Kawża C-299/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Mejju 2018 – Stefan Neldner vs Eurowings GmbH
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Mejju 2018 – Stefan Neldner vs Eurowings GmbH
(Kawża C-299/18)
2018/C 285/33Lingwa tal-kawża: il-ĠermaniżQorti tar-rinviju
Landgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Stefan Neldner
Konvenuta: Eurowings GmbH
Domandi preliminari
1.
Kumpens previst taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament ( 1 ) jista’ jitnaqqas minn dritt għal kumpens għad-danni mogħti skont id-dritt nazzjonali bħala rimbors għall-ispejjeż supplimentari ta’ vvjaġġar imġarrba bħala riżultat tal-kanċellazzjoni ta’ titjira rriżervata fil-każ li t-trasportatur tal-ajru jkun issodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan l-istess regolament?
2.
Fil-każ li tnaqqis huwa possibbli: dan japplika wkoll għall-ispejjeż relatati mar-rotta differenti għal post ieħor li ma huwiex id-destinazzjoni finali tal-vjaġġ, fil-każ li l-passiġġier jirrifjuta r-rotta differenti offruta mit-trasportatur tal-ajru sad-destinazzjoni finali tal-vjaġġ?
3.
Sa fejn tnaqqis huwa possibbli: it-trasportatur tal-ajru jista’ jwettaq tali tnaqqis fi kwalunkwe każ jew dan it-tnaqqis jiddependi minn sa fejn id-dritt nazzjonali jawtorizzah jew sa fejn il-qorti tikkunsidrah xieraq?
4.
Sa fejn id-dritt nazzjonali huwa applikabbli jew sa fejn il-qorti għandha diskrezzjoni sabiex tieħu tali deċiżjoni: il-kumpens taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament huwa intiż sabiex jikkumpensa esklużivament l-inkonvenjenza u t-telf ta’ ħin li jsofru l-passiġġieri bħala riżultat tal-kanċellazzjoni, jew huwa wkoll intiż li jkopri dannu materjali?
( 1 ) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).