Kawża C-354/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bacău (ir-Rumanija) fit-30 ta’ Mejju 2018 – Radu Lucian Rusu, Oana Maria Rusu vs SC Blue Air – Airline Management Solutions Srl
C2942018MT2010120180530MT0027201212
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bacău (ir-Rumanija) fit-30 ta’ Mejju 2018 – Radu Lucian Rusu, Oana Maria Rusu vs SC Blue Air – Airline Management Solutions Srl
(Kawża C-354/18)2018/C 294/27Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Bacău
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Radu Lucian Rusu, Oana Maria Rusu
Konvenuta: SC Blue Air – Airline Management Solutions Srl
Domandi preliminari
1)
Is-somma ta’ EUR 400 prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 ( 1 ) hija prinċipalment intiża biex tikkumpensa d-dannu materjali, filwaqt li d-dannu morali għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, jew l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 ikopri prinċipalment id-dannu morali, filwaqt li d-dannu materjali jaqa’ taħt l-Artikolu 12?
2)
L-ammont tat-telf ta’ salarju li jeċċedi s-somma ta’ EUR 400 msemmi fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jifforma parti mill-kunċett ta’ kumpens ulterjuri skont l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament?
3)
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12[(1)] tar-Regolament Nru 261/2004, “[i]l-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens”. Dan l-artikolu tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jħalli fid-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali d-deċiżjoni li tnaqqas is-somma mogħtija abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 mill-kumpens ulterjuri, jew dan it-tnaqqis huwa obbligatorju?
4)
F’każ li t-tnaqqis ta’ din is-somma ma huwiex obbligatorju, liema huma l-elementi li abbażi tagħhom il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi li tnaqqas is-somma msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 mill-kumpens ulterjuri?
5)
Id-dannu li jirriżulta mit-telf tas-salarju kkawżat mill-impossibbiltà għall-ħaddiem li jippreżenta ruħu fuq il-post tax-xogħol tiegħu minħabba dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni, b’riżultat ta’ bidla fir-rotta, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-osservanza tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 8 jew ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 12 flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2014?
6)
L-osservanza tal-obbligu tat-trasportatur tal-ajru li joffri assistenza, konformement mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004 timplika li l-passiġġier għandu jingħata informazzjoni kompleta dwar il-possibbiltajiet kollha [ta’ rotta differenti], kif stabbilit mill-Artikolu 8(1)(a), (b), u (ċ), tar-Regolament Nru 261/2004?
7)
Għall-finijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, fuq min jaqa’ l-oneru li jipprova li l-bidla fir-rotta twettqet mal-ewwel opportunità?
8)
Ir-Regolament Nru 261/2004 jimponi fuq il-passiġġieri obbligu li jwettqu riċerki sabiex jidentifikaw titjiriet oħra lejn id-destinazzjoni tagħhom u li jitolbu lill-kumpannija tal-ajru biex issib postijiet fuq dawn it-titjiriet, jew il-kumpannija tal-ajru hija marbuta li tfittex fuq inizjattiva tagħha l-iktar għażla vantaġġuża għall-passiġġieri, sabiex tpoġġihom fit-triq lejn id-destinazzjoni tagħhom?
9)
Il-fatt li l-passiġġieri aċċettaw il-proposta tal-kumpannija tal-ajru li offritilhom titjira fil-11 ta’ Settembru 2016, filwaqt li dawn setgħu jissupponu li ma kinux ser jitħallsu għall-perijodu li matulu kienu ser ikunu assenti mill-post tax-xogħol tagħhom, huwa ta’ importanza għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu subit minnhom?
( 1 ) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).
Full & Egal Universal Law Academy