Kawża C-313/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt (l-Isvezja) fid-9 ta’ Mejju 2018 – Dacom Limited vs IPM Informed Portfolio Management AB
C2682018MT2510120180509MT0031251262
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt (l-Isvezja) fid-9 ta’ Mejju 2018 – Dacom Limited vs IPM Informed Portfolio Management AB
(Kawża C-313/18)2018/C 268/31Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Qorti tar-rinviju
Svea hovrätt
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dacom Limited
Konvenuta: IPM Informed Portfolio Management AB
Domandi preliminari
1.1
Permezz ta’ liema kriterji jista’ jiġi ddeterminat jekk materjal jikkostitwixxix materjal preparatorju ta’ disinn fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter ( 1 )? Dokument li jispeċifika l-funzjonijiet li programm tal-kompjuter għandu jkun jista’ jeżegwixxi, pereżempju deskrizzjonijiet iddettaljati ta’ prinċipji ta’ investiment jew ta’ mudelli ta’ riskji ta’ ġestjoni tal-kapital li jinkludu mudelli matematiċi li għandhom jiġu applikati minn dan il-programm, jista’ jikkostitwixxi tali materjal preparatorju ta’ disinn?
1.2
Sabiex ikun jista’ jitqies li huwa preparatorju ta’ disinn fis-sens tal-imsemmija direttiva, materjal għandu jkun eżawrjenti u ddettaljat b’mod li fil-prattika ma titħalla ebda awtonomija ta’ disinn lill-persuna li tikteb il-kodiċi tal-programm tal-kompjuter?
1.3
Id-drittijiet esklużivi fuq il-materjal preparatorju ta’ disinn fis-sens tal-imsemmija direttiva għandhom l-effett li l-programm tal-kompjuter li jirriżulta minn dan il-materjal għandu jitqies li huwa alterazzjoni tal-imsemmi materjal u li jikkostitwixxi għalhekk xogħol indipendenti għall-finijiet tad-drittijiet tal-awtur (Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24) jew li l-materjal preparatorju ta’ disinn u l-programm tal-kompjuter jikkostitwixxu forom ta’ espressjoni differenti tal-istess xogħol, jew inkella li huma żewġ xogħlijiet indipendenti?
2.1
Konsulent, impjegat minn kumpannija oħra, li ħadem għal diversi snin għall-istess klijent u li, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu ma’ dan il-klijent jew fuq istruzzjonijiet tiegħu, ħoloq programm tal-kompjuter, jista’ jitqies li huwa impjegat tal-kumpannija tal-klijent fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/24?
2.2
Permezz ta’ liema kriterji jista’ jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex impjegata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?
3.1
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 2 ) għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli li tinkiseb miżura ta’ projbizzjoni anki fil-każ fejn il-persuna li tressaq it-talba tkun kodetentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mal-persuna li kontriha tkun qiegħda tintalab din il-miżura?
3.2
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3.1, l-evalwazzjoni li għandha ssir għandha tkun differenti jekk id-drittijiet esklużivi jkunu jirrigwardaw programm tal-kompjuter u dan ma jkunx tqassam jew ikkomunikat lill-pubbliku, iżda jkun intuża esklużivament fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ wieħed mill-kodetenturi?
( 1 ) ĠU 2009, L 111, p. 16.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.
Full & Egal Universal Law Academy