku l-appellanti ġiet mistiedna u tħalliet tikkjarifika d-deskrizzjoni taż-żewġ trade marks sabiex dawn jinżammu fir-reġistru, minflok jiġu kkanċellati ż-żewġ reġistrazzjonijiet.
Fil-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-QĠ kisret ir-Regoli tal-Proċedura tagħha sa fejn applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 134(1) tagħhom u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċedura. Iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ din il-kawża u l-prinċipju ta’ ekwità jeżiġu, konformement mal-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-appellanti ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura (u li huwa l-konvenut li għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura).
( 1 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).
( 2 ) Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C-104/01, EU:C:2003:244.
( 3 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C-49/02, EU:C:2004:384.
( 4 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India, C-577/14 P, EU:C:2017:122.
( 5 ) Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus, C-501/15 P, EU:C:2017:750.
Full & Egal Universal Law Academy