Kawża C-271/18 P: Appell ippreżentat fid-19 ta’ April 2018 mir-Repubblika tas-Slovakkja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-5 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-216/15, Dôvera zdravotná poisťovňa vs Il-Kummissjoni
C2592018MT2010120180419MT0029201212
Appell ippreżentat fid-19 ta’ April 2018 mir-Repubblika tas-Slovakkja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-5 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-216/15, Dôvera zdravotná poisťovňa vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-271/18 P)2018/C 259/29Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika tas-Slovakkja (rappreżentant: B. Ricziová)
Parti oħra fil-proċedura: Dôvera zdravotná poisťovňa
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-5 ta’ Frar 2018 fil-kawża T-216/15, Dôvera zdravotná poisťovňa a.s. vs Il-Kummissjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ Dôvera,
—
tiċħad l-appell ta’ Dôvera zdravotná poisťovňa minħabba li huwa infondat; u
—
tikkundanna lil Dôvera zdravotná poisťovňa u lil Union zdravotná poisťovňa, a.s. għall-ispejjeż.
Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li hija ma għandhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni definittiva dwar it-tilwima, ir-Repubblika Slovakka titlob, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2018 fil-kawża T-216/15, Dôvera zdravotná poisťovňa a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ Dôvera,
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata eżitu; u
—
tirriżerva d-deċiżjoni tagħha fuq l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Slovakka tressaq erba’ aggravji li jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali:
1.
Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali marret lilhinn mis-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju li hija għandha fil-konfront tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni hija univoka u, skont ir-Repubblika Slovakka, hija ma ġietx osservata f’dan il-każ. Ir-Repubblika Slovakka tafferma li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma osservatx is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi u li hija ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, iżda hija sempliċement issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha nnifisha ma’ dik tal-Kummissjoni, preċiżament evalwazzjoni kuntrarja, fejn b’hekk marret lilhinn mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju.
2.
Fil-kuntest tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat, minn żewġ perspettivi, il-provi li ġew prodotti lilha, billi waslet għal konstatazzjonijiet fattwali materjalment żbaljati, fejn dawn l-iżbalji kienu jirriżultaw b’mod ċar mid-dokumenti li jinsabu fil-fajl. L-iżnaturament tal-provi allegat jirrigwarda, minn naħa, il-kriterju tal-benefiċċji u, min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-kompetizzjoni fi ħdan is-sistema Slovakka ta’ assigurazzjoni tal-mard obbligatorja.
3.
Fil-kuntest tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-sistema Slovakka ta’ assigurazzjoni tal-mard obbligatorja, fejn b’hekk kisret kemm l-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Is-sentenza appellata hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Konkretament, il-Qorti Ġenerali i) tat deċiżjoni f’sens oppost għal dak tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi preċedenti simili, ii) tat deċiżjoni bl-istess mod bħall-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi preċedenti differenti, u iii) ma osservatx il-bażi tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-klassifikazzjoni ta’ sistema konkreta ta’ sigurtà soċjali tirriżulta mill-karatteristiċi dominanti tagħha.
4.
Sussegwentement, fil-kuntest tar-raba’ aggravju, ir-Repubblika Slovakka tafferma li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata tippreżenta numru ta’ nuqqasijiet, li jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Konkretament i) il-Qorti Ġenerali assolutament ma spjegatx uħud mill-konklużjonijiet tagħha u mill-approċċi tagħha (li kienu, barra minn hekk, determinanti); ii) il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija, minn numru ta’ aspetti, kontradittorja u l-Qorti Ġenerali tikkontradiċi lilha nnifisha fis-sentenza appellata; iii) il-Qorti Ġenerali, fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-affermazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Slovakka. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 36 u tal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy