Kawża C-331/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (ir-Repubblika Slovakka) fit-22 ta’ Mejju 2018 – TE vs Pohotovosť s.r.o.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (ir-Repubblika Slovakka) fit-22 ta’ Mejju 2018 – TE vs Pohotovosť s.r.o.
(Kawża C-331/18)
2018/C 294/20Lingwa tal-kawża: is-SlovakkQorti tar-rinviju
Krajský súd v Prešove
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: TE
Konvenuta: Pohotovosť s.r.o.
Domandi preliminari
1.
A.
Wara s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-42/15 ( 1 ), il-leġiżlatur Slovakk neħħa, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2018, il-kliem “tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjez l-oħra” li kien jinstab fl-Artikolu 9 taz-zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 129/2010 dwar Krediti għall-Konsum u Krediti u Self Ieħor għall-Konsumaturi u li Temenda u Tissupplimenta Ċerti Liġijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 129/2010”) inkwantu elementi tal-kuntratt relatati mar-rimbors tal-kreditu, u b’dan il-mod temm id-dritt, mogħti mil-liġi lill-konsumaturi fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, għal xi forma ta’ indikazzjoni (mhux biss fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament) tal-analiżi dettaljata tal-ħlasijiet bejn kapital, interessi u spejjeż, kif ukoll tas-sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dritt.
B.
Ċertament, wara l-1 ta’ Mejju 2018, l-emenda tal-liġi ppermettiet implimentazzjoni aħjar tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, fit-tilwimiet relatati mal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi qabel l-1 ta’ Mejju 2018, il-qrati [Slovakki] irreaġixxew [għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja] b’tali mod li jintlaħaq, essenzjalment, l-istess riżultat bħal dak imfittex mil-leġiżlatur, billi adottaw interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.
C.
F’dan il-kuntest, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-effett indirett tad-direttivi. Fid-dawl tan-numru kbir ta’ deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-qrati aċċettaw, fl-imgħoddi, li l-Liġi Nru 129/2010 tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jingħataw indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-analiżi dettaljata tal-ħlasijiet bejn kapital, interessi u spejjeż, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita bid-domanda li ġejja:
Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-effett indirett ta’ direttiva fir-relazzjonijiet orizontali bejn individwi għall-finijiet li jiġi ggarantit l-effett sħiħ tagħha permezz tal-applikazzjoni tal-metodi kollha ta’ interpretazzjoni u tal-ordinament ġuridiku intern, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jippermetti li qorti tagħti deċiżjoni, f’tilwima dwar kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż qabel l-1 ta’ Mejju 2018, li l-effetti tagħha huma ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-emenda tal-liġi li ġiet adottata mil-leġiżlatur, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2018, bil-għan li tiġi implimentata s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-42/15?
Il-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel id-domandi l-oħra biss fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 1C tkun fis-sens li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-effett indirett ta’ direttiva fir-relazzjonijiet orizzontali bejn individwi għall-finijiet li jiġi ggarantit l-effett sħiħ tagħha, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jippermetti li qorti tagħti deċiżjoni li l-effetti tagħha huma ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-emenda tal-liġi li ġiet adottata mil-leġiżlatur, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2018, bil-għan li tiġi implimentata s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-42/15, u, konsegwentement f’tali każ:
2.
Is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-42/15, Home Credit Slovakia, u d-Direttiva 2008/48/KE ( 2 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/48”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/48 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li mhux biss teżiġi li jingħataw dettalji dwar il-ħlasijiet fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, iżda wkoll kull espressjoni legali oħra tal-ammont, tan-numru u tal-perjodiċità tar-rimborsi tal-kapital ta’ self għall-konsum?
3.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li, [minbarra] dak li huwa indikat għall-kapital, din tirregola wkoll il-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi d-dritt li l-konsumaturi jingħataw indikazzjonijiet, f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, dwar l-ammont, in-numru u l-iskadenzi tal-pagamenti tal-interessi u tal-ispejjeż tmurx lil hinn mid-Direttiva 2008/48? Jekk is-sentenza tirrigwarda wkoll l-interessi u l-ispejjeż, għandu jitqies li anki analiżi dettaljata tar-rimbors tal-interessi u tal-ispejjeż f’forma oħra għajr dik tat-tabella ta’ ammortizzament tmur lil hinn mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari mill-Artikolu 19(2)(j) tagħha?
( 1 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C-42/15, EU:C:2016:842).
( 2 ) ĠU 2008, L 133, p. 66.
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).