Kawża C-193/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Marzu 2018 – Google LLC vs Bundesrepublik Deutschland
C2112018MT1410120180319MT0017141152
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Marzu 2018 – Google LLC vs Bundesrepublik Deutschland
(Kawża C-193/18)2018/C 211/17Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Google LLC
Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland
Domandi preliminari
1.
Il-kunċett ta’ “servizzi li jikkonsistu kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” li jinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas 2002/21/KE ( 1 ) għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi jew jista’ jinkludi s-servizzi ta’ posta elettronika fuq l-internet li huma disponibbli permezz tal-internet miftuħ mingħajr madankollu ma jinkludu aċċess għall-internet?
(a)
B’mod partikolari, il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prestazzjoni ta’ pproċessar informatiku li l-fornitur ta’ tali servizz ta’ posta elettronika jipprovdi permezz tas-server tal-posta elettronika tiegħu bl-attribuzzjoni tal-indirizzi IP tat-terminali fiżiċi involuti lill-indirizzi ta’ posta elettronika u billi jintroduċi – jew, bil-kuntrarju, billi jirċievi – fl-internet miftuħ, permezz ta’ diversi protokolli tal-familja tal-protokolli tal-internet, il-messaġġi elettroniċi diviżi f’pakketti ta’ data, hija biżżejjed sabiex tikkostitwixxi “trażmissjoni ta’ sinjali”, jew ikun hemm biss tali trażmissjoni meta dawn il-pakketti ta’ dati jitwasslu mill-fornituri (ta’ aċċess) tal-internet?
(b)
B’mod partikolari, il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twassil permezz tal-internet miftuħ, mill-fornituri (ta’ aċċess) tal-internet, ta’ messaġġi elettroniċi diviżi f’pakketti ta’ data jista’ jiġi attribwit lill-fornitur ta’ tali servizz ta’ posta elettronika, b’tali mod li dan b’hekk jipprovdi wkoll servizz li jikkonsisti fit-“trażmissjoni ta’ sinjali”? Jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjoni jista’ jkun hemm tali attribuzzjoni?
(c)
Fil-każ li l-fornitur ta’ tali servizz ta’ posta elettronika jittrażmetti huwa stess sinjali jew fil-każ li, fi kwalunkwe każ, din il-prestazzjoni ta’ trażmissjoni ta’ sinjali mwettqa mill-fornituri (ta’ aċċess) tal-internet tista’ tiġi attribwita lilu: il-kunċett għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat fis-sens li, irrispettivament minn eventwali funzjonijiet addizzjonali bħalma huma l-editjar, iż-żamma u l-klassifikazzjoni ta’ messaġġi elettroniċi jew l-amministrazzjoni ta’ dettalji, u irrispettivament mill-isforzi tekniċi mwettqa mill-fornitur fir-rigward tad-diversi funzjonijiet, tali servizz ta’ posta elettronika jikkonsisti wkoll “kompletament jew prinċipalment” fi trażmissjoni ta’ sinjali minħabba li, fil-kuntest ta’ approċċ funzjonali mill-perspettiva tal-utent, hija l-funzjoni ta’ komunikazzjoni tas-servizz li hija l-funzjoni ewlenija?
2.
Fil-każ li l-kunċett imsemmi fl-ewwel domanda għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala prinċipju ma jinkludix is-servizzi ta’ posta elettronika fuq l-internet li huma disponibbli fuq l-internet miftuħ mingħajr madankollu ma jinkludu aċċess għall-internet: il-kunċett jista’ madankollu jkopri, b’mod eċċezzjonali, is-sitwazzjoni fejn il-fornitur ta’ tali servizz jopera fl-istess ħin in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tiegħu stess li jkunu konnessi mal-internet u li, fi kwalunkwe każ, jistgħu jintużaw għall-finijiet tas-servizz ta’ posta elettronika? Jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet dan huwa possibbli?
3.
Kif għandu jiġi interpretat il-kriterju “normalment ipprovdut bi ħlas” li jinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas 2002/21/KE?
(a)
B’mod partikolari, il-kriterju jeħtieġ il-pagament ta’ somma flus mill-utenti jew il-ħlas jista’ jikkonsisti fl-għoti, mill-utenti, ta’ korrispettiv ieħor li jkun ta’ interess ekonomiku għall-fornitur tas-servizz, sa fejn l-utenti, pereżempju, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-fornitur, b’mod attiv, data personali jew data oħra jew sa fejn din id-data tinġabar b’xi mod ieħor mill-fornitur tas-servizz meta jintuża s-servizz?
(b)
B’mod partikolari, il-kriterju jeħtieġ li l-ħlas joriġina neċessarjament minn dak li jibbenefika wkoll mill-prestazzjoni tas-servizz jew finanzjament parzjali jew integrali tas-servizz minn terzi, pereżempju permezz ta’ reklamar muri fuq is-sit tal-internet tal-fornitur tas-servizz, jista’ jkun biżżejjed?
(c)
B’mod partikolari, il-kelma “normalment” tikkonċerna, f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi li fihom il-fornitur ta’ servizz partikolari jipprovdi dan is-servizz, jew iċ-ċirkustanzi li fihom huma ġeneralment ipprovduti servizzi identiċi jew komparabbli?
( 1 ) Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).
Full & Egal Universal Law Academy