Kawża C-277/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Administrativo de Círculo de Lisboa (il-Portugall) fl-24 ta’ April 2018 – Henkel Ibérica Portugal, Unipessoal Lda vs Comissão de Segurança de Serviços e Bens de Consumo
C2592018MT2220120180424MT0031222232
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Administrativo de Círculo de Lisboa (il-Portugall) fl-24 ta’ April 2018 – Henkel Ibérica Portugal, Unipessoal Lda vs Comissão de Segurança de Serviços e Bens de Consumo
(Kawża C-277/18)2018/C 259/31Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal Administrativo de Círculo de Lisboa
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Henkel Ibérica Portugal, Unipessoal Lda
Konvenuta: Comissão de Segurança de Serviços e Bens de Consumo
Domandi preliminari
1)
Sistema nazzjonali li ġiet fis-seħħ permezz tad-Digriet Liġi Nru 69/2005, tas-17 ta’ Marzu u d-Digriet Liġi Nru 150/90 tal-10 ta’ Mejju, li minbarra li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jistgħu jqiegħdu f’riskju s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, inkwantu jistgħu jiġu mfixkla ma’ prodotti tal-ikel, tipprojbixxi wkoll il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li, peress li jistgħu jiġu mfixkla ma’ prodotti oħra minħabba l-apparenza tagħhom, b’mod speċifiku inkwantu jistgħu jiġu mfixkla ma’ ġugarelli, ikunu jistgħu, f’ċirkustanzi ta’ użu normali jew raġonevolament prevedibbli, iqiegħdu f’riskju s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, b’mod speċjali t-tfal, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b’mod speċifiku mad-Direttiva 2001/95/KE ( 1 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, mal-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat – hekk kif inhuma ċċitati f’dak iż-żmien f’dik id-direttiva – u mad-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE ( 2 ), tal-25 ta’ Ġunju 1987?
2)
L-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi fit-territorju nazzjonali mhux biss il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jistgħu jiġu mfixkla ma’ prodotti tal-ikel, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll prodotti oħra li l-apparenza tagħhom tista’ tħajjar lill-konsumaturi jużawhom b’mod differenti minn dak li għalih inħolqu, anki meta dawn ma jkunux preparazzjonijiet perikolużi fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/45/KE ( 3 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi?
( 1 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prodotti li, minħabba li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu, jipperikolaw is-saħħa jew s-sigurtà tal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 8, p. 283).
( 3 ) Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 109).
Full & Egal Universal Law Academy