Kawża C-139/18 P: Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2018 minn CJ mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-602/16, CJ vs Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
C2112018MT910120180221MT001291102
Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2018 minn CJ mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-602/16, CJ vs Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
(Kawża C-139/18 P)2018/C 211/12Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: CJ (rappreżentant: V. Kolias, Δικηγόρος)
Parti oħra fil-proċedura: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-kawża CJ vs ECDC (T-602/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:893);
—
konsegwentement, jekk dan l-appell jiġi ddikjarat fondat, tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat tal-21 ta’ Settembru 2015;
—
tikkundanna lill-ECDC iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, l-appellant iressaq erba’ aggravji:
1.
L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali:
—
interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tar-Regola ta’ Implimentazzjoni Nru 20 tal-ECDC sabiex tikkonkludi li l-evalwatur tal-appell ma għandux neċessarjament ikun il-President tal-Bord tal-Amministrazzjoni f’każijiet bħal dak inkwistjoni,
—
wettqet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta kkonkludiet li, f’kull każ, ma kienx probabbli li l-President tal-Bord tal-Amministrazzjoni kien jiddeċiedi favur l-appellant,
—
interpretat b’mod żbaljat l-argument li subordinat tal-evalwatur ma jistax ikun l-evalwatur tal-appell, minħabba li huwa ma għandux l-indipendenza neċessarja fir-rigward tal-evalwatur.
2.
It-tieni aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali:
—
interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 7(1), 8(3) u (4) tar-Regola ta’ Implimentazzjoni Nru 20 tal-ECDC sabiex tikkonkludi li l-għanijiet u l-indikaturi ta’ prestazzjoni stabbiliti għal membru tal-persunal matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni preċedenti jistgħu ma jiġux ikkunsidrati mill-evalwatur,
—
sussidjarjament, wettqet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta kkonkludiet li l-għanijiet u l-indikaturi ta’ prestazzjoni kienu ġew debitament ikkunsidrati mill-evalwatur.
3.
It-tielet aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali:
—
interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “djalogu” fis-sens tal-Artikolu 8(9) tar-Regola ta’ Implimentazzjoni tal-ECDC,
—
sussidjarjament, wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika ta’ “djalogu” ta’ evalwazzjoni meta qieset li tali djalogu jista’ jkun limitat, min-naħa tal-ECDC, għat-talba mill-validatur, lil membru tal-persunal, għal dokument li hija diġà kellha għad-dispożizzjoni tagħha; għall-mistoqsija mill-validatur, permezz tat-telefon mobbli tagħha, lill-membru tal-persunal, dwar “[l]iema aspetti tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni huwa jqis huma foloz?”; u għall-assenza mill-validatur li ssaqsi xi mistoqsija ulterjuri, wara li membru tal-persunal iwieġeb fuq il-mertu u joffri li jagħtiha kull informazzjoni ulterjuri iktar speċifika li hija tista’ tkun teħtieġ.
4.
Ir-raba’ aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali:
—
interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal meta essenzjalment kkonkludiet li, anki meta, membru tal-persunal jallega, in tempore non suspecto, amministrazzjoni finanzjarja ħażina, jipproduċi mill-inqas il-bidu ta’ prova f’dan is-sens, u dawn l-allegazzjonijiet huma vera, aġenzija tista’ korrettament tinkariga lill-istess persuni implikati permezz tal-allegazzjonijiet tiegħu sabiex jevalwaw il-prestazzjoni annwali tiegħu,
—
sussidjarjament, wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-allegazzjonijiet tal-appellant meta qieset li tali allegazzjonijiet ma kinux saru in tempore non suspecto u ma kinux veri jew sostnuti minn provi u li l-evalwaturi implikati permezz tal-allegazzjonijiet xorta waħda setgħu jevalwaw b’mod newtrali l-prestazzjoni tal-appellant.
Full & Egal Universal Law Academy