Kawża C-226/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Marzu 2018 – Krohn & Schröder GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen
C2682018MT2110120180329MT0027211222
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Marzu 2018 – Krohn & Schröder GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen
(Kawża C-226/18)2018/C 268/27Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Krohn & Schröder GmbH
Konvenut: Hauptzollamt Hamburg-Hafen
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 212a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ( 1 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) japplika wkoll għall-eżenzjoni ta’ dazju antidumping u kumpensatorju skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1238/2013 ( 2 ) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1239/2013 ( 3 )?
2)
Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għal dejn doganali inkors skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba l-qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 49(1) ta’ dan il-kodiċi, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1239/2013 hija ssodisfatta meta l-kumpannija marbuta ma’ dik iċċitata fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE (li pproduċiet, bagħtet u ffatturat il-prodott ikkonċernat) żgur li ma aġixxietx bħala importatur tal-prodott ikkonċernat u lanqas ma rrilaxxatu għal ċirkulazzjoni libera, iżda madankollu kellha tali intenzjoni, u effettivament irċeviet kunsinna tal-prodott ikkonċernat?
3)
Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta affermattiva għat-tieni domanda, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għal dejn doganali inkors skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba l-qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi Doganali, fattura konformi u ċertifikat ta’ impenn għall-esportazzjoni konformi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1239/2013 ikunu għadhom jistgħu jiġu ppreżentati f’terminu stabbilit mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 53(1) tal-Kodiċi Doganali?
4)
Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta affermattiva għat-tielet domanda, fattura konformi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 1239/2013 li, minflok id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE, tiċċita d-Deċiżjoni 2013/243/UE, tissodisfa, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, il-kundizzjonijiet tal-punt 9 tal-Anness III tar-Reglament Nru 1238/2013 u tal-punt 9 tal-Anness 2 tar-Regolament Nru 1239/2013?
5)
Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għar-raba’ domanda, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a] tal-Kodiċi Doganali għal dejn doganali inkors skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba l-qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 49(1) ta’ dan il-kodiċi, fattura konformi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 1239/2013 tkun għadha tista’ tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment kontra d-determinazzjoni tad-dejn doganali?
( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).
( 2 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1).
( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).
Full & Egal Universal Law Academy