4.6.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (Spanja) fis-27 ta’ Frar 2018 – Violeta Villar Láiz vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)
(Kawża C-161/18)
(2018/C 190/09)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Violeta Villar Láiz
Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)
Domandi preliminari
1)
Skont il-liġi Spanjola, il-pensjoni tal-irtirar għandha tiġi kkalkolata billi, fuq l-ammont bażiku kkalkolat fuq is-salarji tal-aħħar snin, tiġi applikata perċentwali li tiddependi min-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet matul il-ħajja kollha tax-xogħol. Għandu jitqies li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 247(a) u fl-Artikolu 248(3) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), li tnaqqas in-numru ta’ snin li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-perċentwali fil-każ ta’ perijodi ta’ xogħol part-time, hija kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (1)? L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7/KEE jirrikjedi li n-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjoni meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ffissata l-perċentwali applikabbli għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar għandu jkun iddeterminat bl-istess mod għall-ħaddiema full-time u part-time?
2)
Dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija wkoll kuntrarju għall-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura l-effett sħiħ tal-Karta u li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, mingħajr ma titlob jew tistenna t-tneħħija tagħhom mil-leġiżlatur jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura oħra kostituzzjonali?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.
Full & Egal Universal Law Academy