Kawża C-319/18 P: Appell ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2018 minn Fred Olsen, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-108/16, Naviera Armas, S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea
C2682018MT2710120180514MT0033271282
Appell ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2018 minn Fred Olsen, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-108/16, Naviera Armas, S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-319/18 P)2018/C 268/33Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Fred Olsen, S.A. (rappreżentanti: J.M. Rodríguez Cárcamo u A.M. Rodríguez Conde, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura:
Naviera Armas, S.A.
Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Fred Olsen, S.A. titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla kompletament is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2018, mogħtija fil-Kawża T-108/16 Naviera Armas, S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea sostnuta minn Fred Olsen, S.A., EU:T:2018:145,
—
tiċħad kompletament it-talbiet ta’ Naviera Armas, S.A. intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni (2015) 8655 finali tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36628 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Spanja – Fred Olsen, u
—
tikkundanna lill-partijiet li jopponu l-appell sabiex iħallsu l-ispejjeż sostnuti minn Fred Olsen, S.A. fil-kuntest tal-istess appell u lil Naviera Armas, S.A. għall-ispejjeż sostnuti minn Fred Olsen, S.A. fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
1. L-ewwel aggravju
1
Fl-ewwel aggravju tagħha Fred Olsen tinvoka n-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tas-selettività tal-miżura fis-sens mitlub mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C-524/14 P) ( 1 ).
2
Li kieku l-Qorti Ġenerali kienet analizzat is-selettività tal-miżura konformement mal-kriterji li jirriżultaw minn dik is-sentenza, kien ikollha tanalizza (i) il-qafas ġenerali ta’ referenza li taħtu jaqgħu it-taxxi mħallsa minn Fred Olsen għall-użu ta’ Puerto de las Nieves, jiġifieri s-sistema ta’ taxxi applikabbli għall-portijiet kollha fil-Gżejjer Kanarji, kif irregolat fid-dritt nazzjonali, (ii) jekk is-sitwazzjonijiet ta’ Fred Olsen u dawk ta’ operaturi oħra li jużaw tali infrastrutturi, inkluża Naviera Armas, humhiex paragunabbli fir-rigward tal-miżura eżaminata u (iii) l-eventwali eżistenza ta’ diskriminazzjoni fil-ħlas ta’ dawn it-taxxi.
3
Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-fatt innifsu li Fred Olsen hija l-uniku utent tal-Puerto de las Nieves ma jirrappreżentax bħala tali vantaġġ miksub minn riżorsi tal-istat, peress li Fred Olsen tħallas l-ammont normali ta’ taxxi mitluba mill-operaturi kollha fis-sistema applikabbli għall-portijiet kollha tal-Gżejjer Kanarji. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq eżami tas-selettività tal-miżura.
4
Bil-kontra ta’ dan, biex tevalwa l-eżistenza ta’ diffikultà fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali kellha twettaq tali eżami, li kien jippermettilha tevalwa jekk it-taxxi portwarji mħallsa minn Fred Olsen, bħala korrisspettiv biex tkun l-uniku utent tal-infrastruttura portwarja tal-Puerto de las Nieves, tawhiex xi tip ta’ vantaġġ.
5
Peress li l-motivazzjoni tas-sentenza hija manifestament żbaljata f’dan il-punt, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dan l-allegat vantaġġ, u għal din ir-raġuni s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.
2. It-tieni aggravju
6
Fit-tieni aggravju tagħha Fred Olsen tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ma applikatx it-test tal-investitur privat, kienet suffiċjentement immotivata.
7
Il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kienet insuffiċjenti peress li, fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni kellha tuża l-kriterju tal-investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq.
8
Madankollu, minbarra l-fatt innifsu li Fred Olsen hija l-uniku utent ta’ Puerto de las Nieves, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali mkien ma hemm indikat li din is-sitwazzjoni tagħtiha xi vantaġġ relatat mal-ħlas tat-taxxi għall-użu tal-infrastrutturi. F’dan il-każ la hemm xi ftehim jew tnaqqis fil-ħlas tat-taxxi minn Fred Olsen, u lanqas sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-ħlas tat-taxxi fil-konfront ta’ operaturi oħra, bħal Naviera Armas.
9
Għaldaqstant, is-sentenzi Freistaat Sachsen u Land Sajonia-Anhalt vs Il-Kummissjoni (T-443/08 u T-455/08) ( 2 ), Ryanair vs Il-Kummissjoni (T-196/04) ( 3 ), u Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98) ( 4 ) ma kinux applikabbli għal din il-kawża.
10
Għal din ir-raġuni, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata fl-intier tagħha u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tinżamm fl-intier tagħha.
( 1 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C-524/14 P, EU:C:2016:971).
( 2 ) Sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sajonia-Anhalt vs Il-Kummissjoni (T-443/08 u T-455/08, EU:T:2011:117).
( 3 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T-196/04, EU:T:2008:585).
( 4 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290).
Full & Egal Universal Law Academy