Kawża C-128/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Frar 2018 – Proċeduri kriminali kontra Dumitru-Tudor Dorobantu
C2682018MT1720120180216MT0023172182
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Frar 2018 – Proċeduri kriminali kontra Dumitru-Tudor Dorobantu
(Kawża C-128/18)2018/C 268/23Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Generalstaatsanwaltschaft Hamburg
Konvenut: Dumitru-Tudor Dorobantu
Domandi preliminari
1)
Fil-kuntest tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ( 1 ), liema rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni huma meħtieġa skont l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?
a.
B’mod partikolari, hemm limitu minimu “assolut” f’termini tad-daqs tal-ispazju ta’ detenzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-użu ta’ spazju taħt dan il-limitu dejjem jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?
i.
Il-fatt jekk iċ-ċella tkunx ċella ta’ detenzjoni individwali jew kollettiva huwa ta’ importanza fid-determinazzjoni tal-porzjon tal-ispazju ta’ detenzjoni għal kull individwu?
ii.
Meta jiġi kkalkolat id-daqs tal-ispazju ta’ detenzjoni għandha titnaqqas is-superfiċji okkupata mill-għamara (sodda, gwardarrobba, eċċ.)?
iii.
Liema rekwiżiti strutturali huma rilevanti għall-kwistjoni tal-konformità tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni mad-dritt tal-Unjoni? X’rilevanza għandhom l-aċċess dirett (jew indirett) miċ-ċella ta’ detenzjoni, pereżempju, għall-installazzjonijiet sanitarji jew għal kmamar oħra kif ukoll il-provvista ta’ ilma kiesaħ u sħun, it-tisħin, id-dawl, eċċ?
b.
Sa liema punt “sistemi ta’ infurzar” differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħinijiet differenti ta’ ftuħ taċ-ċelel u tal-portata tal-gradi differenti ta’ moviment liberu fil-ħabs, għandhom rwol fl-evalwazzjoni?
c.
Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll titjib fl-ordinament ġuridiku u organizzattiv fl-Istat Membru emittenti (introduzzjoni ta’ sistema ta’ ombudsman, l-istabbiliment ta’ qrati penitenzjarji, eċċ.), hekk kif għamlet din l-istanza fid-deċiżjonijiet tagħha ta’ ammissibbiltà?
2)
Permezz ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jirrispettawx id-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni? Sa liema punt dawn il-kriterji jeffettwaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riskju reali” fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Aranyosi u Căldăraru?
a.
L-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom f’dan ir-rigward setgħa ta’ stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti jew huma kompetenti biss għal “stħarriġ ta’ illegalitajiet manifesti”?
b.
Fil-każ li fil-kuntest tal-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li hemm rekwiżiti “assoluti” taħt id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni: In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi jimplika li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni, fis-sens li jkun hemm dejjem “riskju reali” li jipprevjeni l-estradizzjoni, jew l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ xorta waħda jwettaq evalwazzjoni? F’tali każ, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni aspetti bħaż-żamma tal-assistenza ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, il-funzjonament effettiv tal-ġustizzja kriminali Ewropea jew il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku?
( 1 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).
Full & Egal Universal Law Academy