4.6.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fid-19 ta’ Marzu 2018 – Jadran Dodič vs BANKA KOPER, ALTA INVEST
(Kawża C-194/18)
(2018/C 190/13)
Lingwa tal-kawża: is-Sloven
Qorti tar-rinviju
Vrhovno sodišče Republike Slovenije
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Jadran Dodič
Konvenuti: BANKA KOPER, ALTA INVEST
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li trasferiment bħal dak li nħoloq fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, li kien jinkludi l-istrumenti finanzjarji u l-attivitajiet patrimonjali l-oħra tal-klijenti (b’mod speċifiku, it-titoli), il-kontabbiltà relatata mat-titoli ta’ kreditu immaterjali tal-klijenti u servizzi finanzjarji u aċċessorji oħra, kif ukoll l-arkivju, għandu jiġi kkwalifikat bħala trasferiment legali ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, fid-dawl tal-fatt li, wara l-waqfien mill-attività ta’ senserija fil-borża min-naħa tal-ewwel konvenuta, it-trasferiment tal-provvista ta’ dawn is-servizzi lit-tieni konvenuta kien jiddependi, b’mod definittiv, mid-deċiżjoni tal-kontraenti (il-klijenti)?
2)
Fiċ-ċirkustanzi msemmija, wara l-waqfien mill-attività ta’ senserija fil-borża min-naħa tal-ewwel konvenuta, huwa determinanti n-numru ta’ kontraenti li lilhom it-tieni konvenuta attwalment tipprovdi l-imsemmija servizzi?
3)
Il-fatt li l-ewwel konvenuta tkompli fl-attivitajiet tagħha mal-kontraenti fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija ta’ promozzjoni finanzjarja mhux indipendenti u, fl-ambitu ta’ tali funzjoni, tikkoopera mat-tieni konvenuta, ikollu b’xi mod inċidenza fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ stabbiliment?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98)
Full & Egal Universal Law Academy