Kawża C-155/18 P: Appell ippreżentat fit-22 ta Frar 2018 minn Tulliallan Burlington Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta Diċembru 2017 fil-Kawża T-120/16, Tulliallan Burlington Ltd vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
C2402018MT1010120180222MT0014101112
Appell ippreżentat fit-22 ta Frar 2018 minn Tulliallan Burlington Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta Diċembru 2017 fil-Kawża T-120/16, Tulliallan Burlington Ltd vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-155/18 P)2018/C 240/14Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Tulliallan Burlington Ltd (rappreżentanti: A. Norris, Barrister)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Burlington Fashion GmbH
Talbiet
Talbiet L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors ta’ Tulliallan Burlington Ltd (TBL) kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (jew sussidjarjament tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja);
—
tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u lil Burlington Fashion GmbH (BFG) għall-ispejjeż imġarrba minn TBL b’konnessjoni ma’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti (TBL) tappella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet dawn l-iżbalji ta’ liġi:
1)
Aggravji bbażati fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-RTUE ( 1 )
a)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma għamlitx konstatazzjonijiet dwar ir-“rabta”.
b)
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li TBL ma kinitx ipproduċiet il-provi neċessarji sabiex jiġi stabbilit detriment għall-karattru distintiv jew vantaġġ indebitu.
c)
Billi kkonkludiet li l-provi neċessarji ma kinux ġew prodotti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta (i) stabbilixxiet rekwiżiti legali għolja ħafna u (ii) naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti.
d)
Fil-fatt, l-unika konklużjoni li setgħet tinsilet mill-Qorti Ġenerali kienet li kien hemm detriment għall-karattru distintiv u, barra minn hekk jew sussidjarjament, vantaġġ indebitu;
e)
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-osservazzjonijiet ta’ TBL li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kienet ivvizzjata bin-nuqqas manifest tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li saru quddiemu.
2)
Aggravji bbażati fuq l-Artikolu 8(4) tar-RTUE
a)
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-Bord tal-Appell kellu jitlob osservazzjonijiet supplimentari dwar l-Artikolu 8(4) f’ċirkustanzi fejn l-unika mezz kif setgħet tiġi żgurata l-ekwità tal-proċedura kien ikun li l-Bord tal-Appell jitlob dawn l-osservazzjonijiet jew jiddeċiedi biss dwar l-Artikolu 8(5) u jibgħat il-kwistjoni dwar l-Artikolu 8(4) lura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kellha tiġi annullata mill-Qorti Ġenerali.
b)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li TBL ma kinitx issodisfat ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4). Il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata l-iżball tal-Bord tal-Appell, tannulla l-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-Artikolu 8(4) billi tissostitwixxihom mal-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tal-Artikolu 8(4).
3)
Aggravji bbażati fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-RTUE
a)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat il-ġurisprudenza Praktiker peress li fid-dawl tas-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C 501/15 P, EU:C:2017:750), din ma hijiex applikabbli fil-każ ineżami għat-trade marks preċedenti.
b)
Barra minn hekk jew sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat il-ġurisprudenza Praktiker peress li din is-sentenza ma tapplikax għal servizzi ta’ galleriji kummerċjali.
c)
Anki jekk jiġi rrikonoxxut li t-trade marks preċedenti ta’ TBL kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” u għalhekk taħt il-ġurisprudenza Praktiker, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta interpretat is-sentenza Praktiker fis-sens li neċessarjament tipprekludi xebh li jimplika konfużjoni.
d)
Peress li żbaljat fil-konstatazzjonijiet tagħha tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Praktiker, il-Qorti Ġenerali naqset milli (i) twettaq evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jew (ii) tirrinvija din l-evalwazzjoni lill-Bord tal-Appell. Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, hija kienet obbligata tieħu wieħed minn dawn il-passi.
( 1 ) Regolament 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy